Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Commissione tributaria regionale per il Veneto (l-Italja) fis-17 ta’ Ġunju 2019 – Regione Veneto vs HD

(Kawża C-468/19)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Commissione tributaria regionale per il Veneto (il-Kummissjoni Fiskali Reġjonali tal-Veneto)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Regione Veneto

Konvenut: HD

Domandi preliminari

L-“oġġetti kulturali” msemmija fl-Artikolu 36 TFUE għandhom jiġu identifikati skont il-kriterji previsti fil-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/60/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 1 , li jagħti valur determinanti lid-definizzjoni ta’ dawn l-oġġetti prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali?

Barra minn hekk, il-protezzjoni ta’ “oġġetti kulturali” prevista fl-Artikolu 36 TFUE hija estiża wkoll għall-“vetturi antiki” msemmija fid-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Settembru 2000 2 ?

Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija iktar ’il fuq jieħdu huma wkoll inkunsiderazzjoni, għall-finijiet ta’ protezzjoni mħaddna minnhom stess, il-vetturi li d-dritt Taljan jikklassifika bħala “vetturi li għandhom interess storiku jew interess għall-kollezzjonisti”, minħabba l-obbligu li jinżammu fl-istat oriġinali tagħhom?

Barra minn hekk, il-protezzjoni ta’ “oġġetti kulturali”, fosthom il-“vetturi antiki”, prevista fl-Artikolu 36 TFUE u evokata fil-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/60/UE kif ukoll fil-premessa 10 tad-Direttiva 2000/53/KE, fid-dawl tal-punt 26 tal-Programm Ewropew ta’ Azzjoni għas-Sikurezza fit-Toroq adottat fid-29 ta’ Settembru 2005, tista’ tiġi interpretata fis-sens li tippermetti lill-Istati Membri japplikaw eżenzjoni fiskali diskriminatorja, peress li hija rriżervata biss għall-vetturi “vetturi li għandhom interess partikolari storiku jew interess partikolari għall-kollezzjonisti”, minkejja li eżenzjoni iktar wiesgħa tingħata għal-vetturi kollha li għandhom “interess storiku jew interess għall-kollezzjonisti” f’ċerti żoni tat-territorju nazzjonali bis-saħħa tal-liġijiet reġjonali u provinċjali li ma humiex applikabbli fl-imsemmija żoni?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għad-domanda preċedenti, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija iktar ’il fuq jippermettu, madankollu, li l-leġiżlazzjoni tal-Istat tipprevedi trattament fiskali sfavorevoli u diskriminatorju għall-“vetturi li għandhom interess storiku jew interess għall-kollezzjonisti” preċiżament minħabba ż-żmien tagħhom, li jżid il-piż fiskali minħabba l-emmissjonijiet tagħhom li jniġġsu iktar, u dan inaqqas il-protezzjoni mogħtija lilhom, jipprevjeni l-valorizazzjoni tagħhom u jiddiswadi lill-proprjetarji tagħhom milli jikkonservawhom?

Il-prinċipju ta’ moviment liberu tal-merkanzija, sanċit fl-Artikolu 52(2) TUE u fl-Artikolu 30 TFUE u l-projbizzjoni korrispondenti ta’ miżuri ekwivalenti għad-dazji doganali, fid-dawl tal-kriterji żviluppati f’dan ir-rigward mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jippermettu lil Stat Membru li jissottometti lill-vetturi rrikonoxxuti bħala li “għandhom interess storiku jew interess għall-kollezzjonisti” għal trattament fiskali diskriminatorju u mhux omoġenju fit-territorju nazzjonali kollu, li jolqot it-trasferimenti ta’ proprjetà ta’ dawn il-vetturi bejn persuna ddomiċiljata f’[parti mit-]territorju tal-Istat fejn hemm eżenzjoni u persuna ddomiċiljata f’[parti mit-]territorju tal-Istat fejn, bil-kontra, it-taxxa hija prevista?

L-Artikoli 18, 19, 20, 21, 45 u 49 TFUE, li jipproteġu l-libertajiet fundamentali ggarantiti fiż-Żona Komuni Ewropea, u l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjonijiet diretti u indiretti, prevista mid-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 3 , jipprekludu li trattament fiskali sfavorevoli u diskriminatorju, fi ħdan Stat Membru, jiddistingwi u jippenalizza l-proprjetarji ta’ vetturi li għandhom interess storiku jew interess għall-kollezzjonisti abbażi tas-sempliċi domiċilju tagħhom?

Fl-aħħar nett, il-prinċipji ta’ libertà, ta’ awtonomija u ta’ indipendenza ta’ qorti ddikkjarati u protetti fl-Artikolu 2 TUE fiż-Żona Komuni Ewropea sabiex jiġi ggarantit “smigħ xieraq”, jippermettu lil Stat Membru jipprekludi bil-liġi lill-qorti milli tirrikonoxxi b’mod awtonomu li vettura bil-mutur għandha “interess partikolari storiku jew interess partikolari għall-kollezzjonisti” sabiex tiddetermina jekk din il-vettura hijiex eżentata mit-taxxa, billi tobbliga lill-qorti tibbaża lilha nnifisha biss fuq id-deċiżjonijiet adottati f’dan ir-rigward minn entità privata li hija inkarigata b’mod esklużiv?

____________

1     Direttiva 2014/60/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar ir-ritorn ta’ oġġetti kulturali mneħħija illegalment mit-territorju ta’ Stat Membru u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (ĠU 2014, L 159, p. 1, rettifika fil-ĠU 2015, L 147, p. 24).

2     Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Settembru 2000 dwar vetturi li m’ għadhomx jintużaw (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 224).

3     Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 23).