DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(L-Ewwel Awla)
28 ta’ Settembru 2011
Kawża F‑6/11
M
vs
Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA)
“Servizz pubbliku — Rikors għad-danni — Rikors manifestement inammissibbli”
Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu M qed jitlob li l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) tikkumpensah għad-danni subiti wara inċident fuq il-post tax-xogħol.
Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. M għandu jbati l-ispejjeż kollha.
Sommarju
1. Proċedura — Ammissibbiltà tar-rikorsi — Introduzzjoni ta’ eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà — Libertà ta’ qorti li tadotta digriet abbażi tal-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku
(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 76)
2. Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Inċident fuq il-post tax-xogħol — Kumpens fil-forma ta’ somma f’daqqa taħt is-sistema stabbilita fir-Regolamenti tal-Persunal — Talba għal kumpens kumplimentari taħt id-dritt komuni — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet
(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 73 u 90(1))
1. Anki fil-preżenza ta’ eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-konvenut b’att separat, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jibqa’ liberu, jekk jidhirlu li r-rikors huwa manifestament inammissibbli, li jadotta digriet abbażi tal-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu.
(ara l-punt 12)
Referenza:
It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 25 ta’ Novembru 2009, Soerensen Ferraresi vs Il‑Kummissjoni, F‑5/09, punt 14
2. Membru tal-persunal li jisfa vittma ta’ inċident għandu dritt li jitlob kumpens addizzjonali lill-amministrazzjoni meta jqis li l-amministrazzjoni hija responsabbli, skont id-dritt komuni, għall-inċident u li s-sistema statutorja stabbilita mill-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal ma tippermettix kumpens xieraq. Madankollu, f’każ bħal dan, il-proċedura amministrattiva li għandu jikkonforma magħha l-membru tal-persunal sabiex ikun jista’ jibbenefika minn dan il-kumpens addizzjonali għandha tinbeda b’talba skont l-Artikolu 90(1) tar‑Regolamenti tal-Persunal, maħsuba għall-ksib ta’ kumpens għad-danni kumplimentari u għandha tkun segwita, jekk ikun il-każ, b’ilment dirett kontra d‑deċiżjoni li tiċħad it‑talba.
(ara l-punt 14)
Referenza:
Il-Qorti tal-Ġustizzja: 8 ta’ Ottubru 1986, Leussink vs Il‑Kummissjoni, 169/83 u 136/84, punt 13