Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (l-Awstrija) fit-23 ta’ Awwissu 2018 – FN et

(Kawża C-546/18)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesverwaltungsgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: FN, GM, Adler Real Estate AG, HL, Petrus Advisers LLP

Konvenuta: Übernahmekommission

Domandi preliminari

L-Artikoli 4 u 17 tad-Direttiva 2004/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 fuq offerti ta’ xiri 1 , moqrija flimkien mal-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni, jipprekludu interpretazzjoni li permezz tagħha deċiżjoni definittiva tal-awtorità superviżorja msemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/25/KE, li tikkonstata ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt intern li jittrasponu din id-direttiva mwettaq minn persuna, ma jkollha ebda natura vinkolanti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva li tkun tmexxiet sussegwentement minn din l-awtorità superviżorja kontra din l-istess persuna, b’mod li din tal-aħħar tkun tista’ mill-ġdid tinvoka l-motivi u l-provi kollha sabiex tikkontesta, fil-fatt u fid-dritt, il-ksur diġà kkonstatat preċedentement minn din id-deċiżjoni definittiva?

L-Artikoli 4 u 17 tad-Direttiva 2004/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 fuq offerti ta’ xiri, moqrija flimkien mal-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni, jipprekludu interpretazzjoni li permezz tagħha deċiżjoni definittiva tal-awtorità superviżorja msemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/25/KE, li tikkonstata ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt intern li jittrasponu din id-direttiva mwettaq minn persuna ġuridika, ma jkollha ebda natura vinkolanti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva li tkun tmexxiet sussegwentement minn din l-awtorità superviżorja kontra l-korp awtorizzat li jirrappreżenta din il-persuna ġuridika, b’mod li l-imsemmija persuna (il-korp) tkun tista’ mill-ġdid tinvoka l-motivi u l-provi kollha sabiex tikkontesta, fil-fatt u fid-dritt, il-ksur diġà kkonstatat preċedentement minn din id-deċiżjoni definittiva?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda:

L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprekludi li prattika nazzjonali li tipprovdi li n-natura vinkolanti hija rrikonoxxuta lil deċiżjoni definittiva tal-awtorità superviżorja msemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/25/KE li tikkonstata ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt intern li jittrasponu din id-direttiva mwettaq minn persuna fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva li tkun tmexxiet sussegwentement minn din l-awtorità superviżorja kontriha, b’mod li hija ma tistax tikkontesta, fil-fatt jew fid-dritt, il-ksur ikkonstatat preċedentement b’mod definittiv?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda:

L-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprekludi li prattika nazzjonali li tipprovdi li n-natura vinkolanti hija rrikonoxxuta lil deċiżjoni definittiva tal-awtorità superviżorja msemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/25/KE li tikkonstata ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt intern li jittrasponu din id-direttiva mwettaq minn persuna ġuridika, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva li tmexxiet sussegwentement minn din l-awtorità superviżorja kontra l-korp rappreżentattiv ta’ din il-persuna ġuridika, b’mod li hija (il-korp) ma tistax tikkontesta, fil-fatt jew fid-dritt, il-ksur ikkonstatat preċedentement b’mod definittiv?

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 20.