Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin (il-Ġermanja) fid-19 ta’ Ġunju 2020 – Aurubis AG vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

(Kawża C-271/20)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniz

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgericht Berlin

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Aurubis AG

Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata mill-Umweltbundesamt

Domandi preliminari

Il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(d) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE 1 għal allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mingħajr ħlas abbażi ta’ subinstallazzjoni ta’ valur ta’ emissjonijiet ta’ kombustibbli huma ssodisfatti meta, f’installazzjoni għall-produzzjoni ta’ metalli mhux tal-ħadid li jaqgħu taħt l-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE, konċentrat ta’ ram li jkun fih il-kubrit jintuża f’forn tat-tidwib flash għall-finijiet tal-produzzjoni ta’ ram primarju, u s-sħana li ma titkejjilx neċessarja għat-tidwib tal-mineral ta’ ram li jkun jinsab fil-konċentrat essenzjalment tinkiseb permezz tal-ossidazzjoni tal-kubrit li jinsab fil-konċentrat, proċess li permezz tiegħu l-konċentrat ta’ ram jintuża kemm bħala sors ta’ materja prima kif ukoll bħala materjal kombustibbli għall-finijiet tal-produzzjoni ta’ sħana?

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv:

Drittijiet għal allokazzjoni mingħajr ħlas ta’ kwoti ta’ emissjonijiet supplimentari għat-tielet perijodu ta’ skambju jistgħu jiġu ssodisfatti wara t-tmiem ta’ dan it-tielet perijodu permezz ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tar-raba’ perijodu ta’ skambju, meta jkun biss wara li jgħaddi t-tielet perijodu ta’ skambju li l-eżistenza ta’ tali dritt ta’ allokazzjoni tkun ġiet ikkonstatata mill-qorti, jew għandu jitqies li d-drittijiet għal allokazzjoni li għadhom ma humiex issodisfatti ma jibqgħux jeżistu meta t-tielet perijodu ta’ skambju jiġi fi tmiemu?

____________

1 Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ April 2011 li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 130, p. 1).