Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) fil-15 ta’ Ġunju 2020 – Thelen Technopark Berlin GmbH vs MN

(Kawża C-261/20)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesgerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Thelen Technopark Berlin GmbH

Konvenut: MN

Domandi preliminari

Jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari mill-Artikolu 4(3) TUE, mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE u mill-Artikolu 260(1) TFUE, li l-Artikolu 15(1), (2)(g) u (3) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern 1 għandu effett dirett fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja fis-seħħ bejn persuni privati fis-sens li dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali kuntrarji għal din id-direttiva, li jinsabu fl-Artikolu 7 tal-Honorarordnung für Architekten und Ingenieure (ir-Regolament dwar l-Iskala tal-Onorarji Dovuti għas-Servizzi ta’ Periti u ta’ Inġiniera, iktar ’il quddiem l-“HOAI”), li jagħmlu obbligatorji l-ammonti minimi ffissati f’din l-iskala għas-servizzi ta’ pjanifikazzjoni u ta’ sorveljanza ta’ periti u ta’ inġiniera, minbarra f’ċerti każijiet eċċezzjonali, u li jrendu null ftehim ta’ onorarji inferjuri għall-ammonti minimi mogħtija f’kuntratti ma’ periti jew inġiniera, ma għandhomx jiġu applikati iktar?

Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv:

Is-sistema ta’ ammonti minimi obbligatorji dovuti għas-servizzi ta’ pjanifikazzjoni u ta’ sorveljanza tal-periti u tal-inġiniera li tinsab fl-Artikolu 7 tal-HOAI, stabbilita mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, twassal għal ksur tal-libertà ta’ stabbiliment stabbilit fl-Artikolu 49 TFUE jew għal ksur tal-prinċipji ġenerali oħra tad-dritt tal-Unjoni?

Jekk il-punt (a) tat-tieni domanda jingħata risposta fl-affermattiv: jirriżulta minn dan il-ksur li, fi proċedura ġudizzjarja fis-seħħ bejn persuni privati, is-sistemi nazzjonali ta’ ammonti minimi obbligatorji (f’dan il-każ l-Artikolu 7 tal-HOAI) ma għandhomx jiġu applikati iktar?

____________

1     ĠU 2006, L 376, p. 36.