Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Audiencia Provincial de León (Spanja) fil-15 ta’ Ġunju 2020 – AB Volvo u DAF TRUCKS N.V. vs RM

(Kawża C-267/20)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Audiencia Provincial de León

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: AB Volvo u DAF TRUCKS N.V.

Konvenuta: RM

Domandi preliminari

L-Artikolu 101 TFUE u l-prinċipju ta’ effettività għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li tqis li kemm it-terminu għall-eżerċizzju tal-azzjoni ta’ ħames snin stabbilit fl-Artikolu 10 tad-Direttiva, kif ukoll l-Artikolu 17 dwar l-istima ġudizzjarja tad-danni ma humiex retroattivament applikabbli, sa fejn bħala l-punt ta’ riferiment tar-retroattività tiffissa d-data tas-sanzjoni u mhux dik tal-eżerċizzju tal-azzjoni?

L-Artikolu 22(2) tad-Direttiva 2014/104/UE 1 u t-terminu “retroattivament” għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Artikolu 10 tal-istess direttiva huwa applikabbli għal azzjoni bħal dik eżerċitata fil-kawża prinċipali, li, għalkemm tressqet wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva u tal-liġi ta’ traspożizzjoni, tirrigwarda, madankollu, fatti jew sanzjonijiet preċedenti?

Fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni bħal dik tal-Artikolu 76 tal-Ley de Defensa de la Competencia [il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni], l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2014/104/UE, dwar l-istima ġudizzjarja tad-danni, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa regola ta’ natura proċedurali li tapplika għall-kawża prinċipali, jiġifieri għal azzjoni eżerċitata wara d-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni?

____________

1 Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 349, p. 1).