Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja) fit-22 ta’ Ġunju 2020 – Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vs SW (Kawża C-273/20)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesverwaltungsgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Konvenut: SW

Intervenjenti: Stadt Darmstadt

Domandi preliminari

a) Fil-każ ta’ riunifikazzjoni tal-familja ma’ refuġjat minuri mhux akkumpanjat fis-sens tal-Artikolu 10(3)(a) u l-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2003/86/KE 1 , il-fatt li l-imsemmi refuġjat għadu minuri jista’ jikkostitwixxi “kundizzjoni” fis-sens tal-Artikolu 16(1)(a) tad-Direttiva 2003/86? Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li ma tagħtix dritt ta’ residenza (derivat) fl-Istat Membru lill-ġenituri li jkunu bbenefikaw mir-riunifikazzjoni tal-familja ma’ refuġjat minuri mhux akkumpanjat fis-sens tal-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2003/86 ħlief sa fejn ir-refuġjat effettivament ikun għadu minuri hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq?

b) Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-punt (a) tal-ewwel domanda: id-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikolu 16(1)(a), tal-Artikolu 10(3)(a) u tal-Artikolu 2(f) tad-Direttiva 2003/86 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu lil Stat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu tillimita d-dritt ta’ residenza (derivat) tal-ġenituri għall-perijodu li matulu l-wild huwa minuri li jiċħad applikazzjoni għal dħul u għal residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja ppreżentata mill-ġenituri li jkunu għadhom jinsabu fil-pajjiż terz meta r-refuġjat ikun sar maġġorenni qabel ma deċiżjoni definittiva tkun ittieħdet, fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva jew ġudizzjarja, dwar l-applikazzjoni ppreżentata fi żmien tliet xhur wara r-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat?

2)    Fl-ipoteżi fejn l-ewwel domanda tingħata risposta li r-riunifikazzjoni tal-familja ma tistax tiġi rrifjutata:

Liema kundizzjonijiet għandhom jiġu stabbiliti għall-eżistenza ta’ relazzjonijiet familjali effettivi, fis-sens tal-Artikolu 16(1)(b) tad-Direttiva 2003/86, fil-każ ta’ riunifikazzjoni tal-familja tal-ġenituri ma’ refuġjat li jkun sar maġġorenni qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal dħul u għal residenza għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja? B’mod partikolari:

L-ewwel grad fil-linja diretta axxendenti (Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2003/86) huwa suffiċjenti għal dan il-għan jew hija wkoll neċessarja ħajja tal-familja effettiva?

Jekk ħajja tal-familja effettiva hija wkoll meħtieġa:

X’għandha tkun l-intensità tagħha għal din il-ħajja tal-familja? Żjarat okkażjonali jew regolari huma pereżempju suffiċjenti għal dan il-għan, huwa neċessarju li jgħixu flimkien f’dar komuni jew, minbarra dan, hija meħtieġa komunità ta’ assistenza reċiproka fejn il-membri tagħha jiddependu wieħed fuq l-ieħor?

Ir-riunifikazzjoni tal-familja tal-ġenituri li jkunu għadhom jinsabu fil-pajjiż terz u li jkunu ppreżentaw applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja ma’ wild li jkun kiseb l-istatus ta’ refuġjat, li fil-frattemp ikun sar maġġorenni, teħtieġ il-previżjoni li, wara d-dħul fit-territorju, il-ħajja tal-familja tibda (mill-ġdid) fl-Istat Membru sa fejn huwa meħtieġ b’mod konformi mal-punt (b) tat-tieni domanda?

____________

1     Direttiva tal-Kunsill Nru 2003/86/KE tat-22 ta' Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224).