Language of document :

Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Marzu 2020 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja

(Kawża C-139/20)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Siekierzyńska u A. Armenia, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Polonja

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li, billi implimentat liġi li tagħti eżenzjoni mid-dazju tas-sisa fuq il-prodotti tal-enerġija użati minn negozji li jikkonsmaw ħafna enerġija koperti mis-sistema tal-Unjoni għan-negozjar ta’ emissjonijiet, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha li jirriżultaw mill-Artikolu 17(1)(b) u mill-Artikolu 17(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku 1 ;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-Repubblika tal-Polonja introduċiet fil-leġiżlazzjoni nazzjonali eżenjoni mid-dazju tas-sisa fuq il-prodotti tal-enerġija użati minn negozji li jikkonsmaw ħafna enerġija koperti mis-sistema tal-Unjoni għan-negozjar tal-emissjonijiet (iktar ’il quddiem is-“sistema EU ETS”.

Fil-fehma tal-Kummissjoni dan jikkostitwixxi nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 17(1)(b) u mill-Artikolu 17(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku. Skont dawn id-dispożizzjonijiet, l-eżenzjoni jew it-tnaqqis tal-livell tat-tassazzjoni applikabbli għall-prodotti tal-enerġija użati minn negozji li jikkonsmaw ħafna enerġija huma possibbli biss meta jkunu ġew konklużi ftehimiet ma’ impriżi jew ma’ assoċjazzjonijiet tal-impriżi jew meta jkunu ġew introdotti skemi ta’ permessi negozjabbli jew arranġamenti ekwivalenti, jekk kemm-il darba dawn iwasslu sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent jew sabiex tiżdied l-effiċjenza enerġetika. Fil-fehma tal-Kummissjoni, is-sistema EU ETS ma tistax titqies bħala “skema ta’ permessi negozjabbli” fis-sens tad-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq.

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405.