Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Frar 2019 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Awstrija

(Kawża C-161/19)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: C. Hermes u M. Noll-Ehlers, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Awstrija

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li, billi awtorizzat il-kaċċa fir-rebbiegħa tal-gallini fil-Land ta’ Niederösterreich (l-Awstrija t’Isfel), ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi 1 ;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Awstrija għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors huwa ppreżentat kontra l-awtorizzazzjoni tal-kaċċa fir-rebbiegħa tal-gallini (scolopax rusticola) fin-Niederösterreich (l-Awstrija f’Isfel). Il-gallini maskili jistgħu jinqatlu mill-1 ta’ Marzu sal-15 ta’ April, matul it-titjira tat-tgħammir, u dan sa numru massimu ta’ teħid ta’ gallini li jitla’ sa 1410 (minn Frar 2017: 759).

Mill-perspettiva tal-Kummissjoni, il-leġiżlazzjoni kontenzjuża tikser il-projbizzjoni tal-kaċċa fir-rebbiegħa prevista fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2009/147.

Ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li l-leġiżlazzjoni hija koperta bl-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva 2009/147. Din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Istati Membri, jekk ma tkunx teżisti soluzzjoni sodisfaċenti oħra, li jidderogaw b’mod partikolari mill-Artikolu 7(4) tad-Direttiva sabiex jippermettu, taħt kundizzjonijiet ssorveljati b’mod strett u fuq bażi selettiva, il-qabda, iż-żamma jew l-użi oħra meqjusa ta’ ċerti għasafar f’numri żgħar. Konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ din id-deroga huma ssodisfatti.

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li r-Repubblika tal-Awstrija la pprovat li ma teżistix soluzzjoni oħra sodisfaċenti fis-sens tas-sentenza introduttiva tal-Artikolu 9(1) u lanqas ma stabbilixxiet li n-numru massimu ta’ teħid awtorizzat jissodisfa l-kundizzjoni ta’ “numri żgħar” prevista fl-Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva. Il-kaċċa fil-ħarifa tidher li tikkostitwixxi alternattiva sodisfaċenti, peress li l-gallini huma preżenti wkoll fil-ħarifa f’kwantità kunsiderevoli fiż-żoni ta’ kaċċa tan-Niederösterreich (l-Awstrija t’Isfel). Ir-Repubblika tal-Awstrija ma pproduċietx prova konvinċenti insostenn tal-argument tagħha li l-kaċċa fir-rebbiegħa tippreżerva iktar il-popolazzjonijiet tal-gallini mill-kaċċa fil-ħarifa. Il-kalkolu ta’ “numri żgħar” huwa, minbarra dan, mhux korrett peress li l-awtoritajiet Awstrijaċi bbażaw ruħhom fuq il-popolazzjonijiet ta’ riferiment foloz.

____________

1 ĠU 2010, L 20, p. 7.