Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Eparchiako Dikastirio Larnakas (Ċipru) fit-22 ta’ Frar 2019 – Cyprus Central Authority vs GA

(Kawża C-154/19)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Qorti tar-rinviju

Eparchiako Dikastirio Larnakas (Ċipru)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Cyprus Central Authority

Konvenut: GA

Domandi preliminari

L-indipendenza mill-poter eżekuttiv ta’ Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku li joħroġ mandat ta’ arrest Ewropew skont il-liġi nazzjonali rilevanti għandu jiġi interpretat skont ir-rwol li dan il-prosekutur pubbliku jokkupa fi ħdan l-ordinament ġuridiku nazzjonali inkwistjoni? F’każ ta’ risposta negattiva, liema huma l-kriterji ta’ evalwazzjoni li jippermettu li tiġi stabbilita l-indipendenza tiegħu mill-poter eżekuttiv?

Inkunsiderazzjoni tal-fatt li skont id-dritt nazzjonali huwa jifforma parti mill-poter eżekuttiv u mhux mill-poter ġudizzjarju, li huwa ssubordinat ġerarkikament għall-Ministru tal-Ġustizzja lokali u li għandu l-obbligu li jwettaq prosekuzzjoni ta’ persuni li jiksru d-dritt kriminali jekk jikkunsidra li dan huwa opportun fid-dawl tad-dokumenti kollha fil-proċess, kemm dawk li jinkriminaw u kif ukoll dawk li jeskulpaw, il-prosekutur pubbliku ta’ Hamburg huwa awtorità suffiċjentement indipendenti li jipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja sabiex jiġi kkunsidrat bħala “awtorità ġudizzjarja” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas tat-13 ta’ Ġunju 2002 1 , dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri?

Fil-każ ta’ risposta pożittiva, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Hamburg għandu jkun ukoll indipendenti fid-dawl tal-funzjonijiet tiegħu f’dak li jirrigwarda l-kawżi li jittratta, mill-poter eżekuttiv u liema huma l-kriterji li abbażi tagħhom għandha tiġi deċiża indipendenza tal-funzjonijiet?

Mandat ta ’Arrest Ewropew maħruġ mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Hamburg – u li, skont id-dritt Ġermaniż, ma huwiex suġġett għall-istħarriġ ġudizzjarju b’mod dirett, iżda biss b’mod indirett, permezz tal-kontestazzjoni tas-senjalazzjoni għall-finijiet ta’ arrest irreġistrat fis-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen wara l-ħruġ tal-imsemmi mandat ta’ arrest Ewropew – jikkostitwixxi “deċiżjoni ġudizzjarja” fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas li tkun kompatibbli mal-prinċipju tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku stabbilit fl-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni Qafas?

____________

1     Deċiżjoni kwadru tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ġunju 2002, fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34).