Language of document :

Appell ippreżentat fil-21 ta’ Frar 2019 minn Ehab Makhlouf mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fit-12 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża T-409/16, Makhlouf vs Il-Kunsill

(Kawża C-157/19 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Ehab Makhlouf (rappreżentant: E. Ruchat, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara l-appell tal-appellant bħala ammissibbli u fondat;

konsegwentement, tannulla s-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2018 mogħtija mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża T-409/16 Ehab Makhlouf vs il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea;

U, billi tiddeċiedi permezz ta’ dispożizzjonijiet ġodda:

tannulla d-Deċiżjoni PESK/2016/850 tas-27 ta’ Mejju 2016 1 u l-atti ta’ implimentazzjoni sussegwenti tagħha, sa fejn jikkonċernaw lill-appellant;

tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka tliet aggravji :

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali ma rrispettatx id-dritt tal-appellant li jinstema’ qabel l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi ġodda, kif irrikonoxxut fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi u fuq distorsjoni tal-fatti sa fejn il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx l-artikli ppreżentati mill-appellant insostenn tar-rikors għal annullament tiegħu sabiex juri li huwa ma kienx isostni r-reġim fis-Sirja.

It-tielet aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx li huma illegali d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 27 u 28 tad-Deċiżjoni 2013/255/PESK 2 li jipprovdu li l-fatt li wieħed ikun jagħmel parti mill-familja Al-Assad jew mill-familja Makhlouf jikkostitwixxi kriterju awtonomu li jiġġustifika l-impożizzjoni ta’ sanzjoni, b’tali mod li fl-istess ħin qalbet l-oneru tal-prova.

____________

1 Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/850, tas-27 ta’ Mejju 2016, li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU L 141, p. 125);

2 Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, tal-31 ta’ Mejju 2013, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2013, L 147, p. 14).