Language of document : ECLI:EU:F:2007:153

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLLIKU (L-Ewwel Awla)

10 ta’ Settembru 2007

Kawża F-146/06

Michael Alexander Speiser

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Remunerazzjoni – Allowance ta’ espatrijazzjoni – Ilment tardiv – Inammissibbiltà manifesta”

Suġġett: Rikors, imressaq skond l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li bih M. A. Speiser talab l-annullament tad-deċiżjoni tas-Segretarjat Ġenerali tal-Parlament, tal-11 ta’ Settembru 2006, li tiċħad l-ilment tiegħu kontra r-rifjut li jingħata l-allowance ta’ espatrijazzjoni.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibili. Ir-rikorrent għandu jbati terz ta’ l-ispejjeż tiegħu. Il-Parlament għandu jbati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, żewġ terzi ta’ l-ispejjeż tar-rikorrent.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rikors – Ilment amministrattiv preċedenti – Termini

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91; Kondizzjonijiet ta’ l-impieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej, Artikolu 46)

2.      Proċedura – Spejjeż – Kumpens – Raġunijiet eċċezzjonali

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 87(3); id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/752, Artikolu 3(4))

1.      Uffiċjal jew membru tal-persunal temporarju ma jistax ma jirrispettax it-termini previsti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex jitressaq l-ilment u r-rikors billi jikkontestata, permezz ta’ talba, deċiżjoni preċedenti li ma kinitx ikkontestata fit-termini, u hija biss l-eżistenza ta’ fatti ġodda sostanzjali li tista’ tiġġustifika l-preżentazzjoni ta’ talba għar-reviżjoni ta’ deċiżjoni li tkun saret definittiva.

Ma jistax jiġi kkwalifikat bħala fatt ġdid, li jippermetti deroga mis-sistema ta’ termini stabbiliti b’mod obbligatorju mill-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-fatt li, fuq talba ta’ l-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal temporanju kkonċernat, l-amministrazzjoni reġgħet eżaminat ulterjorment il-każ tiegħu sabiex tagħtih informazzjoni addizzjonali. F’dan ir-rigward, ittra ta’ l-amministrazzjoni, li tipprovdi li deċiżjoni ta’ ċaħda preċedenti baqgħet l-istess, hija biss konferma ta’ din id-deċiżjoni preċedenti u ma tistax, għalhekk, ikollha l-effett li terġa’ toħloq terminu ġdid sabiex jitressaq rikors.

(ara l-punti 22 u 27)

Referenza għal:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 15 ta’ Mejju 1985, Esly vs Il-Kummissjoni, 127/84, Ġabra p. 1437, punt 10; 10 ta’ Lulju 1986, Trenti vs ESC, 153/85, Ġabra p. 2427, punt 13

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 4 ta’ Mejju 2005, Schmit vs Il-Kummissjoni, T‑144/03, ĠabraSP p. I‑A‑101 u II‑465, punt 147; 7 ta’ Settembru 2005, Krahl vs Il-Kummissjoni, T‑358/03, ĠabraSP p. I‑A‑215 u II‑993, punt 52, u l- ġurisprudenza ċċitata

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 29 ta’ Ġunju 2006, Chassagne vs Il-Kummissjoni, F‑11/05, ĠabraSP p. I-A-1-65 u II-A-1-241, punt 24

2.      Skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jaqsam l-ispejjeż għal raġunijiet eċċezzjonali.

F’dan ir-rigward, tikkostitwixxi raġuni eċċezzjonali li tiġġustifika tqassim bejn l-istituzzjoni in kwistjoni u l-uffiċjal rikorrent ta’ l-ispejjeż magħmula minn dan ta’ l-aħħar sabiex iressaq il-kawża, il-fatt li, fil-kuntest ta’ rikors li ġie miċħud minħabba li l-ilment preċedenti kien tardiv, l-amministrazzjoni, għall-inqas in parti, kienet fl-oriġini ta’ l-ilment tardiv minħabba li inkoraġġiet lill-uffiċjal ikkonċernat sabiex jagħmel ilment kontra att konfermattiv li ma kienx jikkawżalu preġudizzju.

Barra minn dan, għalkemm ma jistax jiġi kkontestat li parti tista’ f’kull mument tinvoka regola ta’ ordni pubbliku dwar l-ammissibbiltà tar-rikors, jidher li ma tantx huwa kompatibbli mal-bona fide li għandha tirregola r-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet Komunitarju u l-uffiċjali tagħha li istituzzjoni tinvoka quddiem qorti n-natura konfermattiva ta’ att wara li tkun tat lill-uffiċjal l-impressjoni żbaljata li dan l-att seta’ jkun is-suġġett ta’ lment.

(ara l-punti 30 sa 33)