Language of document :

Rikors ippreżentat fit-30 ta' Ottubru 2007 - Van Beers vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-126/07)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Isabelle Van Beers (Woluwe-St-Etienne, il-Belgju) (rappreżentanti: S. Orlandi, A. Coolen, J.-N. u E. Marchal, avocats)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni ta' l-Awtorità tal-Ħatra (AIPN) li tiċħad il-kandidatura tar-rikorrenti, fil-proċedura ta' ċertifikazzjoni 2006;

tosserva li l-Artikolu 4(2) tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta' implementazzjoni (iktar 'il quddiem : id-"DĠI") ta' l-Artikolu 45 A tar-Regolamenti tal-Persunal (iktar 'il quddiem: ir-"Regolamenti"), inkwantu huwa għandu l-effett jew li jeskludi t-teħid in kunsiderazzjoni tal-livell reali tal-kompiti mwettqa minn kandidat għaċ-ċertifikazzjoni, jew inkella li jżomm distinzjoni bejn il-kategoriji antiki C* u B* wara t-30 ta' April 2006, huwa illegali;

tordna li l-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti, uffiċjal tal-Kummissjoni ta' grad AST 6, ippreżentat il-kandidatura tagħha fil-kuntest tal-proċedura ta' ċertifikazzjoni 2006. Fid-29 ta' Marzu 2007 l-AIPN ikkonfermat id-deċiżjoni tagħha tat-22 ta' Frar 2007, wara appell tar-rikorrenti minn din id-deċiżjoni, li ma taċċettax il-kandidatura tagħha għall-proċedura ta' ċertifikazzjoni 2006, b'mod definittiv.

In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka, l-ewwel nett, żball manifest ta' evalwazzjoni.

Barra minn hekk, hija tinvoka l-illegalità ta' l-Artikoli 4(2) tad-DĠI ta' l-Artikolu 45 tar-Regolamenti.

B'mod partikolari, ir-rikorrenti tinvoka l-ksur tal-prinċipji ta' trattament ugwali, ta' non diskriminazzjoni u ta' proporzjonalità, il-ksur tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba u ta' prospetti ta' karriera, kif ukoll il-prinċipju ta' l-aspettativi leġittimi.

____________