Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin (il-Ġermanja) fis-27 ta’ April 2017 – Planta Tabak-Manufaktur Dr. Manfred Obermann GmbH & Co. KG vs Land Berlin

(Kawża C-220/17)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgericht Berlin

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Planta Tabak-Manufaktur Dr. Manfred Obermann GmbH & Co. KG

Konvenut: Land Berlin

Domandi preliminari

(a)    L-Artikolu 7(1) u (7) tad-Direttiva 2014/40/UE 1 , ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 7(14) tad-Direttiva 2014/40/UE, huwa invalidu minħabba ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali peress li jobbliga lill-Istati Membri jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta’ ċerti prodotti tat-tabakk mingħajr ma jkun ċar liema minn dawn il-prodotti huma pprojbiti b’effett mill-20 ta’ Mejju 2016 u liema għandhom jiġu pprojbiti biss b’effett mill-20 ta’ Mejju 2020?

(b)    L-Artikolu 7(1) u (7) tad-Direttiva 2014/40/UE, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 7(14) tad-Direttiva 2014/40/UE, huwa invalidu minħabba ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament peress li jagħmel distinzjoni, fir-rigward tal-projbizzjonijiet li għandhom jiġu adottati mill-Istati Membri, abbażi tal-volum tal-bejgħ, mingħajr ġustifikazzjoni għal dan?

(c)    L-Artikolu 7(1) u (7) tad-Direttiva 2014/40/UE huwa invalidu minħabba ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u/jew ksur tal-Artikolu 34 TFUE peress li jobbliga lill-Istati Membri jipprojbixxu, diġà b’effett mill-20 ta’ Mejju 2017, it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti tat-tabakk li għandhom aroma karatterizzanti, u li l-volum tal-bejgħ tagħhom fi ħdan l-Unjoni huwa ta’ inqas minn 3% f’kategorija ta’ prodotti partikolari?

(d)    Fil-każ li r-risposta għad-domandi 1(a) sa 1(c) tkun fin-negattiv, kif għandha tinftiehem l-espressjoni “kategorija ta’ prodott” li tinsab fl-Artikolu 7(14) tad-Direttiva 2014/40/UE? It-tqassim f’“kategoriji ta’ prodotti” għandha ssir abbażi tat-tip ta’ aroma karatterizzanti jew abbażi tat-tip ta’ prodott tat-tabakk (aromatizzat) jew inkella abbażi ta’ dawn iż-żewġ kriterji?

(e)    Fil-każ li r-risposta għad-domandi 1(a) sa 1(c) tkun fin-negattiv, kif għandu jiġi stabbilit, fir-rigward ta’ prodott tat-tabakk partikolari, li ntlaħaq il-limitu ta’ 3% previst fl-Artikolu 7(14) tad-Direttiva 2014/14/UE, fin-nuqqas ta’ ċifri u ta’ statistika li huma pubblikament aċċessibbli f’dan ir-rigward?

2.    (a)    L-Istati Membri huma awtorizzati jadottaw dispożizzjonijiet tranżitorji supplimentari fil-kuntest tat-traspożizzjoni tal-Artikoli 8 sa 11 tad-Direttiva 2014/40/UE?

    (b)    Fil-każ li r-risposta li tingħata għad-domanda 2(a) tkun fin-negattiv:

            (1) L-Artikolu 9(6) u l-punt (f) tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2014/40/UE huma invalidi minħabba ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u/jew ksur tal-Artikolu 34 TFUE peress li jiddelegaw id-determinazzjoni ta’ ċerti regoli ta’ ttikkettjar u ta’ mballaġġ lill-Kummissjoni mingħajr ma jipprovdulha terminu f’dan ir-rigward u mingħajr ma jipprovdu dispożizzjonijiet jew termini tranżitorji iktar preċiżi intiżi sabiex jiġi ggarantit li l-impriżi kkonċernati jkollhom biżżejjed żmien sabiex jadattaw ruħhom għar-rekwiżiti tad-Direttiva?

            (2) It-tieni sentenza tal-Artikolu 9(1) (test tat-twissija), it-tieni sentenza tal-punt (a) tal-Artikolu 9(4) (daqs tat-tipa), il-punt (b) (informazzjoni dwar il-waqfien mit-tipjip) u l-punt (e) (pożizzjoni tat-twissija) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 10(1), u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 11(1) (ittikkettjar) tad-Direttiva 2014/40/UE, huma invalidi minħabba ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u/jew ksur tal-Artikolu 34 TFUE peress li jikkonferixxu lill-Istati Membri diversi drittijiet ta’ selezzjoni u ta’ disinn mingħajr ma jipprovdulhom terminu f’dan ir-rigward u mingħajr ma jipprovdu dispożizzjonijiet jew termini tranżitorji iktar preċiżi intiżi sabiex jiġi ggarantit li l-impriżi kkonċernati jkollhom biżżejjed żmien sabiex jadattaw ruħhom għar-rekwiżiti tad-Direttiva?

3.    (a)    L-Artikolu 13(1)(c), ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 2014/40/UE, għandu jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-Istati Membri jipprojbixxu l-użu ta’ informazzjoni li tirreferi għat-togħma, għar-riħa, għall-aroma jew għal addittivi oħra anki meta din l-informazzjoni ma tkunx pubbliċitarja u l-użu tal-ingredjenti jkun għadu permess?

    (b)    L-Artikolu 13(1)(c) tad-Direttiva 2014/40/UE huwa invalidu minħabba ksur tal-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea?

____________

1 Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-3 ta’ April 2014, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE; ĠU L 127, p. 1