Language of document : ECLI:EU:C:2018:551

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

10 ta’ Lulju 2018 (*)(i)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Direttiva 95/46/KE – Kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva – Artikolu 3 – Ġbir ta’ data personali mill-membri ta’ komunità reliġjuża fil-kuntest tal-attività ta’ ppridkar bieb bieb tagħhom – Artikolu 2(ċ) – Kunċett ta’ ‘sistema ta’ ħażna ta’ data personali’ – Artikolu 2(d) – Kunċett ta’ ‘kontrollur’ – Artikolu 10(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”

Fil-Kawża C‑25/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑22 ta’ Diċembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑19 ta’ Jannar 2017, fil-proċedura mressqa minn

Tietosuojavaltuutettu

fil-preżenza ta’:

Jehovan todistajat – uskonnollinen yhdyskunta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, R. Silva de Lapuerta, T. von Danwitz (Relatur), J. L. da Cruz Vilaça, J. Malenovský, E. Levits u C. Vajda, Presidenti ta’ Awla, A. Borg Barthet, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, S. Rodin, F. Biltgen, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑28 ta’ Novembru 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għat-tietosuojavaltuutettu, minn R. Aarnio, bħala aġent,

–        għall-Jehovan todistajat – uskonnollinen yhdyskunta, minn S. H. Brady, asianajaja, kif ukoll minn P. Muzny,

–        għall-Gvern Finlandiż, minn H. Leppo, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Aalto, H. Kranenborg u D. Nardi, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑1 ta’ Frar 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(ċ) u (d), kif ukoll tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355), moqrija fid-dawl tal-Artikolu 10(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura mressqa mit-tietosuojavaltuutettu (il-Kontrollur tal-Protezzjoni tad-Data, il-Finlandja) dwar il-legalità ta’ deċiżjoni tat-tietosuojalautakunta (il-Kummissjoni għall-Protezzjoni tad-Data, il-Finlandja) li tipprojbixxi lill-Jehovan todistajat – uskonnollinen yhdyskunta (il-Komunità Reliġjuża tax-Xhieda ta’ Ġeħova, iktar ’il quddiem il-“Komunità tax-Xhieda ta’ Ġeħova”) milli tiġbor jew tipproċessa data personali fil-kuntest tal-attività ta’ ppridkar bieb bieb mingħajr l-osservanza tal-kundizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Finlandiża dwar l-ipproċessar ta’ data personali.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 10, 12, 15, 26 u 27 tad-Direttiva 95/46 jiddikjaraw:

“(10)      Billi l-għan tal-liġijiet nazzjonali dwar il-proċessar ta’ data personali huwa l-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, l-aktar id-dritt għall-ħajja privata, li huwa rikonoxxut kemm fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali[, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950,] u fil-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Komunità; billi, għal dik ir-raġuni, l-approssimazzjoni ta’ dawk il-liġijiet m’għandhiex bħala riżultat ta’ dan tnaqqas mill-protezzjoni minnhom mogħtija, imma għandha, għall-kuntrarju, tfittex li tassigura grad għoli ta’ protezzjoni fil-Komunità;

[…]

(12)      Billi l-prinċipji ta’ protezzjoni għandhom japplikaw għall-ipproċessar kollu ta’ data personali minn kull persuna li l-attivitajiet tagħha huma regolati bil-liġi tal-Komunità; billi m’għandux ikun magħdud l-ipproċessar ta’ data magħmul minn persuna naturali fl-eżerċizzju ta’ attivitajiet li huma esklussivament personali jew domestiċi, bħal ma hija korrispondenza u ż-żamma ta’ reġistri ta’ indirizzi;

[…]

(15)      Billi l-ipproċessar ta’ din id-data huwa milqut minn din id-Direttiva biss jekk ikun awtomatizzat jew jekk id-data pproċessata titqiegħed jew tkun maħsuba biex titqiegħed f’sistema ta’ skedar [sistema ta’ ħażna] skond kriterji speċifiċi li jkollhom x’jaqsmu ma’ individwi, biex l-aċċess għad-data in kwistjoni jkun ħafif;

[…]

(26)      Billi l-prinċipji ta’ protezzjoni għandhom ikunu applikabbli għal kull informazzjoni li jkollha x’taqsam ma’ persuna identifikata jew identifikabbli; billi, biex ikun stabbilit jekk persuna tkunx identifikabbli, għandhom jitqiesu l-mezzi kollha li raġonevolment aktax jintużaw mill-kontrollur jew minn persuna oħra biex tkun identifikata l-imsemmija persuna; […]

(27)      Billi l-protezzjoni ta’ individwi għandha tkun applikata kemm għal ipproċessar awtomatiku ta’ data u kemm għal ipproċessar manwali; billi l-iskop ta’ din il-protezzjoni m’għandux fil-fatt jiddependi mill-mezzi tekniċi użati, peress li dan jista’ joħloq riskju serju li dawn jistgħu jiġu skartati; billi, madankollu, dwar ipproċessar manwali, din id-Direttiva għandha x’taqsam biss ma’ sistemi ta’ skedar, mhux files mingħajr struttura; billi, b’mod partikolari, il-kontenut tas-sistema ta’ skedar għandu jkun strutturat skond kriterji speċifiċi dwar individwi b’mod li l-aċċess għal data personali jkun ħafif; billi, skond id-definizzjoni fl-Artikolu 2(ċ), il-kriterji differenti biex ikunu stabbiliti l-elementi ta’ sett strutturat ta’ data personali, u l-kriterji differenti li jirregolaw l-aċċess għal sett bħal dan, jistgħu ikunu stabbiliti minn kull Stat Membru; billi sett jew settijiet ta’ files, kif ukoll il-qoxra tal-faċċata tagħhom, li ma jkunux strutturati skond kriterji speċifiċi, m’għandhomx jaqgħu, għal l-ebda raġuni, taħt din id-Direttiva”.

4        L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 95/46 jipprovdi:

“Skond din id-Direttiva, Stati Membri għandhom jipproteġu d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ta’ persuna naturali, u partikolarment tad-dritt tagħhom għall-ħajja privata dwar l-ipproċessar ta’ data personali.”

5        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

(a)      ‘data personali’ tfisser kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); persuna identifikabbli huwa min jista’ jkun identifikat, direttament jew indirettament, partikolarment b’referenza għal numru ta’ identità jew għal fattur wieħed speċifiku jew aktar dwar l-identità fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tiegħu;

(b)      ‘ipproċessar ta’ data personali’ (‘ipproċessar’) tfisser kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq data personali, b’mezzi awtomatiċi jew mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, reġistrazzjoni, organizzazzjoni, ħażna, adattament jew bdil, rkupru, konsultazzjoni, użu, żvelar bi trasmissjoni, tixrid jew li xort’oħra jagħmlu l-ipproċessar disponibbli jew li jġibu allineament, taħlita, imblokk, tħassir jew distruzzjoni;

(ċ)      ‘sistema ta’ ħażna ta’ data personali’ (‘sistema ta’ ħażna’) tfisser [kull] sett strutturat ta’ data personali li jkun aċċessibbli skond kriterji speċifiċi, kemm jekk ċentraliżżat, di-ċentraliżżat jew imferrex fuq bażi funzjonali jew ġeografika;

(d)      ‘kontrollur’ tfisser persuna naturali jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor li waħdu jew flimkien ma’ oħrajn jiddetermina l-finijiet u l-mezzi ta’ l-ipproċessar ta’ data personali; meta l-finijiet u l-mezzi ta’ l-ipproċessar ikunu determinati minn liġijiet jew regolamenti nazzjonali jew tal-Komunità, il-kontrollur jew il-kriterji speċifiċi għan-nomina tiegħu jistgħu jkunu stabbiliti b’liġijiet nazzjonali jew tal-Komunità;

[…]”

6        Skont l-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva:

“1.      Din id-Direttiva għandha tkun applikabbli għall-ipproċessar ta’ data personali fl-intier tiegħu jew parti minnu b’mezzi awtomatiċi, u għall-ipproċessar b’mezzi oħra mhux awtomatiċi ta’ data personali li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar [sistema ta’ ħażna] jew li tkun maħsuba li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar.

2.      Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali:

–        fil-kors ta’ attività li ma tkunx skond il-finijiet ta’ liġi tal-Komunità, bħalma huma dawk provduti fit-Titoli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u fi kwalunkwe każ għal operazzjonijiet ta’ ipproċessar dwar sigurtà pubblika, difiża, sigurtà ta’ l-Istat (magħdud il-ġid ekonomiku ta’ l-Istat meta l-operazzjoni ta’ l-ipproċessar tkun dwar materji ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-attivitajiet ta’ l-Istat fl-oqsma tal-liġi kriminali,

–        minn persuna naturali meta fil-kors ta’ attività purament personali jew domestika.”

 Id-dritt Finlandiż

7        Id-Direttiva 95/46 ġiet trasposta fid-dritt Finlandiż permezz tal-henkilötietolaki (523/1999) (il-Liġi dwar id-Data Personali (523/1999), iktar ’il quddiem, il-“Liġi Nru 523/1999”).

8        L-Artikolu 2 ta’ din il-liġi, intitolat “Soveltamisala” (kamp ta’ applikazzjoni), jipprevedi, fit-tieni u fit-tielet paragrafi tiegħu:

“Din il-liġi tapplika għall-ipproċessar awtomatizzat ta’ data personali. Din il-liġi tapplika wkoll għal ipproċessar ieħor ta’ data personali meta din id-data tikkostitwixxi sistema ta’ ħażna ta’ data personali jew parti minn sistema ta’ ħażna ta’ data personali, jew tkun intiża li tikkostitwixxi sistema ta’ ħażna ta’ data personali jew parti minn sistema ta’ ħażna ta’ data personali.

Din il-liġi ma tapplikax għall-ipproċessar ta’ data personali mwettaq minn persuna fiżika għal finijiet esklużivament personali jew għal finijiet ordinarji u privati komparabbli.”

9        L-Artikolu 3(3) tal-Liġi Nru 523/1999 jiddefinixxi s-“sistema ta’ ħażna ta’ data personali” bħala “ġabra ta’ data personali li tikkostitwixxi informazzjoni miġbura skont l-għan intiż tagħhom, totalment jew parzjalment ipproċessata permezz ta’ proċess awtomatizzat, jew li hija organizzata permezz ta’ skedi, listi, jew kwalunkwe metodu ieħor simili li jippermetti li d-data dwar l-individwi tinstab faċilment u mingħajr spejjeż eċċessivi”.

10      Konformement mal-Artikolu 44 ta’ din il-liġi, il-Kummissjoni għall-Protezzjoni tad-Data tista’ tipprojbixxi, fuq talba mill-Kontrollur tal-Protezzjoni tad-Data, l-ipproċessar ta’ data personali li jmur kontra l-imsemmija liġi jew ir-regoli u r-rekwiżiti adottati fuq il-bażi tagħha, u tista’ tagħti lill-persuni kkonċernati terminu sabiex jirrimedjaw l-illegalità jew in-negliġenza kkonstatata.

 It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      Fis‑17 ta’ Settembru 2013, il-Kummissjoni għall-Protezzjoni tad-Data adottat, fuq talba mill-Kontrollur tal-Protezzjoni tad-Data, deċiżjoni li tipprojbixxi lill-Komunità tax-Xhieda ta’ Ġeħova milli tiġbor jew tipproċessa data personali fil-kuntest tal-attività ta’ ppridkar bieb bieb imwettqa mill-membri tagħha mingħajr l-osservanza tal-kundizzjonijiet legali dwar l-ipproċessar ta’ tali data, previsti b’mod partikolari fl-Artikoli 8 u 12 tal-Liġi Nru 523/1999. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għall-Protezzjoni tad-Data ordnat lil din il-komunità, fuq il-bażi tal-Artikolu 44(2) ta’ din il-liġi, tiżgura li, f’terminu ta’ sitt xhur, ma tinġabar ebda data personali għall-finalitajiet ta’ din il-komunità mingħajr l-osservanza tal-imsemmija kundizzjonijiet.

12      Fil-motivi tad-deċiżjonijiet tagħha, il-Kummissjoni għall-Protezzjoni tad-Data qieset li l-ġbir tad-data inkwistjoni mill-membri tal-Komunità tax-Xhieda ta’ Ġeħova kien jikkostitwixxi pproċessar ta’ data personali, fis-sens tal-imsemmija liġi, u li din il-komunità kif ukoll il-membri tagħha kienu, flimkien, il-kontrolluri responsabbli għal dan l-ipproċessar.

13      Il-Komunità tax-Xhieda ta’ Ġeħova ppreżentat rikors, quddiem il-Helsingin hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Ħelsinki, il-Finlandja), kontra din id-deċiżjoni. Permezz ta’ sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, dik il-qorti annullat l-imsemmija deċiżjoni għar-raġuni, b’mod partikolari, li l-Komunità tax-Xhieda ta’ Ġeħova ma kinitx kontrollur ta’ data personali, fis-sens tal-Liġi Nru 523/1999, u li l-attività tagħha ma kinitx tikkostitwixxi pproċessar illegali ta’ tali data.

14      Il-Kontrollur tal-Protezzjoni tad-Data kkontesta din id-deċiżjoni quddiem il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja).

15      Skont il-konstatazzjonijiet ta’ dik il-qorti, il-membri tal-Komunità tax-Xhieda ta’ Ġeħova jżommu, fil-kuntest tal-attività ta’ ppridkar bieb bieb tagħhom, noti dwar iż-żjarat magħmula lil persuni li ma jkunux magħrufa minnhom stess jew mill-imsemmija komunità. Id-data miġbura tista’ tinkludi, fost oħrajn, l-isem u l-indirizz tal-persuni kkuntattjati kif ukoll informazzjoni dwar it-twemmin reliġjuż u s-sitwazzjoni tal-familja tagħhom. Din id-data tinġabar bħala pro memoria u sabiex tkun tista’ tinstab fil-każ ta’ eventwali żjara ulterjuri, u dan mingħajr ma l-persuni kkonċernati ma jkunu taw il-kunsens tagħhom għal dan il-ġbir u mingħajr ma jkunu ġew informati dwaru.

16      Dejjem skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, il-Komunità tax-Xhieda ta’ Ġeħova tat lill-membri tagħha linji gwida dwar kif jittieħdu tali noti, liema linji gwida jinsabu minn tal-inqas f’waħda mill-pubblikazzjonijiet tagħha dwar l-attività ta’ ppridkar. Din il-komunità u l-parroċċi li jiddependu minnha jorganizzaw u jikkoordinaw l-attività ta’ ppridkar bieb bieb tal-membri tagħhom, b’mod partikolari billi jistabbilixxu mapep li jintużaw sabiex setturi jitqassmu bejn il-membri li jiżguraw l-attività ta’ ppridkar u billi jżommu reġistri dwar il-predikaturi u dwar in-numru ta’ pubblikazzjoni tal-komunità mqassma minnhom. Barra minn hekk, il-parroċċi tal-Komunità tax-Xhieda ta’ Ġeħova jiġġestixxu lista tal-persuni li jkunu esprimew ix-xewqa li ma jibqgħux ikunu s-suġġett ta’ żjarat min-naħa tal-membri predikaturi, u d-data personali li tinsab f’din il-lista, imsejħa “lista tal-projbizzjonijiet”, tintuża mill-membri ta’ din il-komunità. Fl-aħħar nett, il-Komunità tax-Xhieda ta’ Ġeħova żammet, fil-passat, għad-dispożizzjoni tal-membri tagħha, formoli għall-finijiet tal-ġbir tal-imsemmija data matul l-attività ta’ ppridkar tagħhom. Madankollu, dawn il-formoli ma kinux baqgħu jintużaw wara rakkomandazzjoni mill-Kontrollur tal-Protezzjoni tad-Data.

17      Il-qorti tar-rinviju tosserva li, skont l-indikazzjonijiet tal-Komunità tax-Xhieda ta’ Ġeħova stess, din tal-aħħar ma tirrikjedix lill-membri predikaturi tagħha jwettqu ġbir ta’ data u li, fil-każijiet fejn xorta waħda jitwettaq tali ġbir, hija la jkollha għarfien tan-natura tan-noti meħuda, li barra minn hekk huma biss noti personali informali, u lanqas tal-identità tal-membri predikaturi li jkunu wettqu l-ġbir.

18      Fir-rigward tal-ħtieġa ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema) tqis li l-eżami tal-kawża prinċipali jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni, minn naħa, id-drittijiet għall-protezzjoni tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali u, min-naħa l-oħra, il-libertà tar-reliġjon u ta’ assoċjazzjoni, iggarantiti kemm mill-Karta u mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, u kemm mill-Kostituzzjoni Finlandiża.

19      Il-qorti tar-rinviju hija pjuttost tal-fehma li l-attività ta’ ppridkar bieb bieb imwettqa mill-membri ta’ komunità reliġjuża, bħalma hija l-Komunità tax-Xhieda ta’ Ġeħova, ma taqax taħt l-attivitajiet esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46 bis-saħħa tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tagħha. Għall-kuntrarju, tqum il-kwistjoni ta’ jekk din l-attività għandhiex natura esklużivament personali jew domestika, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tagħha. F’dan id-dawl, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, f’dan il-każ, id-data miġbura tmur lil hinn minn sempliċi noti li jinżammu fi ktejjeb tal-indirizzi, peress li n-noti meħuda jikkonċernaw persuni mhux magħrufa u jinkludu data sensittiva dwar it-twemmin reliġjuż tagħhom. Għandu jittieħed inkunsderazzjoni wkoll il-fatt li l-attività ta’ ppridkar bieb bieb hija forma ta’ azzjoni essenzjali tal-Komunità tax-Xhieda ta’ Ġeħova, li hija organizzata u kkoordinata minnha u mill-parroċċi tagħha.

20      Barra minn hekk, sa fejn id-data miġbura inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiġi pproċessata b’mod mhux awtomatizzat, huwa meħtieġ, fid-dawl tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 95/46, moqri flimkien mal-Artikolu 2(ċ) tal-imsemmija direttiva, li jiġi ddeterminat jekk dan is-sett ta’ data jikkostitwixxix sistema ta’ ħażna, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Skont l-informazzjoni mogħtija mill-Komunità tax-Xhieda ta’ Ġeħova, l-imsemmija data ma tiġix ikkomunikata lilha, b’tali mod li ma huwiex possibbli li tkun taf b’ċertezza n-natura u l-portata tad-data miġbura. Madankollu, huwa possibbli li jitqies li l-għan tal-ġbir u taż-żamma ulterjuri tad-data inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa li d-data dwar persuna jew indirizz partikolari tkun tista’ tinstab faċilment għall-finijiet ta’ użu ulterjuri. Madankollu, id-data miġbura ma hijiex strutturata fil-forma ta’ skedi.

21      Fil-każ li l-ipproċessar ta’ data inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li f’tali każ tqum il-kwistjoni ta’ jekk il-Komunità tax-Xhieda ta’ Ġeħova għandhiex titqies li hija l-kontrollur responsabbli fir-rigward ta’ dan l-ipproċessar, fis-sens tal-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li toħroġ mis-sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google (C‑131/12, EU:C:2014:317), tiddefinixxi b’mod wiesa’ l-kunċett ta’ “kontrollur”. Barra minn hekk, mill-Opinjoni 1/2010 tas‑16 ta’ Frar 2010 dwar il-kunċetti ta’ “kontrollur” u ta’ “proċessur”, mogħtija mill-Grupp ta’ Ħidma mwaqqaf bis-saħħa tal-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46, jirriżulta li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, is-setgħa ta’ kontroll effettiv u l-impressjoni li jkollha l-persuna li d-data tagħha tkun ipproċessata tal-kontrollur.

22      Issa, f’dan il-każ, hemm lok, dejjem skont il-qorti tar-rinviju, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Komunità tax-Xhieda ta’ Ġeħova torganizza, tikkoordina u tinkoraġġixxi l-attività ta’ ppridkar bieb bieb u li hija tagħti, fil-pubblikazzjonijiet tagħha, linji gwida dwar il-ġbir ta’ data fil-kuntest ta’ din l-attività. Barra minn hekk, il-Kontrollur tal-Protezzjoni tad-Data kkonstata li din il-komunità għandha s-setgħa effettiva li tiddetermina l-metodi ta’ pproċessar tad-data kif ukoll li tipprojbixxi jew li tillimita l-imsemmi pproċessar, u li hija ddefinixxiet minn qabel il-finalità u l-mezzi ta’ dan l-ipproċessar billi tat linji gwida dwar il-ġbir. Barra minn hekk, il-formoli użati preċedentement juru wkoll l-involviment kunsiderevoli tal-imsemmija komunità fl-ipproċessar tad-data.

23      Madankollu, huwa meħtieġ ukoll li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-membri tal-Komunità tax-Xhieda ta’ Ġeħova jistgħu jiddeċiedu huma stess li jiġbru data u jistgħu jiddeterminaw il-modalitajiet ta’ tali ġbir. Barra minn hekk, din il-komunità ma tiġborx hija stess data u ma għandhiex aċċess għad-data miġbura mill-membri tagħha, bl-eċċezzjoni tad-data li tinsab fil-lista msejħa “tal-projbizzjonijiet”. Madankollu, tali fatti ma jipprekludux li jista’ jkun hemm diversi kontrolluri responsabbli għal dan l-ipproċessar, fejn kull wieħed minnhom jassumi missjonijiet u responsabbiltajiet differenti.

24      Kien f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“(1)      L-eċċezzjonijiet għall-kamp ta’ applikazzjoni tad-[Direttiva 95/46] previsti [fl-ewwel u] fit-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ġbir u l-ipproċessar ta’ data personali li jwettqu l-membri ta’ komunità reliġjuża fil-kuntest tal-attività ta’ ppridkar bieb bieb ma jaqgħux taħt dan il-kamp ta’ applikazzjoni? Għall-finijiet tal-eżami tal-applikabbiltà tad-Direttiva [95/46], x’importanza għandha tingħata, minn naħa, lill-fatt li huma l-komunità reliġjuża u l-parroċċi tagħha li jorganizzaw l-attività ta’ ppridkar li fil-kuntest tagħha d-data hija miġbura u, min-naħa l-oħra, lill-fatt li din fl-istess ħin hija huwa wkoll prattika reliġjuża individwali tal-membri tal-komunità reliġjuża?

(2)      Id-definizzjoni ta’ ‘sistema ta’ ħażna’ msemmija fl-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva [95/46], ikkunsidrata fid-dawl tal-premessi 26 u 27 ta’ din id-direttiva, għandha tiġi interpretata fis-sens li d-data personali kollha (li tinkludi l-ismijiet u l-indirizzi kif ukoll data u kwalunkwe karatteristika oħra dwar persuna) miġbura b’mod mhux awtomatiku fil-kuntest tal-attività ta’ ppridkar bieb bieb deskritt preċedentement

(a)      ma tikkostistwixxix sistema ta’ ħażna, peress li ma tirrigwardax sistemi ta’ ħażna jew listi speċifiċi jew sistema oħra ta’ riċerka komparabbli fis-sens tad-definizzjoni mogħtija mil-[Liġi Nru 523/1999]; jew

(b)      tikkostitwixxi sistema ta’ ħażna, peress li d-data neċessarja għal użu ulterjuri, fid-dawl tal-għan tagħhom, tista’ tkun is-suġġett ta’ tfittxija faċli fil-prattika u mingħajr spejjeż eċċessivi fis-sens tal-[Liġi Nru 523/1999]?

(3)      L-espressjoni ‘[…] li waħdu jew flimkien ma’ oħrajn jiddetermina l-finijiet u l-mezzi ta’ l-ipproċessar ta’ data personali […]’ li tinsab fl-Artikolu 2(d) tad-Direttiva [95/46] għandha tiġi interpretata fis-sens li komunità reliġjuża li torganizza attività li fil-kuntest tagħha hija miġbura data personali (b’mod partikolari billi jitqassam ir-raġġ ta’ azzjoni fost il-predikaturi differenti, billi jkun hemm segwitu tal-attività ta’ dawn il-predikaturi u biż-żamma ta’ reġistru ta’ persuni li ma jixtiqux li dawn jiġu f’darhom) tista’ tiġi kkunsidrata responsabbli mill-ipproċessar tad-data personali mwettaq mill-membri tagħha, anki jekk, skont din il-komunità reliġjuza, huma biss il-predikaturi li għandhom aċċess għad-data rilevanti?

(4)      Dan l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva [95/46] għandu jiġi interpretat fis-sens li sabiex il-komunità reliġjuża tiġi kkunsidrata responsabbli mill-ipproċessar, għandu jkun hemm atti speċifiċi oħra adottati minnha, bħal ordnijiet jew istruzzjonijiet bil-miktub, li permezz tagħhom tmexxi l-ġbir tad-data, jew huwa biżżejjed li jista’ jiġi kkunsidrat li hija effettivament f’pożizzjoni li tmexxi l-attività tal-membri tagħha?

It-tielet u r-raba’ domanda jeħtieġu risposta fil-każ biss fejn, fid-dawl tar-risposti mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domanda, id-Direttiva [95/46] hija applikabbli. Ir-raba’ domanda teħtieġ risposta fil-każ biss fejn, fid-dawl tat-tielet domanda, il-possibbiltà li jiġi applikat l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva [95/46] lill-komunità reliġjuża ma jistax jiġi kkunsidrat bħala eskluż.”

 Fuq it-talbiet għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

25      Permezz ta’ żewġ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Diċembru 2017 u fil‑15 ta’ Frar 2018, il-Komunità tax-Xhieda ta’ Ġeħova talbet li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Insostenn tal-ewwel waħda mit-talbiet tagħha, il-Komunità tax-Xhieda ta’ Ġeħova ssostni b’mod partikolari li ma ngħatatx il-possibbiltà twieġeb, matul is-seduta, għall-osservazzjonijiet magħmula mill-partijiet l-oħra, fosthom numru ta’ osservazzjonijiet li ma jikkorrispondux għall-fatti fil-kawża prinċipali. Fir-rigward tat-tieni waħda minn dawn it-talbiet, l-imsemmija komunità ssostni, essenzjalment, li l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali huma bbażati fuq elementi fattwali li ma humiex preċiżi jew li jistgħu potenzjalment ikunu qarrieqa, fosthom elementi li ma jinsabux fit-talba għal deċiżjoni preliminari.

26      Skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

27      Issa, dan ma huwiex il-każ hawnhekk. B’mod partikolari, it-talbiet tal-Komunità tax-Xhieda ta’ Ġeħova intiżi li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali ma jindikaw ebda argument ġdid li fuq il-bażi tiegħu għandha tiġi deċiża din il-kawża. Barra minn hekk, din il-parti, kif ukoll il-partijiet interessati l-oħra msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ppreżentaw, kemm matul il-fażi bil-miktub u kemm matul il-fażi orali tal-proċedura, l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(ċ) u (d), kif ukoll tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 95/46, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 10 tal-Karta, li huma s-suġġett tad-domandi preliminari.

28      Fir-rigward tal-fatti fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti tar-rinviju li għandha tiddefinixxi l-kuntest fattwali tad-domandi li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Minn dan jirriżulta li parti fil-kawża prinċipali ma tistax tallega li wħud mill-premessi fattwali li fuqhom ikunu bbażati l-argumenti mressqa mill-partijiet interessati l-oħra msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jew inkella l-analiżi tal-Avukat Ġenerali, huma ineżatti sabiex tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali fuq il-bażi tal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2008, Burda, C‑284/06, EU:C:2008:365, punti 44, 45 u 47).

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, tqis li għandha l-elementi neċessarji sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju u li din il-kawża ma teħtieġx li tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argumenti li ma kinux indirizzati. Għaldaqstant, it-talbiet għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

30      Il-Komunità tax-Xhieda ta’ Ġeħova ssostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli. Filwaqt li tikkontesta l-fatti prinċipali li fuqhom hija bbażata din it-talba, hija ssostni li din it-talba tikkonċerna l-aġir ta’ wħud mill-membri tagħha, li ma humiex parti fil-proċedura fil-kawża prinċipali. B’hekk, l-imsemmija talba tikkonċerna problema ta’ natura ipotetika.

31      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li hija biss il-qorti nazzjonali adita bit-tilwima u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja ulterjuri li għandha tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha u kemm ir-rilevanza tad-domandi li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, sakemm id-domandi magħmula jikkonċernaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tagħti deċiżjoni. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C‑74/16, EU:C:2017:496, punti 24 u 25 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32      F’dan il-każ, id-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi l-punti ta’ fatt u ta’ liġi suffiċjenti għall-komprensjoni kemm tad-domandi preliminari u kemm tal-portata tagħhom. Barra minn hekk, u fuq kollox, fil-proċess ma hemm ebda element li jippermetti li jitqies li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali jew li hija ta’ natura ipotetika, b’mod partikolari minħabba l-fatt li l-membri tal-Komunità tax-Xhieda ta’ Ġeħova, li l-attività tagħhom li tinvolvi l-ġbir ta’ data personali hija l-bażi tad-domandi preliminari, ma humiex partijiet fil-proċedura fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-domandi preliminari huma intiżi li jippermettu lill-qorti tar-rinviju tiddetermina jekk din il-komunità stess tistax titqies li hija l-kontrollur responsabbli, fis-sens tad-Direttiva 95/46, għall-ġbir tad-data personali mwettaq mill-membri tagħha fil-kuntest tal-attività ta’ ppridkar bieb bieb tagħhom.

33      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibli.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

34      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46, moqri fid-dawl tal-Artikolu 10(1) tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-ġbir ta’ data personali minn membri ta’ komunità reliġjuża fil-kuntest ta’ attività ta’ ppridkar bieb bieb u l-ipproċessar ulterjuri ta’ din id-data jikkostitwixxux ipproċessar ta’ data personali implimentat għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet koperti mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva jew ipproċessar ta’ data personali mwettaq minn persuni fiżiċi għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet esklużivament personali jew domestiċi, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva.

35      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu qabel kollox jitfakkar li, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tagħha u mill-premessa 10 tagħha, l-għan tad-Direttiva 95/46 huwa li tiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-individwi, b’mod partikolari tal-ħajja privata tagħhom, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali (sentenzi tat‑13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google, C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 66, kif ukoll tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Wirtschaftsakademie Schleswig-Holstein, C‑210/16, EU:C:2018:388, punt 26).

36      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 95/46, li jiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li din id-direttiva tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali, kompletament jew parzjalment awtomatizzat, kif ukoll għall-ipproċessar mhux awtomatizzat ta’ data personali li tkun tagħmel parti jew li tkun maħsuba li tagħmel parti minn sistema ta’ ħażna.

37      Madankollu, fil-paragrafu 2 tiegħu, dan l-Artikolu 3 jipprevedi żewġ eċċezzjonijiet għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, eċċezzjonijiet li għandhom jingħataw interpretazzjoni stretta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Ryneš, C‑212/13, EU:C:2014:2428, punt 29, kif ukoll tas‑27 ta’ Settembru 2017, Puškár, C‑73/16, EU:C:2017:725, punt 38). Barra minn hekk, id-Direttiva 95/46 ma tipprevedi ebda limitazzjoni oħra għall-kamp ta’ applikazzjoni tagħha (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia, C‑73/07, EU:C:2008:727, punt 46).

38      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46, ġie deċiż li l-attivitajiet imsemmija f’dan l-inċiż bħala eżempji huma, fil-każijiet kollha, attivitajiet speċifiċi għall-Istati jew għall-awtoritajiet tal-Istat, li ma għandhom l-ebda rabta mal-oqsma ta’ attività tal-individwi. Dawn l-attivitajiet huma maħsuba sabiex tiġi ddefinita l-portata tal-eċċezzjoni prevista fl-imsemmija dispożizzjoni, b’tali mod li din l-eċċezzjoni tapplika biss għall-attivitajiet li b’hekk jissemmew espliċitament f’din id-dispożizzjoni jew li jistgħu jiġu kklassifikati fl-istess kategorija (sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist, C‑101/01, EU:C:2003:596, punti 43 u 44; tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia, C‑73/07, EU:C:2008:727, punt 41, kif ukoll tas‑27 ta’ Settembru 2017, Puškár, C‑73/16, EU:C:2017:725, punti 36 u 37).

39      Issa, f’dan il-każ, il-ġbir ta’ data personali minn membri tal-Komunità tax-Xhieda ta’ Ġeħova, fil-kuntest ta’ attività ta’ ppridkar bieb bieb, jagħmel esklużivament parti minn inizjattiva reliġjuża ta’ individwi. Minn dan isegwi li tali attività ma hijiex attività speċifika għall-awtoritajiet tal-Istat u għalhekk ma tistax tiġi assimilata ma’ dawk previsti fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46.

40      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-eċċezzjoni prevista fit-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46, din id-dispożizzjoni teżenta mill-applikazzjoni ta’ din id-direttiva l-ipproċessar ta’ data mwettaq għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet li mhux biss ikunu sempliċement personali jew domestiċi iżda li jkunu “purament” personali jew domestiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Ryneš, C‑212/13, EU:C:2014:2428, punt 30).

41      Il-kliem “personali jew domestiċi”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, jirreferu għall-attività tal-persuna li tipproċessa d-data personali u mhux għall-persuna li d-data tagħha tkun ipproċessata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Ryneš, C‑212/13, EU:C:2014:2428, punti 31 u 33).

42      Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, it-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46 għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri biss l-attivitajiet li jaqgħu fil-kuntest tal-ħajja privata jew tal-familja tal-individwi. F’dan id-dawl, attività ma tistax titqies li hija esklużivament personali jew domestika, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta l-għan tagħha jkun li tagħmel data personali aċċessibbli għal numru indefinit ta’ persuni, jew inkella meta din l-attività testendi, anki jekk parzjalment, għad-dominju pubbliku, u, għalhekk, tkun indirizzata ’l barra mill-isfera privata ta’ min jipproċessa d-data (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist, C‑101/01, EU:C:2003:596, punt 47; tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia, C‑73/07, EU:C:2008:727, punt 44, kif ukoll tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Ryneš, C‑212/13, EU:C:2014:2428, punti 31 u 33).

43      Sa fejn jidher li l-ipproċessar ta’ data personali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jitwettaq fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-attività ta’ ppridkar bieb bieb minn membri tal-Komunità tax-Xhieda ta’ Ġeħova, għandu jiġi ddeterminat jekk tali attività għandhiex natura esklużivament personali jew domestika, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46.

44      F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-attività ta’ ppridkar bieb bieb, li fil-kuntest tagħha tinġabar id-data personali mill-membri tal-Komunità tax-Xhieda ta’ Ġeħova, għandha, min-natura tagħha stess, l-għan li xxerred il-fidi tal-Komunità tax-Xhieda ta’ Ġeħova ma’ persuni li, kif osserva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma jagħmlux parti mill-isfera domestika tal-membri predikaturi. Għaldaqstant, din l-attività hija indirizzata ’l barra mill-isfera privata tal-membri predikaturi.

45      Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta wkoll li ċerti elementi tad-data miġbura mill-membri predikaturi tal-imsemmija komunità jingħaddu, minn dawn il-membri, lill-parroċċi ta’ din il-komunità li, fuq il-bażi ta’ din id-data, iżommu listi ta’ persuni li ma jkunux jixtiequ jibqgħu jirċievu żjarat mill-imsemmija membri. B’hekk, fil-kuntest tal-attività ta’ ppridkar tagħhom, dawn tal-aħħar jagħmlu, minn tal-inqas, ċerti elementi tad-data miġbura aċċessibbli għal numru potenzjalment indefinit ta’ persuni.

46      Fir-rigward tal-kwistjoni jekk il-fatt li l-ipproċessar ta’ data personali jitwettaq fil-kuntest ta’ attività marbuta ma’ prattika reliġjuża jistax jagħti natura esklużivament personali jew domestika lill-attività ta’ ppridkar bieb bieb, għandu jitfakkar li d-dritt għal-libertà ta’ kuxjenza u ta’ reliġjon, stabbilit fl-Artikolu 10(1) tal-Karta, jimplika, b’mod paritkolari, il-libertà ta’ kull persuna li turi r-reliġjon jew it-twemmin tagħha b’mod individwali jew kollettiv, fil-pubbliku, jew fil-privat, permezz tal-qima, tat-tagħlim, tal-prattiki u tal-osservanza ta’ riti.

47      Il-Karta tadotta interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “reliġjon” użat f’din id-dispożizzjoni, li tista’ tkopri kemm l-aspett intern, jiġifieri l-fatt li wieħed ikollu twemmin, kif ukoll l-aspett estern, jiġifieri l-manifestazzjoni fil-pubbliku tal-fidi reliġjuża (sentenza tad‑29 ta’ Mejju 2018, Liga van Moskeeën en Islamitische Organisaties Provincie Antwerpen et, C‑426/16, EU:C:2018:335, punt 44 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

48      Barra minn hekk, peress li l-libertà li wieħed juri r-reliġjon tiegħu b’mod individwali jew kollettiv, fil-pubbliku jew fil-privat, tista’ tieħu diversi forom, bħalma huma t-tagħlim, il-prattiki u l-osservanza ta’ riti, din il-libertà tinkludi wkoll id-dritt li wieħed jipprova jikkonvinċi lil persuni oħra, pereżempju permezz tal-ippridkar (Qorti EDB, 25 ta’ Mejju 1993, Kokkinakis vs Il‑Greċja, CE:ECHR:1993:0525JUD001430788, punt 31, kif ukoll Qorti EDB, 8 ta’ Novembru 2007, Perry vs Il‑Latvja, CE:ECHR:2007:1108JUD003027303, punt 52).

49      Madankollu, għalkemm l-attività ta’ ppridkar bieb bieb mill-membri ta’ komunità reliġjuża hija għalhekk protetta taħt l-Artikolu 10(1) tal-Karta bħala espressjoni tal-fidi tal-predikatur jew tal-predikaturi, dan il-fatt ma għandux bħala effett li jagħti lill-imsemmija attività natura esklużivament personali jew domestika, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46.

50      Fil-fatt, fid-dawl ta’ dak li ntqal fil-punti 44 u 45 ta’ din is-sentenza, l-attività ta’ ppridkar tmur lil hinn mill-isfera privata ta’ membru predikatur ta’ komunità reliġjuża.

51      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46, moqri fid-dawl tal-Artikolu 10(1) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ġbir ta’ data personali minn membri ta’ komunità reliġjuża fil-kuntest ta’ attività ta’ ppridkar bieb bieb u l-ipproċessar ulterjuri ta’ din id-data la jikkostitwixxu pproċessar ta’ data personali implimentat għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet koperti mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva u lanqas ma jikkostitwixxu pproċessar ta’ data personali mwettaq minn persuni fiżiċi għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet esklużivament personali jew domestiċi, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva.

 Fuq it-tieni domanda

52      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 95/46 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “sistema ta’ ħażna” previst f’din id-dispożizzjoni jkopri sett ta’ data personali miġbura fil-kuntest ta’ attività ta’ ppridkar bieb bieb, li tinkludi ismijiet u indirizzi kif ukoll informazzjoni oħra dwar il-persuni kkuntattjati, f’sitwazzjoni fejn din id-data tista’, fil-prattika, tinstab faċilment għall-finijiet ta’ użu ulterjuri, jew jekk dan is-sett għandux, sabiex jaqa’ taħt dan il-kunċett, jinkludi skedi, listi speċifiċi jew sistemi oħra ta’ riċerka.

53      Kif jirriżulta mill-Artikolu 3(1) u mill-premessi 15 u 27 tagħha, id-Direttiva 95/46 tkopri kemm l-ipproċessar awtomatizzat ta’ data personali u kemm l-ipproċessar manwali ta’ tali data, sabiex il-protezzjoni mogħtija minnha lill-persuni li d-data tagħhom tkun ipproċessata ma tkunx tiddependi mit-tekniki użati u sabiex jiġu evitati r-riskji ta’ evażjoni ta’ din il-protezzjoni. Madankollu, mill-istess dispożizzjonijiet jirriżulta wkoll li l-imsemmija direttiva ma tapplikax għall-ipproċessar manwali ta’ data personali ħlief fil-każ li d-data pproċessata tkun tagħmel parti jew tkun maħsuba li tagħmel parti minn sistema ta’ ħażna.

54      F’dan il-każ, peress li l-ipproċessar ta’ data personali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jitwettaq b’mod mhux awtomatizzat, tqum il-kwistjoni ta’ jekk id-data pproċessata b’dan il-mod tagħmilx parti jew hijiex maħsuba li tagħmel parti minn sistema ta’ ħażna, fis-sens tal-Artikolu 2(ċ) u tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 95/46.

55      F’dan id-dawl, mill-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 95/46 jirriżulta li l-kunċett ta’ “sistema ta’ ħażna” ikopri “[kull] sett strutturat ta’ data personali li jkun aċċessibbli skond kriterji speċifiċi, kemm jekk ċentraliżżat, di-ċentraliżżat jew imferrex fuq bażi funzjonali jew ġeografika”.

56      Konformement mal-għan imfakkar fil-punt 53 ta’ din is-sentenza, din id-dispożizzjoni tiddefinixxi b’mod wiesa’ l-kunċett ta’ “sistema ta’ ħażna”, b’mod partikolari billi tkopri “kull” sett strutturat ta’ data personali.

57      Kif jirriżulta mill-premessi 15 u 27 tad-Direttiva 95/46, il-kontenut ta’ sistema ta’ ħażna għandu jkun strutturat sabiex jippermetti aċċess faċli għad-data personali. Barra minn hekk, għalkemm l-Artikolu 2(ċ) ta’ din id-direttiva ma jispeċifikax il-kriterji dwar kif din is-sistema ta’ ħażna għandha tkun strutturata, minn dawn l-istess premessi jirriżulta li dawn il-kriterji għandhom ikunu marbuta ma’ “individwi”. Għaldaqstant, jidher li r-rekwiżit li s-sett ta’ data personali jkollu natura strutturata “skond kriterji speċifiċi” huwa intiż biss li jippermetti li d-data dwar persuna tkun tista’ tinstab faċilment.

58      Bl-eċċezzjoni ta’ dan ir-rekwiżit, l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 95/46 la jistabbilixxi l-modalitajiet dwar kif għandha tkun strutturata sistema ta’ ħażna u lanqas il-forma li għandu jkollha. B’mod partikolari, la minn din id-dispożizzjoni u lanqas minn xi dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva ma jirriżulta li d-data personali inkwistjoni għandha tkun tagħmel parti minn skedi jew minn listi speċifiċi, jew inkella minn sistema ta’ riċerka oħra, sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li hemm sistema ta’ ħażna fis-sens tal-imsemmija direttiva.

59      F’dan il-każ, mill-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li d-data miġbura fil-kuntest tal-attività ta’ ppridkar bieb bieb inkwistjoni fil-kawża prinċipali tinġabar bħala pro memoria, fuq il-bażi ta’ tqassim skont setturi ġeografiċi, bil-għan li tiġi ffaċilitata l-organizzazzjoni ta’ żjarat ulterjuri lil persuni li jkunu diġà ġew ikkuntattjati. Din id-data ma tinkludix biss informazzjoni dwar il-kontenut ta’ konverżazzjonijiet dwar it-twemmin tal-persuna kkuntattjata, iżda wkoll l-isem u l-indirizz tagħha. Barra minn hekk, din l-informazzjoni, jew minn tal-inqas ċerti elementi minn din l-informazzjoni, tintuża sabiex jiġu stabbiliti listi ġestiti mill-parroċċi tal-Komunità tax-Xhieda ta’ Ġeħova dwar il-persuni li ma jkunux jixtiequ jibqgħu jirċievu żjarat min-naħa ta’ membri predikaturi ta’ din il-komunità.

60      B’hekk, jidher li d-data personali miġbura fil-kuntest tal-attività ta’ ppridkar bieb bieb inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija strutturata skont kriterji magħżula fid-dawl tal-għan segwit minn dan il-ġbir, li huwa li jiġu ppreparati żjarat ulterjuri u li jiġu ġestiti l-listi ta’ persuni li ma jkunux jixtiequ li jibqgħu jiġu kkuntattjati. Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, dawn il-kriterji, li jinkludu b’mod partikolari l-isem u l-indirizz tal-persuni kkuntattjati, it-twemmin tagħhom jew inkella r-rieda tagħhom li ma jibqgħux jirċievu żjarat, huma magħżula b’tali mod li jkunu jistgħu jippermettu li tinstab faċilment id-data marbuta ma’ persuni partikolari.

61      F’dan id-dawl, il-kwistjoni dwar skont liema kriterju eżatt u taħt liema forma preċiża jkun effettivament strutturat is-sett ta’ data personali miġbura minn kull wieħed mill-membri predikaturi hija irrilevanti sa fejn dan is-sett jippermetti li tinstab faċilment id-data dwar persuna partikolari kkuntattjata, punt dan li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża prinċipali.

62      Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li l-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 95/46 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “sistema ta’ ħażna”, previst f’din id-dispożizzjoni, ikopri sett ta’ data personali miġbura fil-kuntest ta’ attività ta’ ppridkar bieb bieb, li tinkludi ismijiet u indirizzi kif ukoll informazzjoni oħra dwar il-persuni kkuntattjati, f’sitwazzjoni fejn din id-data tkun strutturata skont kriterji partikolari li jippermettu, fil-prattika, li din id-data tinstab faċilment għall-finijiet ta’ użu ulterjuri. Sabiex tali sett jaqa’ taħt dan il-kunċett, ma huwiex meħtieġ li jinkludi skedi, listi speċifiċi jew sistemi oħra ta’ riċerka.

 Fuq it-tielet u r-raba’ domanda

63      Permezz tat-tielet u tar-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46, moqri fid-dawl tal-Artikolu 10(1) tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li komunità reliġjuża titqies li hija l-kontrollur responsabbli, flimkien mal-membri predikaturi tagħha, għall-ipproċessar ta’ data personali mwettaq minn dawn tal-aħħar fil-kuntest ta’ attività ta’ ppridkar bieb bieb organizzata, ikkoordinata u inkoraġġuta minn din il-komunità, u jekk, għal dan il-għan, huwiex meħtieġ li l-imsemmija komunità jkollha aċċess għal din id-data jew li jiġi stabbilit li tat lill-membri tagħha linji gwida bil-miktub jew istruzzjonijiet fir-rigward ta’ dan l-ipproċessar.

64      F’dan il-każ, il-Kummissjoni għall-Protezzjoni tad-Data qieset, fid-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li l-Komunità tax-Xhieda ta’ Ġeħova kienet il-kontrollur responsabbli, flimkien mal-membri predikaturi tagħha, għall-ipproċessar ta’ data personali mwettaq minn dawn tal-aħħar fil-kuntest tal-attività ta’ ppridkar bieb bieb. Sa fejn hija biss ir-responsabbiltà ta’ din il-komunità li qiegħda tiġi kkontestata, ma jidhirx li dik tal-membri predikaturi tinsab inkwistjoni.

65      Kif jipprevedi espliċitament l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46, il-kunċett ta’ “kontrollur” jirreferi għall-persuna fiżika jew ġuridika li, “waħdu jew flimkien ma’ oħrajn”, tiddetermina l-finalitajiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta’ data personali. Għaldaqstant, dan il-kunċett ma jirreferix neċessarjament għal persuna fiżika jew ġuridika waħda u jista’ jikkonċerna diversi atturi li jipparteċipaw f’dan l-ipproċessar, fejn kull wieħed minnhom ikollu għalhekk ikun suġġett għad-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam tal-protezzjoni tad-data (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Wirtschaftsakademie Schleswig-Holstein, C‑210/16, EU:C:2018:388, punt 29).

66      Peress li l-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li tiżgura, permezz ta’ definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “kontrollur”, protezzjoni effettiva u sħiħa tas-suġġetti tad-data, l-eżistenza ta’ responsabbiltà kondiviża ma twassalx neċessarjament għal responsabbiltà ekwivalenti, fir-rigward tal-istess ipproċessar ta’ data personali, tad-diversi atturi. Għall-kuntrarju, dawn l-atturi jistgħu jkunu involuti fi stadji differenti ta’ dan l-ipproċessar u skont gradi differenti, b’tali mod li l-livell ta’ responsabbiltà ta’ kull wieħed minnhom għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ ineżami (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Wirtschaftsakademie Schleswig-Holstein, C‑210/16, EU:C:2018:388, punti 28, 43 u 44).

67      F’dan ir-rigward, la l-formulazzjoni tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46 u lanqas xi dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva ma jippermettu li jitqies li d-determinazzjoni tal-finalitajiet u tal-mezzi tal-ipproċessar għandha titwettaq permezz ta’ linji gwida bil-miktub jew permezz ta’ istruzzjonijiet min-naħa tal-kontrollur.

68      Mill-banda l-oħra, persuna fiżika jew ġuridika li tinfluwenza, għal finijiet li huma partikolari għaliha, l-ipproċessar ta’ data personali u li għalhekk tipparteċipa fid-determinazzjoni tal-finalitajiet u tal-mezzi ta’ dan l-ipproċessar, tista’ titqies li hija l-kontrollur responsabbli ta’ dan l-ipproċessar, fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46.

69      Barra minn hekk, ir-responsabbiltà kondiviża ta’ diversi atturi għall-istess ipproċessar, skont din id-dispożizzjoni, ma teħtieġx li kull wieħed minnhom ikollu aċċess għad-data personali kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Wirtschaftsakademie Schleswig-Holstein, C‑210/16, EU:C:2018:388, punt 38).

70      F’dan il-każ, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, huwa minnu li huma l-membri predikaturi tal-Komunità tax-Xhieda ta’ Ġeħova li għandhom jevalwaw f’liema ċirkustanzi konkreti jiġbru data personali dwar il-persuni kkuntattjati, liema data eżatta tkun is-suġġett ta’ dan il-ġbir u b’liema mod jipproċessawha fi stadju ulterjuri. Madankollu, kif tfakkar fil-punti 43 u 44 ta’ din is-sentenza, il-ġbir ta’ data personali jitwettaq fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-attività ta’ ppridkar bieb bieb, li permezz tagħha l-membri predikaturi tal-Komunità tax-Xhieda ta’ Ġeħova ixerrdu l-fidi tal-komunità tagħhom. Din l-attività ta’ ppridkar tikkostitwixxi, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, forma ta’ azzjoni essenzjali ta’ din il-komunità, azzjoni li hija organizzata, ikkoordinata u inkoraġġuta mill-imsemmija komunità. F’dan il-kuntest, id-data tinġabar bħala pro memoria, fid-dawl ta’ użu u ta’ eventwali żjara ġdida ulterjuri. Fl-aħħar nett, il-parroċċi tal-Komunità tax-Xhieda ta’ Ġeħova jżommu, fuq il-bażi tad-data mgħoddija lilhom mill-membri predikaturi, listi ta’ persuni li ma jkunux jixtiequ li jibqgħu jirċievu żjarat minn tali membri.

71      Għaldaqstant, jidher li l-ġbir ta’ data personali dwar il-persuni kkuntattjati u l-ipproċessar ulterjuri tagħha jintużaw sabiex jintlaħaq l-għan tal-Komunità tax-Xhieda ta’ Ġeħova li xxerred il-fidi tagħha u, għalhekk, jitwettqu mill-membri predikaturi tagħha għal finijiet partikolari għal din il-komunità. Barra minn hekk, il-Komunità tax-Xhieda ta’ Ġeħova mhux biss għandha għarfien, b’mod ġenerali, tal-fatt li jitwettaq tali pproċessar għall-finijiet tat-tixrid tal-fidi tagħha, iżda torganizza u tikkoordina l-attività ta’ ppridkar tal-membri tagħha, b’mod partikolari billi tqassam is-setturi ta’ attività tad-diversi predikaturi.

72      Tali ċirkustanzi jippermettu li jitqies li l-Komunità tax-Xhieda ta’ Ġeħova tinkoraġġixxi lill-membri predikaturi tagħha jwettqu, fil-kuntest tal-attività ta’ ppridkar tagħhom, ipproċessar ta’ data personali.

73      B’hekk, fid-dawl tal-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jidher li l-Komunità tax-Xhieda ta’ Ġeħova, billi torganizza, tikkoordina u tinkoraġġixxi l-attività ta’ ppridkar tal-membri tagħha maħsuba sabiex tinxtered il-fidi tagħha, tipparteċipa, flimkien mal-membri predikaturi tagħha, fid-determinazzjoni tal-finalità u tal-mezzi tal-ipproċessar tad-data personali tal-persuni kkuntattjati, punt dan li madankollu għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ ineżami.

74      Din il-konstatazzjoni ma tistax tiddaħħal inkwistjoni permezz tal-prinċipju ta’ awtonomija organizzattiva tal-komunitajiet reliġjużi, li jirriżulta mill-Artikolu 17 TFUE. Fil-fatt, l-obbligu ta’ kull persuna li tikkonforma ruħha mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali ma jistax jitqies li huwa ndħil fl-awtonomija organizzattiva tal-imsemmija komunitajiet (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Egenberger, C‑414/16, EU:C:2018:257, punt 58).

75      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet u għar-raba’ domanda hija li l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46, moqri fid-dawl tal-Artikolu 10(1) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li komunità reliġjuża titqies li hija l-kontrollur responsabbli, flimkien mal-membri predikaturi tagħha, għall-ipproċessar ta’ data personali mwettaq minn dawn tal-aħħar fil-kuntest ta’ attività ta’ ppridkar bieb bieb organizzata, ikkoordinata u inkoraġġuta minn din il-komunità, mingħajr ma huwa meħtieġ li l-imsemmija komunità jkollha aċċess għal din id-data jew li jiġi stabbilit li tat lill-membri tagħha linji gwida bil-miktub jew istruzzjonijiet fir-rigward ta’ dan l-ipproċessar.

 Fuq l-ispejjeż

76      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, moqri fid-dawl tal-Artikolu 10(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ġbir ta’ data personali mwettaq minn membri ta’ komunità reliġjuża fil-kuntest ta’ attività ta’ ppridkar bieb bieb u l-ipproċessar ulterjuri ta’ din id-data la jikkostitwixxu pproċessar ta’ data personali implimentat għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet koperti mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva u lanqas ma jikkostitwixxu pproċessar ta’ data personali mwettaq minn persuni fiżiċi għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet esklużivament personali jew domestiċi, fis-sens tat-tieni inċiż tal-Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva.

2)      L-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 95/46 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “sistema ta’ ħażna”, previst f’din id-dispożizzjoni, ikopri sett ta’ data personali miġbura fil-kuntest ta’ attività ta’ ppridkar bieb bieb, li tinkludi ismijiet u indirizzi kif ukoll informazzjoni oħra dwar il-persuni kkuntattjati, f’sitwazzjoni fejn din id-data tkun strutturata skont kriterji partikolari li jippermettu, fil-prattika, li din id-data tinstab faċilment għall-finijiet ta’ użu ulterjuri. Sabiex tali sett jaqa’ taħt dan il-kunċett, ma huwiex meħtieġ li jinkludi skedi, listi speċifiċi jew sistemi oħra ta’ riċerka.

3)      L-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46, moqri fid-dawl tal-Artikolu 10(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li komunità reliġjuża titqies li hija l-kontrollur responsabbli, flimkien mal-membri predikaturi tagħha, għall-ipproċessar ta’ data personali mwettaq minn dawn tal-aħħar fil-kuntest ta’ attività ta’ ppridkar bieb bieb organizzata, ikkoordinata u inkoraġġuta minn din il-komunità, mingħajr ma huwa meħtieġ li l-imsemmija komunità jkollha aċċess għal din id-data jew li jiġi stabbilit li tat lill-membri tagħha linji gwida bil-miktub jew istruzzjonijiet fir-rigward ta’ dan l-ipproċessar.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.


i Fil-punt 51 u fid-dispożittiv 1 ta’ dan it-test saret modifika ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għall-ewwel darba.