Language of document : ECLI:EU:C:2015:471

Kawża C‑681/13

Diageo Brands BV

vs

Simiramida-04 EOOD

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi – Motivi tar-rifjut – Ksur tal-ordni pubbliku tal-Istat mitlub – Sentenza ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor, li tmur kontra d-dritt tal-Unjoni fil-qasam tat-trade marks – Direttiva 2004/48/KE – Rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali – Spejjeż legali”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-16 ta’ Lulju 2015

1.        Proċedura ġudizzjarja – Proċedura orali – Ftuħ mill-ġdid – Kundizzjonijiet

(It-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 23; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 83)

2.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament Nru 44/2001 – Rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi – Motivi tar-rifjut – Ksur tal-ordni pubbliku tal-Istat mitlub – Kundizzjonijiet – Evalwazzjoni mill-qorti mitluba – Limiti – Stħarriġ mill-Qorti tal-Ġustizzja

(Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, Artikoli 34(1) u 36)

3.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament Nru 44/2001 – Rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi – Motivi tar-rifjut – Ksur tal-ordni pubbliku tal-Istat mitlub – Kundizzjonijiet – Assenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 44/2001, Artikolu 34(1); Direttiva tal-Kunsill 89/104, Artikolu 5(3))

4.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali – Direttiva 2004/48 – Kamp ta’ applikazzjoni – Kawża għal kumpens għad-dannu kkawżat minn sekwestru ordnat imbagħad annullat – Inklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/28)

5.        Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Rispett tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali – Direttiva 2004/48 – Spejjeż legali – Kunċett – Spejjeż magħmula waqt proċedura li timplika r-rikonoxximent ta’ deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru ieħor – Inklużjoni

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/48, Artikolu 14)

1.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 34-37)

2.        Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 40-44)

3.        L-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 44/2001, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li sentenza mogħtija fi Stat Membru tmur kontra d-dritt tal-Unjoni ma jiġġustifikax il-fatt li din is-sentenza ma tiġix rikonoxxuta fi Stat Membru ieħor minħabba li hija tikser l-ordni pubbliku ta’ dan l-Istat fejn l-iżball ta’ liġi invokat ma jikkostitwixxix ksur manifest ta’ regola tad-dritt ikkunsidrata bħala essenzjali fis-sistema legali tal-Unjoni u għalhekk fis-sistema legali tal-Istat Membru fejn jintalab ir-rikonoxximent ta’ sentenza jew ta’ dritt rikonoxxut bħala fundamentali f’dawn is-sistemi legali. Tali ma huwiex il-każ ta’ żball li jinfluwenza l-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni bħal dik tal-Artikolu 5(3) tal-ewwel Direttiva 89/104 dwar it-trade marks, kif emendata bil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.

F’dan ir-rigward, l-imsemmi Artikolu 5(3) tad-Direttiva 89/104 jagħmel parti minn direttiva li tfittex l-armonizzazzjoni minima bl-għan li tapprossima b’mod parzjali l-leġiżlazzjonijiet differenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-trade marks. Dan ma jfissirx li żball fl-implementazzjoni ta’ din id-direttiva imur kontra, b’mod inaċċettabbli, l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni peress li jippreġudika prinċipju fundamentali ta’ dan l-ordinament.

Barra minn hekk, meta qed tiġi stabbilita l-eżistenza eventwali ta’ ksur manifest tal-ordni pubbliku tal-Istat fejn jintalab ir-rikonoxximent ta’ sentenza, il-qorti ta’ dan l-Istat għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, ħlief għal każijiet partikolari li jrendu wisq diffiċli jew impossibbli l-użu tar-rimedji ġudizzjarji fl-Istat Membru ta’ oriġini, il-partijiet fil-kawża għandhom jużaw f’dan l-Istat Membru r-rimedji ġudizzjarji kollha disponibbli sabiex jevitaw ksur tal-ordni pubbliku qabel ma jseħħ. Fil-fatt, is-sistema ta’ rikonoxximent u eżekuzzjoni prevista mir-Regolament Nru 44/2001 hija bbażata fuq il-fiduċja reċiproka fil-ġustizzja tal-Unjoni. Hija din il-fiduċja li l-Istati Membri reċiprokament jagħtu lis-sistemi legali tagħhom u lill-istituzzjonijiet ġudizzjarji tagħhom li tippermetti li jiġi kkunsidrat li, f’każ ta’ applikazzjoni żbaljata tad-dritt nazzjonali jew tad-dritt tal-Unjoni, is-sistema ta’ rimedji stabbiliti f’kull Stat Membru, sostnuta mill-proċedura ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 267 TFUE, tipprovdi garanzija suffiċjenti lill-partijiet fil-kawża.

(ara l‑punti 48-52, 63, 64, 68 u d‑dispożittiv 1)

4.        Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/48, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, ma humiex intiżi li jirregolaw l-aspetti kollha marbuta mad-drittijiet għall-proprjetà intellettwali, iżda biss dawk li huma inerenti minn naħa, għar-rispett ta’ dawn id-drittijiet u, min-naħa l-oħra, għal-ksur tal-imsemmija drittijiet, billi jimponu l-eżistenza ta’ rimedji effettivi intiżi li jipprevjenu, jitterminaw jew jirrimedjaw kwalunkwe ksur ta’ dritt għall-proprjetà intellettwali eżistenti. Jirriżulta mill-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji previsti mid-Direttiva 2004/48 li r-rimedji intiżi li jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huma kompletati mill-kawżi għad-danni li huma marbuta mill-qrib magħhom. Għalhekk, proċedura li għandha bħala għan il-kumpens għad-dannu kkawżat minħabba fis-sekwestru li l-ewwel nett kien ġie ordnat mill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istati Membru sabiex jipprevjeni kull ksur imminenti tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, sussegwentement ġie annullat minn dawn l-istess awtoritajiet minħabba li ma kinitx ġiet stabbilita l-eżistenza ta’ ksur, tikkostitwixxi konsegwenza tal-kawża mressqa mill-proprjetarju tad-dritt tal-proprjetà intellettwali sabiex jikseb miżura b’effett immedjat li ppermettietlu, mingħajr ma jistenna għal deċiżjoni dwar il-mertu, li jipprevjeni kull ksur eventwali għad-dritt tiegħu. Tali kawża għal kumpens tikkorrispondi għall-garanziji previsti minn din id-direttiva favur il-konvenut, inkambju tal-adozzjoni ta’ miżura provviżorja li influwenzat l-interessi tiegħu. Minn dan isegwi li tali proċedura taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2004/48.

(ara l-punti 73-76)

5.        L-Artikolu 14 tad-Direttiva 2004/48, fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa japplika għall-ispejjeż legali tal-partijiet fil-kuntest ta’ kawża għad-danni, imressqa fi Stat Membru, bħala kumpens għad-dannu kkawżat minħabba fis-sekwestru li twettaq fi Stat Membru ieħor, li kien intiż li jipprevjeni ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali, meta, fil-kuntest ta’ din il-kawża għad-danni, tqum il-kwistjoni tar-rikonoxximent ta’ sentenza mogħtija f’dan l-Istat Membru l-ieħor li tiddikjara li dan is-sekwestru huwa inġustifikat.

Fil-fatt, fid-dawl, minn naħa, tal-għan ta’ din id-direttiva, li hija intiża li ssaħħaħ il-livell ta’ protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, billi tevita li parti leża taqta’ qalbha milli tiftaħ proċedura ġudizzjarja għall-finijiet li tissalvagwarda d-drittijiet tagħha, u, min-naħa l-oħra, tal-formulazzjoni wiesgħa u ġenerali ta’ dan l-Artikolu 14, li jirreferi għall-“parti rebbieħa” u għall-“parti li tkun tilfet”, mingħajr ma jipprovdi dettalji u mingħajr ma jiffissa limiti dwar it-tip ta’ proċedura li skontha għandha tiġi applikata din ir-regola, din id-dispożizzjoni tapplika għall-ispejjeż legali fil-kuntest ta’ kull proċedura li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

(ara l-punti 77, 78, 80 u d-dispożittiv 2)