Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte suprema di cassazione (l-Italja) fit-2 ta’ Awwissu 2018 – NH vs Associazione Avvocatura per i diritti LGBTI - Rete Lenford

(Kawża C-507/18)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Corte suprema di cassazione

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: NH

Konvenuta: Associazione Avvocatura per i diritti LGBTI - Rete Lenford

Domandi preliminari

L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2000/78/KE 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li assoċjazzjoni komposta minn avukati speċjalisti fid-difiża legali ta’ kategorija ta’ persuni li għandha orjentazzjoni sesswali differenti u li għandha bħala għan, skont l-Istatuti tagħha, li tippromwovi l-kultura u r-rispett tad-drittijiet ta’ din il-kategorija, għandha awtomatikament interess kollettiv u tikkostitwixxi assoċjazzjoni b’tendenza jew b’konvinzjoni mingħajr skop ta’ lukru, li għandha locus standi, inkluż għall-kumpens, meta jseħħu fatti meqjusa diskriminatorji kontra dik il-kategorija ta’ persuni?

L-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2000/78/KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema ta’ ġlieda kontra d-diskriminazzjoni li tipprevedi din id-direttiva tkopri l-espressjoni ta’ opinjoni li tmur kontra l-kategorija ta’ persuni omosesswali magħmula waqt intervista fil-kuntest ta’ xandira ta’ divertiment bir-radju, li fiha l-persuna interrogata ddikjarat li qatt ma kienet ser tirrekluta lanqas ma kienet ser tħaddem dawn il-persuni fl-uffiċċju tagħha, anki jekk ebda proċedura ta’ reklutaġġ ma kienet għaddejja u lanqas ma kienet ipprogrammata minn din il-persuna?

____________

1 Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79).