Language of document : ECLI:EU:F:2012:164

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

27 ta’ Novembru 2012

Kawża F‑59/11

Peter Sipos

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Servizz pubbliku — Membru tal-persunal temporanju — Deċiżjoni li tirrifjuta li ġġedded kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju konkluż abbażi tal-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg — Kundizzjonijiet għall-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju konkluż abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg għal żmien determinat — Żball manifest ta’ evalwazzjoni”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu P. Sipos qiegħed jitlob, l-ewwel nett, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), tad-29 ta’ Settembru 2010, li tirrifjuta t-talba tar-rikorrent sabiex jikseb it-tieni tiġdid tal-kuntratt tiegħu bħala membru tal-persunal temporanju ffirmat fis-16 ta’ Lulju 2005 abbażi tal-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”) u sussegwentement li jiġi applikat għas-sitwazzjoni tiegħu l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, it-tieni nett, l-annullament tad-deċiżjoni tal-1 ta’ Awwissu 2010 li permezz tagħha l-UASI impjega lir-rikorrent għal żmien determinat bħala membru tal-persunal temporanju abbażi tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, sa fejn dan l-impjieg jikkostitwixxi fir-realtà t-tieni tiġdid tal-kuntratt iffirmat fis-16 ta’ Lulju 2005 u li għaldaqstant kien imissu ġie konkluż abbażi tal-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, għal żmien indeterminat, it-tielet nett, il-kumpens għad-dannu li sofra r-rikorrent b’riżultat tal-aġir tal-UASI.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati dawk tal-UASI.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Reklutaġġ — Konklużjoni ta’ kuntratt sabiex pożizzjoni permanenti timtela b’mod temporanju — Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 1a(1); Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikoli 2(b), 3, 4 u 5, u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 8)

2.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Membri tal-persunal temporanju li jaqgħu taħt l-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra — Tiġdid ta’ kuntratt wara l-ewwel proroga għal żmien determinat — Klassifikazzjoni mill-ġdid tal-kuntratt għal żmien determinat bħala kuntratt għal żmien indeterminat — Kundizzjonijiet

(Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra, Artikolu 2(a) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8)

3.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Reklutaġġ — Tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Limiti — Interess tas-servizz

4.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Reklutaġġ — Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat — Obbligu ta’ motivazzjoni — Assenza — Eċċezzjoni — Deċiżjoni li tirrifjuta t-talba ta’ membru tal-persunal sabiex jikseb tiġdid mill-ġdid tal-kuntratt tiegħu għal żmien determinat

(Regolamenti tal-Persunal, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 u Artikolu 90(1))

1.      Minn qari tal-Artikolu 1a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Artikoli 2 sa 5 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra jirriżulta li l-pożizzjonijiet permanenti mal-istituzzjonijiet għandhom, fil-prinċipju, jimtlew minn uffiċjali u li huwa biss bħala eċċezzjoni li tali pożizzjonijiet jistgħu jkunu okkupati minn membri tal-persunal temporanju. Għalhekk, għalkemm l-Artikolu 2(b) tal-imsemmija Kondizzjonijiet jipprovdi espressament li l-membri tal-persunal temporanju jistgħu jiġu rreklutati bil-għan li jokkupaw pożizzjonijiet permanenti, dan jippreċiża wkoll li dan jista’ jsir biss b’mod temporanju. Barra minn hekk, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra jipprovdi li l-kuntratt ta’ reklutaġġ bħala membru tal-persunal temporanju ma jistax jaqbeż l-erba’ snin u jista’ jiġġedded darba waħda biss għal perijodu ta’ mhux iktar minn sentejn. Wara dan il-perijodu, għandu jkun hemm terminazzjoni mandatorja tal-funzjonijiet tal-membru tal-persunal temporanju jew billi jitwaqqaf mill-funzjonijiet tiegħu jew billi jinħatar bħala uffiċjal skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 37 u 38)

2.      Sabiex kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju skont l-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra jkun jista’ jiġi kkunsidrat, fil-każ ta’ tiġdid ieħor, bħala li huwa għal żmien indeterminat skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 tal-imsemmi Kondizzjonijiet, huwa meħtieġ li jkunu ssodisfatti żewġ rekwiżiti, jiġifieri, minn naħa, li l-kuntratt rilevanti jkun kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju skont l-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra u, min-naħa l-oħra, li dan il-kuntratt jikkostitwixxi t-tiġdid ta’ kuntratt li kien diġà ġġedded.

F’dan ir-rigward, l-amministrazzjoni tista’ tikkonkludi kuntratt għal żmien indeterminat skont l-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra biss fil-każ li pożizzjoni li l-awtoritajiet tal-baġit ikunu kkonferewlha natura temporanja tkun disponibbli fit-tabella tal-impjegati annessa mat-taqsima tal-baġit tal-istituzzjoni rilevanti.

(ara l-punti 40 u 42)

3.      Meta l-amministrazzjoni ma tkunx adottat qafas ta’ regoli li jistabbilixxu l-prinċipju tat-tiġdid tal-kuntratti tal-membri tal-persunal temporanju taħt ċerti kundizzjonijiet, l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddeċiedi dwar it-tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat, liema tiġdid huwa madankollu suġġett għall-interess tas-servizz li jitlob li jiġu impjegati l-aħjar kandidati għall-pożizzjonijiet vakanti. Għaldaqstant, rikorrent jista’ jistabbilixxi li l-amministrazzjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta ma ġedditlux il-kuntratt jekk juri li kien ċar li xogħlu u l-esperjenza professjonali tiegħu kienu suffiċjentement eċċezzjonali sabiex jegħlbu dawk ta’ kwalunkwe kandidati potenzjali oħra jew, minn tal-inqas, li xogħlu u l-esperjenza professjonali tiegħu kienu superjuri għal dawk tal-persuna li fl-aħħar nett intgħażlet sabiex tokkupa l-pożizzjoni inkwistjoni.

(ara l-punti 56 u 57)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’istanza: 6 ta’ Frar 2003, Pyres vs Il-Kummissjoni, T‑7/01, punti 50 u 64; 1 ta’ Marzu 2005, Mausolf vs Europol, T‑258/03, punti 47 sa 49

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 27 ta’ Novembru 2008, Klug vs EMEA, F‑35/07, punti 65 u 66

4.      L-amministrazzjoni ma hijiex mitluba timmotiva d-deċiżjoni tagħha li ma ġġeddidx kuntratt meta dan jiskadi. Fil-fatt, bħala regola ġenerali, kull waħda mill-partijiet kontraenti għandha tistenna, sa mill-bidu tar-relazzjoni kuntrattwali tagħhom, li l-parti l-oħra se tużufruwixxi mid-dritt tagħha li tibbaża ruħha fuq it-termini tal-kuntratt kif miftehma, u, b’mod partikolari, mid-data prevista tal-iskadenza tal-kuntratt. Sussegwentement, u sakemm l-amministrazzjoni ma tkunx adottat qafas ta’ regoli li jistabbilixxu l-prinċipju tat-tiġdid tal-kuntratti tal-membri tal-persunal temporanju taħt ċerti kundizzjonijiet, ma jidhirx li huwa meħtieġ, fl-assenza ta’ dritt għat-tiġdid ta’ kuntratt għal żmien determinat, li l-amministrazzjoni timmotiva r-rieda tagħha li żżomm mal-iskadenza tal-kuntratt fid-data kif inizjalment stabbilita.

Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni li permezz tagħha l-amministrazzjoni tirrifjuta t-talba ta’ membru tal-persunal sabiex jikseb tiġdid tal-kuntratt tiegħu għandha tiġi motivata skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 25 u l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li din tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju.

(ara l-punt 71)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 29 ta’ Settembru 2009, Wenning vs Europol, F‑114/07, punt 142, iċċitata iktar il-fuq; 23 ta’ Novembru 2010, Gheysens vs Il-Kunsill, F‑8/10, punt 64