Language of document : ECLI:EU:F:2016:22

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

1 ta’ Marzu 2016

Kawża F‑83/15

Antonio Pujante Cuadrupani

vs

L-Agenzija Ewropea GNSS (GSA)

“Servizz pubbliku – Reklutaġġ – Membru tal-persunal temporanju – Tkeċċija fi tmien il-perijodu ta’ prova – Rikorsi għal annullament ippreżentat kemm kontra d-deċiżjoni ta’ tkeċċija kif ukoll kontra d-deċiżjoni konfermattiva ta’ tkeċċija – Ammissibbiltà – Artikolu 14(3) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg – Użu ħażin ta’ poter u ta’ proċedura – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Drittijiet tad-difiża – Konsultazzjoni mal-Kumitat konġunt tal-evalwazzjoni – Opinjoni bbażata fuq l-eżami ta’ materjal bil-miktub, mingħajr smigħ tar-rikorrent – Assenza ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, li permezz tiegħi A. Pujante Cuadrupani jitlob, minn naħa, l-annullament tar-rapport stabbilit fi tmiem il-perijodu ta’ prova tiegħu fi ħdan l-Agenzija Ewropea GNSS (GSA) u, min-naħa l-oħra, l-annullament tad-Direttur Eżekuttiv tal-GSA tal-15 ta’ Ottubru 2014 li huwa jitkeċċa fi tmiem il-perijodu ta’ prova, kif ukoll l-annullament tad-deċiżjoni tal-President tal-Bord Amministrattiv tal-GSA tat-30 ta’ Ottubru 2014, li tikkonferma din id-deċiżjoni ta’ tkeċċija.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. A. Pujante Cuadrupani għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mill-Aġenzija Ewropea GNSS.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Att preparatorju – Rapport dwar il-perijodu ta’ prova fid-dawl ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija – Esklużjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91; Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, Artikolu 14(1) u (3))

2.      Rikorsi tal-uffiċjali – Rikors għal anullament indirizzat kontra deċiżjoni konfermattiva – Inammissibbiltà – Kundizzjoni – Deċiżjoni kkonfermata li tkun saret definittiva

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

3.      Uffiċjali – Reklutaġġ – Perijodu ta’ prova – Rapport fi tmiem il-perijodu ta’ prova – Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Kunċett

(Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, Artikolu 14(1) u (3))

4.      Uffiċjali – Reklutaġġ – Perijodu ta’ prova – Evalwazzjoni tar-riżultati – Evalwazzjoni tal-kompetenzi ta’ membru tal-persunal temporanju bi prova – Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 34)

5.      Uffiċjali – Membri tal-persunal temporanju – Prinċipji – Drittijiet tad-difiża – Portata – Obbligu li tinstema’ l-persuna kkonċernata qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija – Rispett tad-drittijiet tad-difiża fil-qasam tat-tkeċċija fi tmien il-perijodu ta’ prova

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(2)(a); Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, Artikolu 14(3))

1.      Huma biss l-atti jew il-miżuri li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu, b’mod sinjifikattiv, is-sitwazzjoni legali tiegħu, li jikkawżaw preġudizzju. Meta jkun hemm atti jew deċiżjonijiet li t-tfassil tagħhom jitwettaq f’diversi fażijiet, b’mod partikolari fit-tmiem ta’ proċedura interna, huma biss dawk il-miżuri li jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-istituzzjoni fit-tmiem ta’ din il-proċedura, bl-esklużjoni tal-miżuri intermedji, li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali, li jikkostitwixxu att li jista’ jiġi kkontestat. L-atti preparatorji ta’ deċiżjoni ma jikkawżawx preġudizzju u huwa biss meta jkun hemm rikors kontra d-deċiżjoni adottata fi tmiem il-proċedura li r-rikorrent jista’ jinvoka l-irregolarità tal-atti preċedenti marbuta strettament magħha.

F’dan ir-rigward, huma inammissibbli t-talbiet intiżi għall-annullament tar-rapporti fi tmiem il-perijodu ta’ prova li fuqhom tkun ibbażata d-deċiżjoni ta’ tkeċċija ta’ membru tal-persunal temporanju. Fil-fatt, filwaqt li d-deċiżjoni ta’ tkeċċija, sa fejn din tistabbilixxi b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-amministrazzjoni u, b’hekk, taffettwa direttament u immedjatament l-interessi tal-membru tal-persunal, tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju għal dan ta’ l-aħħar, dan ma huwiex il-każ fir-rigward tar-rapport fi tmiem il-perijodu ta’ prova li jikkostitwixxi biss att preparatorju tagħha.

(ara l-punti 43 sa 45)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenzi tas-17 ta’ Mejju 2006, Lavagnoli vs Il‑Kummissjoni, T‑95/04, EU:T:2006:131, punt 33, u tas-16 ta’ Marzu 2009, R vs Il‑Kummissjoni, T‑156/08 P, EU:T:2009:69, punt 49, u l-ġurisprudenza ċċitata

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza tat-2 ta’ Marzu 2010, Doktor vs Il‑Kunsill, T‑248/08 P, EU:T:2010:57, punt 81

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: digriet tal-24 ta’ Mejju 2007, Lofaro vs Il‑Kummissjoni, F‑27/06 u F‑75/06, EU:F:2007:89, punt 59

2.      Rikors għal annullament ippreżentat minn uffiċjal jew minn membru tal-persunal kontra deċiżjoni konfermattiva huwa inammissibbli biss jekk id-deciżjoni kkonfermata tkun saret definittiva fir-rigward tal-persuna kkonċernata, billi din ma kinitx is-suġġett ta’ rikors ippreżentat fit-termini mitluba. Fil-każ kuntrarju, il-persuna kkonċernata jkollha d-dritt li tikkontesta kemm id-deċiżjoni kkonfermata, jew id-deċiżjoni konfermattiva, jew iż-żewġ deċiżjonijiet flimkien.

(ara l-punt 52)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 1994, Chavane de Dalmassy et vs Il-Kummissjoni, T‑64/92, EU:T:1994:260, punt 25, u tal-25 ta’ Ottubru 2005, Dedeu i Fontcuberta vs Il-Kummissjoni, T‑299/02, EU:T:2005:370, punt 22

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza tal-5 ta’ Mejju 2009, Simões Dos Santos vs UASI, F‑27/08, EU:F:2009:44, punt 73, mhux annullata fuq dan il-punt mis-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2010, UASI vs Simões Dos Santos, T‑260/09 P, EU:T:2010:461

3.      L-amministrazzjoni għandha marġni wiesgħa fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kompetenzi u tas-servizzi ta’ uffiċjal jew ta’ membru tal-persunal matul il-perijodu ta’ prova u t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma għandux l-obbligu li jissostitwixxi l-evalwazzjoni tiegħu għal dik tal-istituzzjonijiet għal dak li jirrigwarda l-eżitu ta’ perijodu ta’ prova u l-kapaċitajiet ta’ kandidat għal ħatra permanenti jew għal konferma tal-kuntratt tiegħu fis-servizz pubbliku tal-Unjoni, peress li l-kontroll tiegħu huwa limitat għall-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni jew għal użu ħażin ta’ poter.

Żball ta’ evalwazzjoni mill-amministrazzjoni jista’ jiġi kkwalifikat bħala manifest biss meta jkun faċilment perċepibbli u meta jista’ jiġi identifikat b’mod evidenti, fid-dawl tal-kriterji li għalihom il-leġiżlatur kellu l-għan li jissuġġetta l-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha.

Konsegwentement, sabiex jiġi stabbilit li l-amministrazzjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni tal-fatti li jista’ jkun tali li jiġġustifika l-annullament ta’ deċiżjoni, il-provi, li għandhom jiġu prodotti mir-rikorrenti, għandhom ikunu suffiċjenti sabiex l-evalwazzjonijiet ikkunsidrati quddiem l-amministrazzjoni ma jibqgħux iktar plawżibbli. Fi kliem ieħor, il-motiv ibbażat fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni għandu jiġi miċħud jekk, minkejja l-elementi mressqa mir-rikorrenti, l-evalwazzjoni kkontestata tista’ titqies veraċi jew valida.

(ara l-punti 84 sa 86)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi tal-24 ta’ Marzu 2011, Canga Fano vs Il-Kunsill, F‑104/09, EU:F:2011:29, punt 35, ikkonfermata fl-appell mis-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2013, Canga Fano vs Il-Kunsill, T‑281/11 P, EU:T:2013:252, punt 127; tad-29 ta’ Settembru 2011, AJ vs Il-Kummissjoni, F‑80/10, EU:F:2011:172, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-12 ta’ Ġunju 2013, Bogusz vs Frontex, F‑5/12, EU:F:2013:75, punt 72

4.      Meta tiġi biex tadotta deċiżjoni ta’ konferma tal-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju bi prova, l-amministrazzjoni għandha twettaq eżami globali li jirrigwarda l-eżistenza, jew le, ta’ numru ta’ elementi pożittivi li jkunu ħarġu matul il-perijodu ta’ prova u li juru li l-konferma tal-kuntratt tal-membru tal-persunal temporanju bi prova huwa fl-interess tas-servizz. Għaldaqstant, tali eżami jimplika l-ibbilanċjar tal-elementi pożittivi u tal-elementi negattivi li jkunu ħarġu matul il-perijodu ta’ prova, sabiex jiġi vverifikat jekk il-konferma tal-kuntratt huwiex fl-interess tas-servizz jew le.

(ara l-punt 97)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2007, Krcova vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, F‑112/06, EU:F:2007:178, punt 61, mhux annullata fuq dan il-punt mis-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2009, Krcova vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑498/07 P, EU:T:2009:178

5.      Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, prinċipju fundamentali stabbilit fl-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jirrikjedi li d-destinatarju ta’ deċiżjoni li taffettwa b’mod sinjifikattiv l-interessi tiegħu jkollu l-possibbiltà jagħti l-fehma tiegħu b’mod utli fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u ċirkustanzi li abbażi tagħhom din id-deċiżjoni tkun ġiet adottata.

Fil-kuntest tat-tkeċċija ta’ membru tal-persunal temporanju fi tmien il-perijodu ta’ prova, il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża huwa implementat mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(3) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra, li jipprevedi li r-rapport, li għandu jitfassal xahar qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ prova, dwar il-kompetenza tal-membru tal-persunal temporanju li jwettaq il-kompiti marbuta mal-funzjonijiet tiegħu, kif ukoll dwar l-effiċjenza u l-kondotta tiegħu fis-servizz, għandu jiġi kkomunikat lill-membru tal-persunal temporanju, li jista’ jagħmel l-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub.

Barra minn hekk, it-trażmissjoni lill-uffiċjal bi prova jew lill-membru tal-persunal temporanju f’perijodu ta’ prova tal-opinjoni mogħtija mill-Kumitat konġunt tal-evalwazzjoni tikkostitwixxi garanzija suffiċjenti tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża.

Madankollu, il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, kif implementat mill-Artikolu 14(3) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, ma jistax jimplika l-obbligu ġenerali tal-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ li tisma’ lill-membru tal-persunal temporanju bi prova qabel ma tittieħed id-deċiżjoni ta’ tkeċċija.

Fl-aħħar nett, skont il-ġurisprudenza, il-proċedura stabbilita mill-Artikolu 34 tar-Regolamenti tal-Persunal ma hijiex intiża sabiex tagħti lill-uffiċjal bi prova kkonċernat l-opportunità li jesprimu ruħu dwar id-deċiżjoni li għandha tittieħed minħabba n-natura negattiva tar-rapport dwar il-perijodu ta’ prova. Tali ġurisprudenza tapplika mutatis mutandis għall-Artikolu 14 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra u għad-deciżjoni ta’ tkeċċija ta’ membru tal-persunal temporanju fi tmien il-perijodu ta’ prova tiegħu.

(ara l-punti 114, 115, 121, 127 u 128)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza tal-1 ta’ April 1992, Kupka-Floridi vs KESE, T‑26/91, EU:T:1992:53, punt 38

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 2007, Krcova vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, F‑112/06, EU:F:2007:178, punt 75, ikkonfermata fl-appell mis-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2009, Krcova vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑498/07 P, EU:T:2009:178; tal-10 ta’ Lulju 2008, Sapara vs Eurojust, F‑61/06, EU:F:2008:98, punt 149; tas-7 ta’ Ottubru 2009, Y vs Il-Kummissjoni, F‑29/08, EU:F:2009:136, punt 45; tal-14 ta’ Settembru 2010, Da Silva Pinto Branco vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, F‑52/09, EU:F:2010:98, punt 51, u tal-11 ta’ Diċembru 2014, CZ vs ESMA, F‑80/13, EU:F:2014:266, punti 55 u 57