Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Najwyższy (il-Polonja) fit-18 ta’ Settembru 2017 – Mariusz Pawlak vs Prezes Kasy Rolniczego Ubezpieczenia Społecznego

(Kawża C-545/17)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Najwyższy

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Mariusz Pawlak

Konvenut: Prezes Kasy Rolniczego Ubezpieczenia Społecznego

Domandi preliminari

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 1997 dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz 1 , moqrija flimkien mal-Artikolu 8 tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li tikkostitwixxi dritt speċjali l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar id-dritt proċedurali prevista fl-Artikolu 165(2) tal-Liġi Pollakka tas-17 ta’ Novembru 1964 li tistabbilixxi Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, li jipprevedi li huwa biss id-depożitu ta’ att proċedurali fl-uffiċċju tal-posta tal-operatur innominat, jiġifieri l-operatur inkarigat sabiex jiżgura s-servizz postali universali, li huwa ekwivalenti għall-preżentata ta’ dan l-att proċedurali quddiem il-qorti, filwaqt li jeskludi dan l-effett fil-każ li l-att proċedurali jiġi ppreżentat f’uffiċċju tal-posta nazzjonali ta’ operatur postali ieħor li jipprovdi servizz postali universali iżda li ma jkunx l-operatur innominat?

Jekk l-ewwel domanda teħtieġ risposta fl-affermattiv, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 97/67, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, għandha tiġi interpretata fis-sens li għandhom jiġu estiżi għall-operaturi postali l-oħra l-vantaġġi li jirriżultaw mill-għoti lill-operatur innominat ta’ dritt speċjali bi ksur tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 97/67, b’tali mod li d-depożitu ta’ att proċedurali f’uffiċċju tal-posta nazzjonali jew fl-uffiċċju tal-posta ta’ fornitur ta’ servizz postali universali li ma huwiex l-operatur innominat għandu jitqies ukoll li huwa ekwivalenti għall-preżentata ta’ dan l-att proċedurali quddiem il-qorti, fuq il-bażi ta’ prinċipji simili għal dawk li joħorġu mis-sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2007, Jonkman et (C-231/06 sa C-233/06) ?

Jekk it-tieni domanda teħtieġ risposta fl-affermattiv, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 97/67, moqrija flimkien mal-Artikolu 4(3) TUE, għandha tiġi interpretata fis-sens li parti fil-proċedura li tkun emanazzjoni ta’ Stat Membru tista’ tinvoka n-nuqqas ta’ konformità mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 97/67 ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali bħalma huwa l-Artikolu 165(2) tal-Liġi Pollakka li tistabbilixxi Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 71.