Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Lulju 2020 – Il-Kummissjoni Ewropea vs ir-Repubblika Taljana

(Kawża C-341/20)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: F. Moro, A. Armenia, aġenti)

Konvenuta: ir-Repubblika Taljana

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li, billi tat il-benefiċċju tal-eżenzjoni mid-dazji tas-sisa għal karburanti użati minn dgħajjes għal użu privat jew għal divertiment, biss jekk dawn id-dgħajjes huma s-suġġett ta’ kuntratt ta’ noleġġ, irrispettivament mill-mod li bih dawn id-dgħajjes jiġu attwalment użati, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva 2003/96/KE 1

tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

1. L-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jeżentaw il-prodotti ta’ enerġija pprovduti għall-użu, bħala karburant jew kombustibbli għan-navigazzjoni fl-ilmijiet tal-Unjoni, inkluż is-sajd, barra minn dgħajjes għal użu privat jew għal divertiment. Mid-definizzjoni ta’ dgħajsa privata għad-divertiment li tinsab fid-dispożizzjoni msemmija hawn fuq jirriżulta li l-eżenzjoni hija rriżervata għal dgħajjes tad-divertiment użati għall-provvista ta’ servizz bi ħlas, għal finijiet kummerċjali. Dan ikun il-każ kemm jekk l-utent huwa s-sid tad-dgħajsa jew jekk ikun il-kerrej jew ikun in-noleġġatur.

2. Il-kunċett ta’ utent ġie ċċarat bis-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Haltergemeinschaft, C-250/10 2 , skont liema, fil-kuntest ta’ kiri jew noleġġ, l-utent li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-għoti jew ir-rifjut tal-eżenzjoni inkwistjoni huwa l-kerrej jew in-noleġġatur u mhux il-persuna li tagħti b’kera jew b’noleġġ. Minn din is-sentenza jirriżulta wkoll li, sabiex ikun hemm lok ta’ benefiċċju mill-eżenzjoni, mhux biżżejjed li n-noleġġ jiġi kkunsidrat bħala attività kummerċjali għall-persuna li tagħti b’noleġġ, billi dak li huwa importanti li jiġi vverifikat huwa l-użu li jsri min-noleġġatur tad-dgħajsa. Għalhekk huwa l-utent aħħari u l-użu aħħari tad-dgħajsa li huma relevanti u huwa dan l-użu li għandu jintuża “direttament għall-provvista ta’ servizzi bi ħlas” sabiex wieħed ikun jista’ jibbenefika mid-dritt għal eżenzjoni, bħalma fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-13 ta’ Lulju 2017, Vakarų Baltijos laivų statykla, C 151/16 3 .

3. Għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni inkwistjoni, huwa għalhekk meħtieġ li jiġi analizzat fuq bażi ta’ każ b’każ x’inhu l-użu attwali tad-dgħajsa privata tad-divertiment.

4. Issa, mill-analiżi tad-dispożizzjonijiet Taljani li japplikaw l-eżenzjoni inkwistjoni u mir-risposti għall-ittra ta’ notifika formali u għall-opinjoni motivata jirriżulta li r-rifjut jew l-għoti tal-eżenzjoni jseħħ indipendentement mill-użu effettiv tad-dgħajsa.

5. F’dan ir-rikors, il-Kummissjoni tqis li fl-Italja l-applikazzjoni tal-eżenzjoni inkwistjoni tmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva 2003/96/KE.

6. B’mod partikolari, il-Kummissjoni targumenta li l-awtoritajiet tat-taxxa Taljani ma jwettqux analiżi każ b’każ ta’ kif id-dgħajsa hija effettivament użata, għall-finijiet ta’ għoti jew rifjut tal-eżenzjoni. L-awtoritajiet Taljani jargumentaw fil-fatt li din l-evalwazzjoni titwettaq billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi ta’ leġiżlazzjoni settorjali li jkunu sempliċement intiżi sabiex jiffaċilitaw din l-evalwazzjoni, bħal jekk in-navigazzjoni hijiex permessa permezz ta’ kuntratt ta’ noleġġ tipiku jew kuntratt ta’ kiri jew ta’ noleġġ okkażjonali. L-awtoritajiet Taljani jsostnu, madankollu, li fil-każ ta’ noleġġ, l-eżenzjoni għandha fi kwalunkwe każ tingħata lil operaturi ekonomiċi li jipprovdu servizzi ta’ navigazzjoni marittima, filwaqt li dawk li jikru jew jinnoleġġaw b’mod okkażjonali għandhom jiġu esklużi mill-eżenzjoni. Billi jaffermaw mill-ġdid li l-għoti jew ir-rifjut tal-eżenzjoni għandu jseħħ fuq il-bażi tat-tip ta’ kuntratt konkluż u għalhekk b’mod astratt, l-awtoritajiet Taljani jikkonfermaw li ma jivverifikawx b’mod konkret jekk l-eżenzjoni hijiex mogħtija lil min huwa intitolat għaliha u miċħuda lil dawk li ma humiex intitolati għaliha.

7. Minbarra n-noleġġ, fil-każ ta’ kiri u ta’ noleġġ okkażjonali, kull possibbiltà ta’ eżenzjoni hija għalhekk eskluża anke jekk, fir-realtà, id-dgħajsa tista’ tintuża mill-utent aħħari sabiex jiġu pprovduti servizzi direttament bi ħlas u l-fatt li l-persuna li tikri jew tinnoleġġja b’mod okkażjonali għandhiex il-ħsieb li twettaq hija stess attività ta’ navigazzjoni jew le huwa irrelevanti f’dan ir-rigward. In-noleġġ okkażjonali fil-fatt ma huwiex ikkunsidrat, fil-liġi Taljana, bħala użu kummerċjali possibbli tad-dgħajsa.

____________

1     Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku  (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405).

2     EU:C:2011:862, punt 22.

3     EU:C:2017:537, punti 29 u 30.