Language of document : ECLI:EU:F:2015:65

SENTENZA TAT‑TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(Imħallef uniku)

25 ta’ Ġunju 2015

Kawża F‑67/14

Filip Mikulik

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Perijodu ta’ prova — Estensjoni tal-perijodu ta’ prova — Tkeċċija meta ntemm il-perijodu ta’ prova — Perijodu ta’ prova mwettaq f’kundizzjonijiet irregolari”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a, li permezz tiegħu F. Mikulik jitlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-25 ta’ Ġunju 2013 li temmet il-kuntratt ta’ reklutaġġ tiegħu kif ukoll l-annullament tad-deċiżjoni tat-8 ta’ April 2014 li tiċħad l-ilment tiegħu kontra l-imsemmija deċiżjoni, u, min-naħa l-oħra, il-kumpens għad-dannu materjali u morali allegatament imġarrab minnu.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. F. Mikulik għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Perijodu ta’ prova — Deċiżjoni li l-uffiċjal fuq perijodu ta’ prova ma jinħatarx bħala uffiċjal permanenti — Deċiżjoni ta’ tkeċċija tal-uffiċjal permanenti — Differenza ta’ natura legali — Elementi ta’ evalwazzjoni rispettivi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 34)

2.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Perijodu ta’ prova — Skop — Kundizzjonijiet ta’ żvolġiment — Evalwazzjoni fid-dawl tal-funzjonijiet eżerċitati mill-uffiċjal bi prova

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 34(3))

3.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Perijodu ta’ prova — Evalwazzjoni tar-riżultati — Evalwazzjoni tal-kompetenzi tal-uffiċjal bi prova — Teħid inkunsiderazzjoni tal-osservazzjonijiet ta’ konsulent estern li ħadem mill-qrib mal-uffiċjal bi prova kkonċernat — Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 34)

4.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Perijodu ta’ prova — Evalwazzjoni negattiva tal-kompetenzi tal-persuna kkonċernata — Estensjoni tal-perijodu ta’ prova u assenjazzjoni mill-ġdid — Natura eċċezzjonali — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 34(1) u (3))

5.      Uffiċjali — Reklutaġġ — Perijodu ta’ prova — Evalwazzjoni negattiva tal-kompetenzi tal-persuna kkonċernata — Obbligu ta’ twissija qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ prova — Assenza — Ksur tad-drittijiet tad-difiża — Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 34)

1.      Kandidat li għadda minn kompetizzjoni rreklutat bħala uffiċjal bi prova jista’ jinħatar bħala uffiċjal permanenti biss jekk itemm b’suċċess il-perijodu ta’ prova previst fl-Artikolu 34 tar-Regolamenti tal-Persunal. F’dan ir-rigward, l-Awtorità tal-Ħatra għandha tipprovdi lill-uffiċjal bi prova b’kundizzjonijiet materjali adegwati u b’appoġġ fl-eżerċizzju, matul il-perijodu ta’ prova, tal-funzjonijiet tiegħu.

Meta, fi tmien il-perijodu ta’ prova tiegħu, l-uffiċjal bi prova jkun wera inkapaċità manifesta fis-sens tal-Artikolu 34(2) tar-Regolamenti tal-Persunal jew ma jkunx wera kwalitajiet professjonali suffiċjenti sabiex jinħatar uffiċjal permanenti fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 34(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa għandu jitkeċċa. Fil-verità, tali deċiżjoni ta’ tkeċċija tikkostitwixxi deċiżjoni li ma jinħatarx uffiċjal permanenti li, min-natura tagħha stess, hija differenti minn deċiżjoni ta’ tkeċċija ta’ persuna li tkun ibbenefikat minn ħatra bħala uffiċjal permanenti. Filwaqt li, f’dan l-aħħar każ, huwa meħtieġ eżami ddettaljat ħafna tar-raġunijiet li jiġġustifikaw it-tmien ta’ relazzjoni ta’ impjieg stabbilita, fid-deċiżjonijiet dwar il-ħatra tal-uffiċjali bi prova bħala uffiċjali permanenti, l-eżami għandu jkun ta’ natura iktar globali u għandu jikkonċerna jekk jeżistux jew le numru ta’ elementi pożittivi u/jew negattivi identifikati matul il-perijodu ta’ prova li juru jekk il-ħatra tal-uffiċjal bi prova bħala uffiċjal permanenti tkunx fl-interess tas-servizz jew le.

(ara l-punti 26 u 29)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza Tréfois vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, 290/82, EU:C:1983:334, punti 24 u 25

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi BW vs Il-Kummissjoni, F‑2/11, EU:F:2012:194, punt 78; De Bruin vs Il-Parlament, F‑15/14, EU:F:2014:236, punti 42 u 45, u DH vs Il-Parlament, F‑4/14, EU:F:2014:241, punti 53, 54 u 57

2.      Għalkemm il-perijodu ta’ prova li jwassal għall-ħatra bħala uffiċjal permanenti, intiż sabiex jippermetti l-evalwazzjoni tal-kapaċità u tal-aġir tal-uffiċjal bi prova, ma jistax jitqies daqslikieku huwa perijodu ta’ taħriġ, xorta waħda jibqa’ meħtieġ li l-persuna kkonċernata titqiegħed f’pożizzjoni, matul dan il-perijodu, li turi l-kwalitajiet tagħha. Din il-kundizzjoni, li ma tistax tinfired mill-kunċett ta’ perijodu ta’ prova, tinsab b’mod impliċitu fl-Artikolu 34(3) tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, din il-kundizzjoni tissodisfa r-rekwiżiti tal-prinċipji ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif ukoll dawk tad-dmir ta’ premura, li jirrifletti l-bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi reċiproċi li r-Regolamenti tal-Persunal ħoloq fir-relazzjonijiet bejn l-awtorità pubblika u l-membri tal-persunal tas-servizz pubbliku tal-Unjoni. Fil-prattika, din il-kundizzjoni tfisser li l-uffiċjal bi prova mhux biss għandu jibbenefika minn kundizzjonijiet materjali adegwati, iżda għandu jingħata wkoll istruzzjonijiet u pariri adegwati, fid-dawl tan-natura tal-funzjonijiet eżerċitati, sabiex ikun f’pożizzjoni li jaġġusta ruħu għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-pożizzjoni okkupata minnu.

F’dan ir-rigward, il-livell meħtieġ ta’ istruzzjonijiet u ta’ pariri inkwistjoni ma għandux jiġi evalwat b’mod astratt iżda b’mod konkret, fid-dawl tan-natura tal-funzjonijiet eżerċitati.

(ara l-punti 27 u 28)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenzi Mirossevich vs L-Awtorità Għolja, 10/55, EU:C:1956:14, p. 387 sa 389, u Patrinos vs KES, 3/84, EU:C:1985:202, punti 20 u 21

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza Rozand-Lambiotte vs Il-Kummissjoni, T‑96/95, EU:T:1997:25, punt 95

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi Krcova vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, F‑112/06, EU:F:2007:178, punt 48; Doktor vs Il-Kunsill, F‑73/07, EU:F:2008:42, punti 31 u 33 sa 36; De Bruin vs Il-Parlament, EU:F:2014:236, punti 43 u 44, u DH vs Il-Parlament, EU:F:2014:241, punti 55 u 56

3.      La l-formulazzjoni u lanqas l-għan tal-Artikolu 34 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jipprojbixxu, sabiex jiġu evalwati l-kwalitajiet professjonali tal-uffiċjal bi prova, li s-superjuri ġerarkiki tiegħu u l-kumitat tar-rapporti jieħdu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet ta’ konsulent estern responsabbli għall-implementazzjoni ta’ proġett imniedi mill-istituzzjoni u li miegħu l-uffiċjal bi prova jkun ħadem mill-qrib, sabiex jistabbilixxu numru ta’ elementi pożittivi u/jew negattivi identifikati matul il-perijodu ta’ prova li juru jekk il-ħatra tal-uffiċjal bi prova bħala uffiċjal permanenti tkunx fl-interess tas-servizz jew le.

(ara l-punt 33)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza BW vs Il-Kummissjoni, EU:F:2012:194, punt 78

4.      Mill-kliem tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 34(3) tar-Regolamenti tal-Persunal bl-ebda mod ma jirriżulta li, fil-każ li uffiċjal bi prova ma jkunx wera kwalitajiet suffiċjenti sabiex jinħatar bħala uffiċjal permanenti, l-Awtorità tal-Ħatra jkollha l-obbligu li tikkunsidra l-estensjoni tal-prova tiegħu filwaqt li tassenjah lil dipartiment ieħor. Għall-kuntrarju, l-użu tal-kliem “f’ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni” fl-imsemmija dispożizzjoni juri b’mod ċar li l-imsemmija awtorità għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddetermina, skont il-fatti tal-każ u ċ-ċirkustanzi individwali, f’liema sitwazzjonijiet tkun f’lokha estensjoni tal-perijodu ta’ prova. Dan jgħodd iktar u iktar, fil-każ ta’ estensjoni tal-perijodu ta’ prova, fir-rigward tal-assenjazzjoni mill-ġdid stess, li fid-dispożizzjoni inkwistjoni tar-Regolamenti tal-Persunal hija ppreżentata bħala sempliċi eventwalità, u dan fid-dawl tal-fatt li skont l-Artikolu 34(1) tar-Regolamenti tal-Persunal it-tul totali tal-perijodu ta’ prova fl-ebda każ ma jista’ jkun ta’ iktar minn ħmistax-il xahar.

(ara l-punt 39)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi Krcova vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, EU:F:2007:178, punt 77, u DH vs Il-Parlament, EU:F:2014:241, punt 76

5.      Fejn tidħol it-tkeċċija ta’ uffiċjal bi prova, il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża huwa implementat permezz tal-Artikolu 34 tar-Regolamenti tal-Persunal li jipprovdi li r-rapport imfassal dwar l-uffiċjal bi prova xahar qabel l-iskadenza tal-perijodu ta’ prova tiegħu dwar il-kapaċità tiegħu li jwettaq il-kompiti li jagħmlu parti mill-funzjonijiet tiegħu kif ukoll dwar l-effiċjenza tiegħu u l-kondotta tiegħu fis-servizz għandu jiġi kkomunikat lill-uffiċjal bi prova kkonċernat, li jista’ jressaq l-osservazzjonijiet tiegħu bil-miktub. Għall-kuntrarju, dan il-prinċipju ma jeħtieġx li l-amministrazzjoni tindirizza, matul il-perijodu ta’ prova, twissija lill-uffiċjal bi prova fis-sens li l-prestazzjonijiet professjonali tiegħu ma jkunux sodisfaċenti.

Għalhekk, anki meta l-amministrazzjoni ma tinformax lill-uffiċjal bi prova kkonċernat, matul il-perijodu ta’ prova, dwar l-allegati nuqqasijiet professjonali tiegħu, tali fatt ma jistax jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża peress li r-rapporti li fuqhom l-amministrazzjoni tkun ibbażat ruħha sabiex tasal għad-deċiżjoni ta’ tkeċċija mat-tmiem tal-perijodu ta’ prova jiġu debitament ikkomunikati lill-uffiċjal bi prova kkonċernat.

(ara l-punti 48 u 49)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: Sentenza Sapara vs Eurojust, F‑61/06, EU:F:2008:98, punti 149 u 150