Language of document :

Rikors imressaq fil-31 ta' Ottubru 2007 - Vinci vs Il-Bank Ċentrali Ewropew

(Kawża F-130/07)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Fiorella Vinci (Schöneck, il-Ġermanja) (rappreżentant: B. Karthaus, Rechtsanwalt)

Konvenut: Il-Bank Ċentrali Ewropew

Talbiet tar-rikorrenti

tikkonstata li l-inserzjoni ta' l-ittra tal-konvenut tal-5.03.2007 (07) 139 lil H KK7bk HEAL u ta' l-ittra tiegħu tal-5.03.2007 (07) 139b H KK/bk HEAL, kif ukoll ir-reġistrazzjoni tal-"Medical Certificate" tat-tabib Schön ta' l-24.04.2007 fil-fajl persunali tar-rikorrenti u l-inserzjoni tar-riżultati tal-viżta tad-Deutsche Klinik für Diagnostik dwar l-istat ta' saħħa tar-rikorrenti fit-2 ta' April 2007 fost l-atti mediċi, huma illeġittimi;

tikkonstata li d-deċiżjoni tal-konvenut 3.09.2007 (07) 772 PSR JMC/cc APPE, li permezz tagħha dan ta' l-aħħar jirrifjuta li jikkanċella d-data personali kkontenuta fid-dokumenti msemmija fin-numru 1, hija illeġittima;

tikkonstata li d-disponibbiltà manifestata mill-konvenut fil-5.03.2007 li jikkunsentilha tissottoponi ruħha għal viżta medika hija ġuridikament ineffettiva;

tikkundanna lill-konvenut iħallas lir-rikorrenti EUR 10.000,00;

tikkundanna lill-konvenut ibati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob, bl-ewwel punt tat-talba tagħha, li jiġi ddikjarat li l-inklużjoni tad-dokumenti hemm imsemmija fil-fajl personali jew fl-atti mediċi speċifikati hija illeġittima. It-tieni punt tat-talba tagħha huwa intiż sabiex jiġi kkonstatat li r-rifjut tal-konvenut li jikkanċella d-data personali illegalment miksuba huwa illeġittimu. Huwa dedott fuq il-bażi ta' dawn it-talbiet li lis-Staff Rule 5.13.4 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) tipprekludi l-kisba tad-data medika kif ukoll ir-reġistrazzjoni tagħha li, fl-ewwel lok, ma tawtorizzax l-ipproċessar tal-kategoriji ta' data personali msemmija fl-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2002, Nru. 45/2001, dwar il-protezzjoni ta' individwu fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta' dak id-data (iktar 'il quddiem: ir-"Regolament Nru 45/2001") u li, fit-tieni lok, m'għandhiex għan li jrendi dan l-ipproċessar neċessarju, in kuntrast ma' l-Artikolu 10(2)(b) tar-Regolament Nru 45/2001.

Bit-tielet punt tat-talba tagħha, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2007, li permezz tagħha ġie deċiż li hija kellha tissottoponi ruħha għal viżta medika. Ir-rikorrenti tiddeduċi l-allegata nullità mill-eċċezzjoni ta' abbuż tal-poter diskrezzjonali kif ukoll minn nuqqas ta' osservanza ta' forom sostanzjali, li jidderivaw mill-Istaff Rule 5.13.4. Din ta' l-aħħar tistabbilixxi li biss il- "Medical Adviser" stabbilit mill-BĊE huwa awtorizzat jieħu provvedimenti mediċi ulterjuri, bħal per eżempju, viżti mediċi, u mhux, għal kuntrarju, is-superjuri immedjati tar-rikorrenti.

Ir-rikorrenti titlob, ukoll, il-kumpens tad-dannu morali li jirriżultalha mill-fatt li kellha tissottoponi ruħha għal viżta medika kompleta, anki jekk ma kinx hemm il-bażi legali suffiċjenti.

____________