Language of document : ECLI:EU:F:2014:218

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

18 ta’ Settembru 2014

Kawża F‑26/12

Maria Concetta Cerafogli

vs

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)

“Servizz pubbliku – Persunal tal-BĊE – Aċċess tal-persunal tal-BĊE għad-dokumenti li jirrelataw mar-relazzjoni ta’ impjieg – Regoli applikabbli għat-talbiet tal-persunal tal-BĊE – Proċedura prekontenzjuża – Regola ta’ konsistenza – Eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma għall-ewwel darba fir-rikors – Ammissibbiltà – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Konsultazzjoni tal-Kumitat tal-Persunal għall-adozzjoni ta’ regoli applikabbli għat-talbiet tal-persunal tal-BĊE għal aċċess għad-dokumenti li jirrelataw mar-relazzjoni ta’ impjieg”

Suġġett :      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 36.2 tal-Protokoll dwar l-Istatuti tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, anness għat-Trattat UE u t-Trattat FUE, skont liema M. Cerafogli titlob, essenzjalment, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) li rrifjutatilha l-aċċess għal ċerti dokumenti u l-kumpens għad-danni morali li hija ssostni li sofriet bħala riżultat ta’ din id-deċiżjoni.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tal-21 ta’ Ġunju 2011 li biha d-Deputat Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali “Riżorsi umani, Baġit u Organizzazzjoni” tal-Bank Ċentrali Ewropew ċaħad parzjalment it-talba għal aċċess għal ċerti dokumenti ppreżentata fl-10 ta’ Mejju 2011 minn M. Cerafogli hija annullata. Il-Bank Ċentrali Ewropew huwa kkundannat li jħallas lil M. Cerafogli s-somma ta’ EUR 1 000. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti minn M. Cerafogli.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew – Appell speċjali – Konkordanza bejn l-appell speċjali u r-rikors – Identiċità tas-suġġett u tal-kawża – Eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma għall-ewwel darba fil-kuntest tar-rikorss – Ammissibbiltà

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47; Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91; Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-Persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 41; Regoli applikabbli għall-membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikolu 8.1)

2.      Uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew – Rappreżentanza – Kumitat tal-Persunal – Konsultazzjoni obbligatorja – Portata – Regoli applikabbli għat-talbiet tal-persunal għal aċċess għad-dokumenti relatati mal-relazzjoni ta’ impjiegi – Inklużjoni

(Kundizzjonijiet tal-Impjieg tal-Persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew, Artikoli 48 u 49)

1.      L-Artikolu 41 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg tal-Persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew u l-Artikolu 8.1 tar-Regoli applikabbli għall-persunal tal-Bank jipprevedu li membru tal-persunal ta’ dan tal-aħħar jista’ jippreżenta rikors ġudizzjarju biss wara li jeżawrixxi l-proċedura prekontenzjuża, li tinkludi żewġ stadji, jiġifieri talba għal eżami prekontenzjuż u insegwitu ilment minn qabel.

Bħalma ġie deċiż rigward l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, hemm lok li jitqies li regola ta’ konkordanza bejn l-ilment u r-rikors li jsegwih tirrikjedi, taħt piena ta’ inammissibbiltà, li motiv imqajjem quddiem il-qorti tal-Unjoni kien tqajjem diġà fil-proċedura prekontenzjuża, b’tali mod li l-amministrazzjoni setgħet tkun taf il-kritika li l-persuna kkonċernata fformulat kontra d-deċiżjoni kkontestata.

Madankollu, l-kunsiderazzjonijiet li jittrattaw, rispettivament, l-għan tal-proċedura prekontenzjuża, in-natura tal-eċċezzjoni ta’ illegalità u l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jipprekludu li eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma għall-ewwel darba f’rikors tiġi ddikjarata inammissibbli biss minħabba li ma kinitx tqajmet fl-ilment li ppreċeda l-imsemmi rikors.

(ara l-punti 30, 31, 39 u 54)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: sentenza Il-Kummissjoni vs Moschonaki, T‑476/11 P, EU:T:2013:557, punt 71

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza Cerafogli vs BĊE, F‑43/10, EU:F:2012:184, punt 61, suġġetta għal appell quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑114/13 P

2.      L-Artikolu 49 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg tal-Persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew jimponi obbligu li jiġi kkonsultat il-Kumitat tal-Persunal qabel l-adozzjoni ta’ kwalunkwe att li għandu portata ġenerali u li jirrigwarda kemm ir-regolamenti tax-xogħol stess kif ukoll kwistjonijiet relatati ma’ dawn ir-regolamenti u li huma relatati ma’ waħda mill-oqsma msemmija fl-Artikolu 48 tal-imsemmija Kondizzjonijiet tal-Impjieg.

Dan l-obbligu ta’ konsultazzjoni jfisser biss id-dritt sempliċi tal-Kumitat tal-Persunal li jinstema’. Dan huwa għaldaqstant forma ta’ parteċipazzjoni modesta fit-teħid ta’ deċiżjoni, sa fejn hija ma timplikax l-obbligu għall-amministrazzjoni li taċċetta l-osservazzjonijiet magħmula mill-Kumitat tal-Persunal fil-kuntest tal-konsultazzjoni ta’ dan tal-aħħar. Madankollu, sabiex ma tippreġudikax l-effettività tal-obbligu ta’ konsultazzjoni, l-amministrazzjoni għandha tosserva dan l-obbligu kull meta konsultazzjoni mal-Kumitat tal-Persunal hija tali li tista’ tinfluwenza l-kontenut tal-att li għandu jiġi adottat.

Barra minn hekk, l-ambitu ta’ dan l-obbligu li jikkonsulta lill-Kumitat tal-Persunal għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-għanijiet tiegħu. Minn naħa, din il-konsultazzjoni għandha l-għan li tipprovdi lill-membri kollha tal-persunal, permezz ta’ dan il-kumitat bħala rappreżentant tal-interessi komuni tagħhom, l-opportunità li jinstemgħu qabel l-adozzjoni jew l-emenda ta’ atti ta’ portata ġenerali li jaffettwahom. Min-naħa l-oħra, l-osservanza ta’ dan l-obbligu huwa fl-interessi tal-membri varji tal-persunal kif ukoll tal-amministrazzjoni, sa fejn jista’ jevita li kull membru tal-persunal għandu, permezz ta’ proċedura amministrattiva individwali, iqajjem l-eżistenza ta’ eventwali żbalji. Għal din ir-raġuni stess, tali konsultazzjoni, tista’ tipprevjeni l-introduzzjoni ta’ diversi talbiet individwali dwar l-istess ilment, li jservi wkoll il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

Ir-regoli applikabbli għat-talbiet tal-persunal tal-Bak li jkollhom aċċess għad-dokumenti interni relatati mal-relazzjoni ta’ impjieg li jaqgħu fil-kondizzjonijiet applikabbli għall-persunal fis-sens tal-Artikoli 48 u 49 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg u b’hekk jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmmija. Konsegwentement, il-Kumitat tal-Persunal irid tinstema’ qabel l-adozzjoni ta’ tali regoli.

(ara l-punti 60 sa 64)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza Cerafogli u Poloni vs BĊE, T‑63/02, EU:T:2003:308, punti 21, 22 u 24

It-Tribunal għas-ServizzPubbliku: sentenzi Cerafogli vs BĊE, EU:F:2012:184, punti 47 u 49; u Andres et vs BĊE, F‑15/10, EU:F:2013:194, punt 191