Language of document : ECLI:EU:T:2018:758

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

8 ta’ Novembru 2018 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ revoka – Trade mark verbali tal-Unjoni Ewropea SPINNING – Dikjarazzjoni parzjali ta’ revoka – Artikolu 51(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 [li sar l-Artikolu 58(1)(b) tar-Regolament (UE) 2017/1001]”

Fil-Kawża T‑718/16,

Mad Dogg Athletics, Inc., stabbilita f’Los Angeles, California (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn J. Steinberg, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn D. Walicka, bħala aġent,

konvenut,

l-intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, li kienet Aerospinning Master Franchising, Ltd., s.r.o., il-parti l-oħra fil-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, li hija

Aerospinning Master Franchising, s.r.o., stabbilita fi Praga (ir-Repubblika Ċeka), irrappreżentata minn K. Labalestra, avukat,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO, tal-21 ta’ Lulju 2016 (Każ R 2375/2014-5), dwar proċedimenti ta’ revoka bejn Aerospinning Master Franchising u Mad Dogg Athletics,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

komposta minn S. Gervasoni, President tal-Awla, K. Kowalik-Bańczyk u C. Mac Eochaidh (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: I. Dragan, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Ottubru 2016,

wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Marzu 2017,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-24 ta’ Marzu 2017,

wara s-seduta tal-15 ta’ Marzu 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fl-1 ta’ April 1996, ir-rikorrenti, Mad Dogg Athletics, Inc., ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark verbali SPINNING (iktar ’il quddiem it-“trade mark ikkontestata”) lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat [issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat, huwa stess issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)].

2        Fit-3 ta’ April 2000, it-trade mark ikkontestata ġiet irreġistrata fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu fil-klassijiet 9, 28 u 41 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u li jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        klassi 9: “Tapes tal-awdjo u tal-video”;

–        klassi 28: “Tagħmir għall-eżerċizzju”;

–        klassi 41: “Taħriġ fiżiku”.

3        Fit-8 ta’ Frar 2012, l-intervenjenti, Aerospinning Master Franchising Ltd s. r. o., ippreżentat applikazzjoni għal revoka parzjali tat-trade mark ikkontestata skont l-Artikolu 51(1)(b), tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 58(1)(b) tar-Regolament 2017/1001). Din l-applikazzjoni kienet tirrigwarda l-prodotti inklużi fil-klassi 28 u s-servizzi inklużi fil-klassi 41.

4        Fil-21 ta’ Lulju 2014, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ddikjarat ir-revoka tad-drittijiet tar-rikorrenti fl-intier tagħhom.

5        Fit-12 ta’ Settembru 2014, ir-rikorrenti ppreżentat rikors quddiem l-EUIPO kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni.

6        Permezz tad-deċiżjoni tal-21 ta’ Lulju 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Ħames Bord tal-Appell tal-EUIPO annulla parzjalment id-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, sa fejn din kienet tirrigwarda l-prodotti li jaqgħu fil-klassi 9, minkejja li dawn il-prodotti ma kinux is-suġġett tat-talba għal revoka parzjali mressqa mill-intervenjenti. Fuq il-bażi tal-Artikolu 51(1)(b), tar-Regolament Nru 207/2009, il-kumplament tar-rikors ġie miċħud. F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, il-Bord tal-Appell indika, fil-punti 23 sa 27 tad-deċiżjoni kkontestata, li r-raġunijiet għar-revoka kellhom jiġu evalwati fid-data tal-preżentata tat-talba għal revoka. It-tieni nett, fil-punti 28 sa 33 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa qies li l-allegata trasformazzjoni tat-trade mark ikkontestata f’isem komuni tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-perċezzjoni tal-utenti finali Ċeki. Għaldaqstant, huwa rrifjuta li jeżamina provi kuntrarji prodotti mir-rikorrenti u li jirrigwardaw l-attivitajiet intiżi sabiex tiddefendi t-trade mark tagħha fi Stati Membri oħra minbarra r-Repubblika Ċeka. It-tielet nett, fil-punti 34 sa 47 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-provi li kienu ġew prodotti matul il-proċedura kienu juru li l-kelma “spinning” kienet saret, fir-Repubblika Ċeka, l-isem komuni ta’ tip ta’ “taħriġ fiżiku” u ta’ “tagħmir għall-eżerċizzju” użat għal dan it-taħriġ. Ir-raba’ nett, fil-punti 48 sa 56 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa qies li t-trade mark ikkontestata kienet saret isem komuni minħabba attività insuffiċjenti tar-rikorrenti fil-protezzjoni tat-trade mark tagħha fir-Repubblika Ċeka. Il-ħames nett, fil-punti 57 sa 61 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa qies li diversi deċiżjonijiet tal-Úřad průmyslového vlastnictví (l-Uffiċċju tal-Proprjetà Industrijali, Repubblika Ċeka) u tal-qrati Ċeki kienu jikkonfermaw li r-rikorrenti ma kinitx attenta biżżejjed u ma kinitx għamlet sforzi raġonevoli sabiex tipproteġi t-trade mark tagħha fir-Repubblika Ċeka.

 It-talbiet tal-partijiet

7        Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn iddikjarat ir-revoka tat-trade mark ikkontestata għall-prodott “tagħmir għall-eżerċizzju”, inkluż fil-klassi 28, u għas-servizz “taħriġ fiżiku”, inkluż fil-klassi 41;

–        tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż.

8        L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

9        L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

10      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, tliet motivi bbażati fuq il-ksur, l-ewwel nett, tal-Artikolu 51(1)(b), tar-Regolament Nru 207/2009, it-tieni nett, tal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u, it-tielet nett, tal-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

11      L-ewwel motiv huwa bbażat, essenzjalment, fuq erba’ lmenti relatati, l-ewwel wieħed, ma’ żbalji ta’ liġi fir-rigward tad-data rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tar-raġuni ta’ revoka, it-tieni wieħed, mat-territorju rilevanti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tar-raġuni ta’ revoka, it-tielet wieħed, mal-pubbliku rilevanti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tar-raġuni ta’ revoka u, ir-raba’ wieħed, ma’ evalwazzjoni żbaljata tal-provi.

 Fuq l-ewwel ilment tal-ewwel motiv, dwar żball ta’ liġi fir-rigward tad-data rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tar-raġuni ta’ revoka

12      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 51(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 peress li kkunsidra li l-mument rilevanti għall-evalwazzjoni tar-raġuni ta’ revoka kien il-ġurnata li fiha l-intervenjenti ressqet t-talba tagħha għal revoka tat-trade mark ikkontestata. Skont ir-rikorrenti, il-mument rilevanti sabiex jiġi evalwat jekk it-trade mark ikkontestata ġietx ittrasformata f’isem komuni ma huwiex dak tal-preżentata tat-talba għal revoka, iżda dak tad-deċiżjoni, li saret res judicata, sussegwentement għal din it-talba. Skont ir-rikorrenti, ir-raġuni ta’ revoka trid tkun għadha teżisti fil-mument meta d-deċiżjoni li tiddikjara r-revoka hija adottata.

13      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw dan l-argument.

14      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 62(1) tar-Regolament 2017/1001) jipprovdi:

“It-trademark tal-UE għandha titqies li ma kellhiex, sa mid-data tal-applikazzjoni għal revoka jew tal-kontrotalba, l-effetti speċifikati minn dan ir-Regolament, sa fejn id-drittijiet tal-proprjetarju jkunu ġew revokati. Tista’ tiġi iffissata data preċedenti meta waħda mir-raġunijiet għar-revoka tkun seħħet, fid-deċiżjoni fuq talba ta’ waħda mill-partijiet.”

15      Kif qies, ġustament, il-Bord tal-Appell fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata, meta tiġi ddikjarata r-revoka ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea, tali revoka hija effettiva mit-talba għal revoka jew, fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, minn data preċedenti li fiha seħħet waħda mir-raġunijiet ta’ din ir-revoka.

16      Għall-kuntrarju, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea ma pprevediex li r-revoka jista’ jkollha effett minn data sussegwenti għal dik tat-talba għal revoka.

17      Mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 207/2009 jirriżulta għalhekk li deċiżjoni ta’ revoka għandha tkun ibbażata fuq waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 207/2009 eżistenti sa mhux iktar tard mid-data tal-preżentata tat-talba għal revoka. Konsegwentement, u kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, jista’ jiġi dedott minn din id-dispożizzjoni li l-eżistenza tar-raġuni ta’ revoka għandha tiġi eżaminata skont il-kuntest fattwali u legali eżistenti sa mhux iktar tard minn l-imsemmija data.

18      Fit-tieni lok, diġà ġie deċiż, fir-rigward tal-Artikolu 12(1) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 1989, L 40, p. 1), u fir-rigward tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 58(1)(a) tar-Regolament 2017/1001), li l-kliem tagħhom huwa identiku, li, fir-rigward tar-revoka ta’ trade mark minħabba nuqqas ta’ użu ġenwin, huma biss iċ-ċirkustanzi li huma preċedenti għall-preżentata tat-talba għal revoka li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, bla ħsara madankollu għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi eventwali sussegwenti għal din il-preżentata li jistgħu jippermettu li jiġi kkonfermat jew li tiġi evalwata aħjar il-portata tal-użu tat-trade mark matul il-perijodu rilevanti kif ukoll l-intenzjonijiet reali tal-proprjetarju tul l-istess perijodu (digriet tas-27 ta’ Jannar 2004, La Mer Technology, C-259/02, EU:C:2004:50, punti 29 sa 33, u s-sentenza tat-2 ta’ Frar 2016, Benelli Q. J. vs UASI – Demharter (MOTOBI B PESARO), T-171/13, EU:T:2016:54, punt 87).

19      L-ewwel nett u kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, din il-ġurisprudenza li għandha bħala kuntest ir-revoka tad-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark minħabba nuqqas ta’ użu ġenwin tagħha tista’ tiġi applikata, mutatis mutandis, fil-kuntest tal-eżami ta’ talba għal revoka ta’ trade mark minħabba li hija tkun saret l-isem komuni ta’ prodott jew ta’ servizz fil-kummerċ. Din is-soluzzjoni hija neċessarja peress li r-regola stabbilita fl-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 207/2009 tapplika mingħajr distinzjoni bejn ir-raġunijiet ta’ revoka msemmija fl-Artikolu 51(1) tal-istess regolament.

20      It-tieni nett, mill-proċess jirriżulta li, kuntrarjament għar-rekwiżiti tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 18 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma għandhiex l-għan, permezz tal-produzzjoni ta’ elementi wara t-talba għal revoka, li tikkonferma jew tevalwa aħjar iċ-ċirkustanzi prevalenti f’din id-data jew qabel. Għall-kuntrarju, hija għandha l-intenzjoni li tirriżerva l-possibbiltà li turi li r-raġuni ta’ revoka ta’ drittijiet tista’ ma tibqax teżisti wara l-preżentata tat-talba għal revoka. Skont l-argumentazzjoni tar-rikorrenti tammonta, għalhekk, għal ksur tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 207/2009, peress li din id-dispożizzjoni ma pprevedietx dan il-każ.

21      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-isforzi mwettqa mill-proprjetarju ta’ trade mark wara l-preżentata tat-talba għal revoka, sa fejn dawn l-isforzi jkunu wasslu għal bidla fil-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti. F’dan il-każ, is-sinjal ikkontestat ikun ġie għalhekk ikkunsidrat, mill-pubbliku rilevanti, bħala isem komuni fil-mument tal-preżentata tat-talba għal revoka, iżda jkun sussegwentement tilef dan l-istatus ġeneriku sabiex jerġa’ jiġi evalwat bħala trade mark mill-imsemmi pubbliku fil-mument meta tiġi adottata d-deċiżjoni dwar ir-revoka.

22      Anki jekk tiġi aċċettata l-possibbiltà ta’ tali bidla fil-perċezzjoni, din ma tippermettix deroga mir-regola stabbilita fl-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 207/2009 li teżiġi li l-eżistenza tar-raġuni ta’ revoka tiġi eżaminata skont il-kuntest fattwali u legali eżistenti sa mhux iktar tard mill-ġurnata tal-preżentata tat-talba għal revoka. Fi kwalunkwe każ, anki li kieku din il-bidla fil-perċezzjoni kienet stabbilita, ikun dejjem possibbli li r-rikorrenti titlob, mill-ġdid, lill-EUIPO li tirreġistra t-trade mark tagħha.

23      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tiddikjara, fil-punt 8 tar-rikors, li hija għandha d-dritt, fl-istadji kollha tal-proċedura qabel il-mument meta d-deċiżjoni tal-EUIPO tikseb l-awtorità ta’ res judicata, tipproduċi provi dwar l-isforzi u l-attivitajiet imwettqa wara t-talba għal revoka sabiex tinforma lill-pubbliku dwar in-natura tat-trade mark tas-sinjal verbali SPINNING jew sabiex tipproteġi din it-trade mark.

24      Għaldaqstant, dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

25      L-ewwel nett, dan l-argument jikkontradixxi d-dikjarazzjoni, espressa fil-punt 7 tar-rikors u li tagħmel riferiment b’mod impliċitu għall-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 95(2) tar-Regolament 2017/1001), li l-partijiet jistgħu jipproduċu provi biss fit-termini stabbiliti mill-EUIPO għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet.

26      It-tieni nett, l-eventwali teħid inkunsiderazzjoni ta’ provi li ma ġewx prodotti fit-terminu stabbilit mill-EUIPO, iżda li ġew prodotti fi stadju sussegwenti, jista’ jiġi aċċettat biss, skont l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009, b’mod addizzjoniali għal provi li jkunu ġew prodotti fl-imsemmi terminu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2013, New Yorker SHK Jeans vs UASI, C‑621/11 P, EU:C:2013:484, punt 30, u tas-26 ta’ Settembru 2013, Centrotherm Systemtechnik vs UASI u centrotherm Clean Solutions, C-610/11 P, EU:C:2013:593, punti 113 u 114). Għalkemm din id-dispożizzjoni tippermetti li jittieħdu inkunsiderazzjoni provi tardivi iżda b’mod addizzjonali, hija ma tippermettix, għall-kuntrarju, li l-Bord tal-Appell jestendi s-setgħa diskrezzjonali tiegħu għal provi ġodda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, EUIPO vs Grau Ferrer, C-597/14 P, EU:C:2016:579, punti 25 sa 27).

27      L-applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza li tammetti, taħt ċerti kundizzjonijiet, provi prodotti tardivament ma tistax madankollu twassal għal ksur tal-ittra u tal-effett utli tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 207/2009. Provi tardivi, b’mod partikolari jekk huma jirrigwardaw fatti sussegwenti għad-data tat-talba għal revoka, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biss jekk, skont dak li huwa indikat fil-punti 18 sa 20 iktar ’il fuq, huma jikkonfermaw jew jippermettu li jiġu evalwati aħjar ċirkustanzi preċedenti għad-data tat-talba għal revoka jew prevalenti f’din id-data.

28      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tieni lment tal-ewwel motiv, dwar żball ta’ liġi fir-rigward tat-territorju rilevanti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tar-raġuni ta’ revoka

29      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 51(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 billi qies li t-territorju rilevanti għall-evalwazzjoni tar-raġuni ta’ revoka kien limitat għar-Repubblika Ċeka. Għar-rikorrenti, il-limitazzjoni ta’ dan l-eżami għal dan l-Istat Membru biss ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi ddikjarata r-revoka tat-trade mark ikkontestata meta hija għandha reputazzjoni fl-Unjoni kollha. Ir-revoka tat-trade mark ikkontestata tista’ tiġi prevista biss, skont ir-rikorrenti, jekk din it-trade mark kienet ipperċepita mill-pubbliku rilevanti bħala isem komuni fl-Unjoni kollha jew, għall-inqas, fil-parti l-kbira tagħha.

30      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw dan l-argument.

31      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-prinċipju tal-karattru unitarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea, espress fil-premessa 3 tar-Regolament Nru 207/2009 (li saret il-premessa 4 tar-Regolament Nru 2017/1001) u speċifikat fl-Artikolu 1(2) tal-imsemmi regolament (li sar l-Artikolu 1(2) tar-Regolament 2017/1001), it-trade marks tal-Unjoni Ewropea jgawdu minn protezzjoni uniformi u jipproduċu l-effetti tagħhom fit-territorju kollu tal-Unjoni. Skont din l-aħħar dispożizzjoni, it-trade mark tal-Unjoni Ewropea ma tistax, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor fir-Regolament Nru 207/2009, tiġi rrreġistrata, ittrasferita jew tkun is-suġġett ta’ ċessjoni, ta’ deċiżjoni li tirrevoka d-drittijiet tal-proprjetarju jew ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità, u lanqas ma jista’ jiġi projbit l-użu tagħha, sakemm mhux fir-rigward tal-Unjoni kollha.

32      Barra minn hekk, l-Artikolu 51(2) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 58(2) tar-Regolament Nru 2017/1001) jispeċifika li revoka parzjali tista’ tiġi ordnata għal parti tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati. Għalkemm din id-dispożizzjoni tipprevedi għalhekk il-possibbiltà ta’ aġġustament tar-revoka minn perspettiva materjali, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma pprevediex tali aġġustament fil-livell territorjali.

33      Mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 31 u 32 iktar ’il fuq jirriżulta li deċiżjoni ta’ revoka hija vinkolanti għat-territorju kollu tal-Unjoni.

34      Għalhekk, meta jintwera li trade mark tal-Unjoni Ewropea tilfet kull karattru distintiv f’parti limitata tat-territorju tal-Unjoni, fejn xieraq fi Stat Membru wieħed, din il-konstatazzjoni timplika neċessarjament li hija ma għadx jista’ jkollha l-effetti previsti mir-Regolament Nru 207/2009 fl-Unjoni kollha. Għaldaqstant u kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, huwa biżżejjed li t-trasformazzjoni ta’ tali trade mark f’isem komuni tiġi kkonstatata, anki fi Stat Membru wieħed, sabiex ir-revoka tad-drittijiet tal-proprjetarju tagħha tiġi ddikjarata għall-Unjoni kollha.

35      Din is-soluzzjoni hija, barra minn hekk, konformi mal-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 207/2009 u mal-prinċipju tal-karattru unitarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea li tikkonkretizzahom.

36      Jirriżulta, fil-fatt, minn qari flimkien tal-premessi 2, 4 u 6 tar-Regolament Nru 207/2009 (li saru l-premessi 3, 5 u 7 tar-Regolament 2017/1001) li dan ir-regolament huwa intiż sabiex ineħħi l-ostakolu tat-territorjalità tad-drittijiet li l-liġijiet tal-Istati Membru jagħtu lill-proprjetarji tat-trade marks billi jippermetti lill-impriżi jadattaw l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom għas-suq intern u li jeżerċitawhom mingħajr ostakoli. It-trade mark tal-Unjoni Ewropea tippermetti għalhekk lill-proprjetarju tagħha jidentifika l-prodotti jew is-servizzi tiegħu b’mod identiku fl-Unjoni kollha, irrispettivament mill-fruntieri. Għall-kuntrarju, l-impriżi li ma jridux protezzjoni għat-trade marks tagħhom fil-livell tal-Unjoni jistgħu jagħżlu li jużaw trade marks nazzjonali, mingħajr ma jkunu obbligati li jirreġistraw it-trade marks tagħhom bħala trade marks tal-Unjoni Ewropea. L-iskop tas-sistema tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea huwa għalhekk, kif jirriżulta mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 207/2009, li joffri kundizzjonijiet analogi fis-suq intern għal dawk li jeżistu fis-suq nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2012, Leno Merken, C-149/11, EU:C:2012:816, punti 40 u 42).

37      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li huwa meħtieġ, sabiex tiġi ddikjarata miżura ta’ revoka, li t-trade mark inkwistjoni tkun saret isem komuni minħabba l-attività jew l-inattività tal-proprjetarju tagħha fl-Unjoni kollha jew fil-parti l-kbira tagħha.

38      Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Kif isostnu, essenzjalment u ġustament, l-EUIPO u l-intervenjenti, il-protezzjoni fil-livell Ewropew ta’ trade mark timplika li l-proprjetarju tagħha ikun suffiċjentement attent sabiex jiddefendi d-drittijiet tiegħu u jsostnihom fl-Unjoni kollha. Il-proprjetarju ta’ trade mark għandu, għaldaqstant, ikun suġġett għar-revoka tad-drittijiet tiegħu jekk, minħabba l-inattività tiegħu, it-trade mark inkwistjoni tinbidel, anki f’parti limitata tat-territorju tal-Unjoni, fejn xieraq fi Stat Membru wieħed, f’isem komuni.

39      Din il-miżura ta’ revoka tippermetti għalhekk lil operaturi oħra jużaw liberament is-sinjal irreġistrat. Hija tfittex għalhekk għan ta’ interess ġenerali, li jeżiġi li s-sinjali jew indikazzjonijiet li saru konswetudinarji sabiex jiġu identifikati l-prodotti jew is-servizzi li għalihom trade mark ġiet irreġistrata jistgħu jkunu disponibbli jew użati liberament minn kulħadd. Għalhekk, l-Artikolu 51(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 huwa intiż li jiżgura l-karattru distintiv ta’ trade mark, konformement mal-funzjoni ta’ oriġini tagħha, u li jevita li termini ġeneriċi jkunu rriżervati b’mod indefinit għal impriża waħda minħabba r-reġistrazzjoni tagħhom bħala trade mark (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, fir-rigward tal-Artikolu 12(2)(a), tad-Direttiva 89/104, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Léger fil-kawża Björnekulla Fruktindustrier, C-371/02, EU:C:2003:615, punti 53 u 54).

40      Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni tar-revoka tad-drittijiet tal-proprjetarju tat-trade mark inkwistjoni għat-territorju sħiħ tal-Unjoni, minkejja li t-trasformazzjoni tagħha f’isem komuni tkun ġiet ikkonstatata biss f’parti limitata minn dan it-territorju, fejn xieraq fi Stat Membru wieħed, tippermetti li jiġu evitati deċiżjonijiet kontraddittorji tal-EUIPO u tal-qrati nazzjonali li jiddeċiedu bħala qrati tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea u, konsegwentement, anki hawnhekk, jiġi żgurat li l-karattru unitarju tat-trademarks tal-Unjoni Ewropea ma jiġix ippreġudikat (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2017, H. Raimund, C-425/16, EU:C:2017:776, punt 28).

41      Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex ikkontestati mill-argumenti l-oħra tar-rikorrenti.

42      L-ewwel nett, ir-rikorrenti tqis li l-Bord tal-Appell kien żbaljat meta għamel riferiment, fil-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata, għas-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009, PAGO International (C-301/07, EU:C:2009:611), sabiex isostni r-raġunament tiegħu.

43      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li din il-ġurisprudenza tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-protezzjoni usa’ mogħtija lit-trade marks li għandhom reputazzjoni u fama fl-Unjoni jew fl-Istat Membru li fih huma ġew irreġistrati. Issa, l-imsemmija dispożizzjonijiet għandhom għan differenti mir-rekwiziti stabbiliti mill-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 207/2009, li jista’ jkollhom bħala konsegwenza r-revoka tat-trade mark (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Diċembru 2012, Leno Merken, C-149/11, EU:C:2012:816, punt 53, u tat-3 ta’ Settembru 2015, Iron & Smith, C-125/14, EU:C:2015:539, punt 21).

44      Għalkemm ir-riferiment għas-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009, PAGO International (C-301/07, EU:C:2009:611), huwa ċertament żbaljat, dan ma jistax iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata minħabba n-natura anċillari tagħha għar-raġunament tal-Bord tal-Appell. Ma huwiex abbażi ta’ din il-ġurisprudenza, iżda abbażi tal-prinċipju tal-karattru unitarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea, li l-Bord tal-Appell iddeċieda, fil-punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata, li jillimita l-eżami tiegħu għat-territorju tar-Repubblika Ċeka biss.

45      It-tieni nett, ir-rikorrenti tikkunsidra li huwa b’mod żbaljat li l-Bord tal-Appell għamel analoġija bejn il-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ sinjal, li jipprojbixxu b’mod partikolari li sinjal ikun irreġistrat f’każ li raġuni assoluta għal rifjut tkun teżisti f’parti biss tal-Unjoni, u dawk tar-revoka tad-drittijiet tal-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea. Għar-rikorrenti, il-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 7 tar-Regolament 2017/1001) huma kunsiderevolment differenti minn dawk tal-Artikolu 51(1)(b) ta’ dan l-istess regolament.

46      Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Kif irrileva ġustament il-Bord tal-Appell fil-punt 31 tad-deċiżjoni kkontestata u kif fakkar l-EUIPO waqt is-seduta, il-karattru unitarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea jikkostitwixxi l-prinċipju legali bażiku li fuqu huwa bbażat ir-Regolament Nru 207/2009. Fil-fatt, dan il-prinċipju jimplika, b’mod partikolari, li trade mark tal-Unjoni Ewropea tkun, waqt ir-reġistrazzjoni tagħha, distintiva fl-Unjoni kollha, u għandha żżomm dan il-karattru distintiv billi ma ssirx, anki f’parti limitata tal-Unjoni, fejn xieraq fi Stat Membru wieħed, l-isem komuni fil-kummerċ tal-prodotti u tas-servizzi li għalihom hija ġiet irreġistrata.

47      Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 2017/1001) jirreferi għall-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 2017/1001), filwaqt li l-Artikolu 51(1)(b) ta’ dan l-istess regolament ma jinkludix tali riferiment, ma jistax jintlaqa’. Minn naħa, l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 207/2009 jirrigwarda l-każ tal-invalidità ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea u mhux, bħal f’dan il-każ, dak tar-revoka tad-drittijiet tal-proprjetarju tagħha. Min-naħa l-oħra, u hekk kif dan jirriżulta mill-punt 46 iktar ’il fuq, il-karattru unitarju tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea jikkostitwixxi l-prinċipju legali bażiku li fuqu huwa bbażat ir-Regolament Nru 207/2009 kollu. Għalhekk, huwa irrilevanti li ċerti dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament, bħall-Artikolu 7(2) u mhux oħrajn, jikkonkretizzaw b’mod espliċitu dan il-prinċipju.

48      It-tielet nett, matul is-seduta, ir-rikorrenti ddikjarat li jkun serju u inġust li tiġi ddikjarata r-revoka tal-proprjetarju ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea jekk din kienet saret, fi Stat Membru wieħed, l-isem komuni fil-kummerċ ta’ prodott jew ta’ servizz li għalih ġiet irreġistrata.

49      Fir-rigward ta’ dan il-punt, il-Qorti Ġenerali tirrileva li deċiżjoni ta’ revoka bbażata fuq tali raġuni, b’konsegwenzi daqstant estensivi għall-proprjetarju tat-trade mark inkwistjoni, hija inerenti għall-eżistenza tal-istat tad-dritt mixtieq mil-leġiżlatur tal-Unjoni, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 207/2009. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex, fid-dawl tal-prinċipji tal-bilanċ istituzzjonali u tal-għoti tas-setgħat, kif stabbiliti fl-Artikolu 13(2) TUE (ara, is-sentenza tat-28 ta’ Lulju 2016, Il-Kunsill vs Il-Kummissjoni, C-660/13, EU:C:2016:616, punti 31 u 32 u l-ġurisprudenza ċċitata), is-setgħa li taġġusta l-imsemmi regolament. Huwa biss intervent tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jista’ għaldaqstant jemenda dawn ir-regoli. Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma qajmet ebda eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 51(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009.

50      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, għandu jiġi kkunsidrat li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball ta’ liġi meta bbaża ruħu, sabiex jikkonstata r-revoka tat-trade mark ikkontestata, fuq provi limitati għar-Repubblika Ċeka u, għaldaqstant it-tieni lment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv, dwar żball ta’ liġi fir-rigward tal-pubbliku rilevanti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tar-raġuni ta’ revoka

51      Insostenn tat-tielet ilment tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 51(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 billi kkunsidra, essenzjalment, li l-pubbliku rilevanti għall-evalwazzjoni tar-raġuni ta’ revoka kien limitat għall-utenti finali u li l-perċezzjoni tal-professjonisti kkonċernati ma kellhiex għalhekk tittieħed inkunsiderazzjoni.

52      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti.

53      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kwistjoni dwar jekk trade mark saritx l-isem komuni fil-kummerċ ta’ prodott jew ta’ servizz li għalih ġiet irreġistrata, għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-perċezzjoni tal-konsumaturi jew tal-utenti finali, iżda wkoll, skont il-karatteristiċi tas-suq ikkonċernat, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-perċezzjoni tal-kummerċjanti, bħall-bejjiegħa. Madankollu, b’mod ġenerali, il-perċezzjoni tal-konsumaturi jew tal-utenti finali għandha rwol determinanti. Għalhekk, f’sitwazzjoni kkaratterizzata mit-telf tal-karattru distintiv tat-trade mark ikkonċernata mill-perspettiva tal-utenti finali, dan it-telf jista’ jwassal għar-revoka tad-drittijiet mogħtija lill-proprjetarju tat-trade mark inkwistjoni. Il-fatt li l-bejjiegħa huma konxji mill-eżistenza tal-imsemmija trade mark u mill-oriġini indikata minnha ma jistax, waħdu, jeskludi tali revoka (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 12(2)(a) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2008, L 299, p. 25), is-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2014, Backaldrin Österreich The Kornspitz Company, C-409/12, EU:C:2014:130, punti 28 u 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-pubbliku rilevanti, li l-perspettiva tiegħu għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk it-trade mark ikkontestata saritx, fil-kummerċ, l-isem komuni ta’ prodott jew ta’ servizz li għalih hija ġiet irreġistrata, għandu jiġi ddefinit fid-dawl tal-karatteristiċi tas-suq ta’ dan il-prodott jew ta’ dan is-servizz (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, Björnekulla Fruktindustrier, C-371/02, EU:C:2004:275, punt 26; konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Backaldrin Österreich The Kornspitz Company, C-409/12, EU:C:2013:563, punti 58 u 59).

55      F’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija biss il-perċezzjoni tal-utenti finali Ċeki tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni li għandha tiġi eżaminata. Skont il-Bord tal-Appell, ma ntweriex li s-swieq tat-“taħriġ fiżiku” u tat-“tagħmir għall-eżerċizzju” kellhom karatteristiċi li jirrikjedu li tittieħed inkunsiderazzjoni l-perċezzjoni tal-professjonisti attivi f’dawn is-swieq.

56      Fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-maġġoranza tar-roti domestiċi għall-eżerċizzju huma mibjugħa lil operaturi professjonali tas-swali tal-fitness, ta’ stabbilimenti sportivi u ta’ ċentri ta’ rijabilitazzjoni.

57      B’risposta għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ddikjarat li, kuntrarjament għall-operaturi professjonali tas-swali tal-fitness, ta’ stabbilimenti sportivi u ta’ ċentri ta’ rijabilitazzjoni, l-utenti finali rarament jixtru roti domestiċi għall-eżerċizzju minħabba l-prezz tax-xiri għoli tagħhom. Matul is-seduta, ir-rikorrenti ppreċiżat ukoll, mingħajr ma ġiet ikkontradetta mill-partijiet l-oħra, li f’95 % tal-każijiet ir-roti domestiċi għall-eżerċizzju tagħha kienu jinbiegħu lil klijenti professjonali.

58      Waqt is-seduta, il-partijiet kollha ammettew, b’risposta għal mistoqsija orali tal-Qorti Ġenerali, li l-attività sportiva inkwistjoni kienet titwettaq fuq roti domestiċi għall-eżerċizzju, fi grupp, ġeneralment fi swali tal-isport u tal-fitness, u taħt id-direzzjoni ta’ coach tal-isports. Il-Qorti Ġenerali tosserva, barra minn hekk, li din id-deskrizzjoni hija simili għal dik adottata mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni u li tfakkret mill-Bord tal-Appell fit-taqsima “Sommarju tal-fatti” tad-deċiżjoni kkontestata.

59      Huwa għaldaqstant b’mod żbaljat li l-Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-punt 32 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-klijenti professjonali ma kinux jagħmlu parti mill-pubbliku rilevanti fir-rigward ta’ “tagħmir għall-eżerċizzju”, sa fejn dawn huma, bħala regola ġenerali, l-operaturi professjonali ta’ swali tal-fitness, ta’ stabbilimenti sportivi u ta’ ċentri ta’ rijabilitazzjoni li jixtru dawn ir-roti domestiċi għall-eżerċizzju.

60      Huwa ċertament minnu li, kif sostna l-EUIPO waqt is-seduta, il-kategorija tat-“tagħmir għall-eżerċizzju” ma hijiex limitata għal roti domestiċi għall-eżerċizzju u li l-prodotti l-oħra inkwistjoni jistgħu jiġu akkwistati minn individwi. Madankollu, mill-punt 57 iktar ’il fuq jirriżulta li, fid-dawl tal-prezz tax-xiri għoli tagħhom, ir-roti domestiċi għall-eżerċizzju, rarament jinxtraw mill-individwi. L-argument tal-EUIPO ma jippermettix għalhekk li jiġu esklużi l-klijenti professjonali mill-pubbliku rilevanti fir-rigward tat-“tagħmir għall-eżerċizzju”.

61      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, huwa b’mod żbaljat li l-Bord tal-Appell eskluda mill-analiżi tiegħu l-perċezzjoni tal-klijenti professjonali fir-rigward tat-“tagħmir għall-eżerċizzju” sabiex jiġi evalwat jekk it-trade mark ikkontestata kinitx saret l-isem komuni fil-kummerċ tat-“tagħmir għall-eżerċizzju” li għalih hija ġiet irreġistrata. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell wettaq żball ta’ evalwazzjoni fid-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti fir-rigward tas-suq tat-“tagħmir għall-eżerċizzju”, li jaqa’ fil-klassi 28, billi ma ħax inkunsiderazzjoni l-perċezzjoni tal-klijenti professjonali involuti f’dan is-suq.

62      Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-fatt li, kif sostniet l-intervenjenti matul is-seduta, id-deċiżjoni kkontestata tirreferi, fil-punti 41, 45 sa 47, 49, 53 u 62, għall-perċezzjoni tal-operaturi professjonali. Għandu jiġi għalhekk ikkonstatat li dawn id-dikjarazzjonijiet għandhom biss bħala għan l-attività sportiva inkwistjoni, u mhux it-“tagħmir għall-eżerċizzju”. Huwa biss il-punt 44 tad-deċiżjoni kkontestata li jirreferi espliċitament għall-perċezzjoni tat-trade mark ikkontestata ta’ operaturi professjonali fir-rigward tar-roti domestiċi għall-eżerċizzju u ta’ żraben, iżda dan ir-raġunament jikkonċerna biss il-bejjiegħa ta’ dawn l-oġġetti tal-isport.

63      Id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi, għall-kuntrarju, ebda element dwar il-perċezzjoni tat-trade mark ikkontestata tal-klijenti professjonali, b’mod partikolari dik tal-operaturi ta’ swali tal-fitness, ta’ stabbilimenti sportivi u ta’ ċentri ta’ rijabilitazzjoni bħala xerrejja ta’ dawn il-prodotti. Issa, kif jirriżulta mill-punti 58 u 59 iktar ’il fuq, huma l-imsemmija operaturi li, bħala regola ġenerali, jixtru r-roti domestiċi għall-eżerċizzju u li sussegwentement iqegħduhom għad-dispożizzjoni tal-klijenti tagħhom sabiex jippermettu lil dawn tal-aħħar jipprattikaw l-attività sportiva inkwistjoni.

64      Għalhekk għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li dawn l-operaturi għandhom rwol ċentrali fis-swieq tat-“tagħmir għall-eżerċizzju” u, min-naħa l-oħra, li huma jeżerċitaw influwenza determinanti fl-għażla, mill-utenti finali, tas-servizzi ta’ “taħriġ fiżiku”. Permezz tal-għarfien tagħhom tal-funzjoni ta’ indikazzjoni ta’ oriġini tat-trade mark ikkontestata, l-imsemmija operaturi jippermettu għalhekk it-twettiq tal-proċess ta’ komunikazzjoni bejn il-fornituri ta’ dawn is-servizzi u l-utenti finali (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Backaldrin Österreich The Kornspitz Company, C-409/12, EU:C:2013:563, punt 59).

65      Dan l-iżball ta’ evalwazzjoni fid-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti jivvizzja d-deċiżjoni kkontestata kollha u, għaldaqstant, jiġġustifika l-annullament tagħha.

66      Peress li r-rikorrenti madankollu limitat is-suġġett ta’ dan ir-rikors għall-prodotti “tagħmir għall-eżerċizzju”, li jaqgħu fil-klassi 28, u għas-servizzi “taħriġ fiżiku”, li jaqgħu fil-klassi 41, koperti mit-trade mark ikkontestata, l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jinżammu għall-prodotti “tapes tal-awdjo u tal-video”, li jaqgħu fil-klassi 9, koperti mit-trade mark ikkontestata.

67      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, u mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġi eżaminat ir-raba’ lment ta’ dan il-motiv kif ukoll it-tieni u t-tielet motivi tar-rikors, it-tielet ilment tal-ewwel motiv għandu jintlaqa’ u, għaldaqstant, għandha tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna l-prodotti li jaqgħu fil-klassi 28 u s-servizzi li jaqgħu fil-klassi 41, koperti mit-trade mark ikkontestata.

 Fuq l-ispejjeż

68      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

69      Peress li l-EUIPO u l-intervenjenti tilfu, minn naħa, l-EUIPO għandu jiġi kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu stess, dawk sostnuti mir-rikorrenti, b’mod konformi mat-talbiet ta’ din tal-aħħar, u, min-naħa l-oħra, għandu jiġi deċiż li l-intervenjenti tbati l-ispejjeż tagħha stess.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Ħames Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tal-21 ta’ Lulju 2016 (Każ R 2375/2014-5) hija annullata sa fejn din tikkonċerna l-prodotti li jaqgħu fil-klassi 28 u s-servizzi li jaqgħu fil-klassi 41, fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat.

2)      L-EUIPO għandu jbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tiegħu, dawk sostnuti minn Mad Dogg Athletics, Inc.

3)      Aerospinning Master Franchising, s. r. o. għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Gervasoni

Kowalik-Bańczyk

Mac Eochaidh

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-8 ta’ Novembru 2018.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.