Language of document : ECLI:EU:F:2009:84

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

7 ta’ Lulju 2009

Kawżi magħquda F-99/07 u F-45/08

Marjorie Danielle Bernard

vs

L-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol)

“Servizz pubbliku – Persunal tal-Europol – Evalwazzjoni – Rapport ta’ evalwazzjoni – Avvanz fl-iskala – Kompetenza tal-awtur tal-att – Ammissibbiltà – Irtirar ta’ deċiżjoni – Nuqqas ta’ kontestazzjoni”

Suġġett: Rikorsi ppreżentati skont l-Artikolu 40(3) tal-konvenzjoni stabbilita abbażi tal-Arikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li joħloq Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Konvenzjoni Europol) u skont l-Artikolu 93(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol, li permezz tagħhom M.D. Bernard titlob: fil-Kawża F-99/07, l-ewwel nett, l-annullament tar-rapporti ta’ evalwazzjoni tal-5 ta’ Frar 2007 u tal-25 ta’ Lulju 2007, kif ukoll taċ-ċaħda tal-kontestazzjoni tagħha tas-26 ta’ Ġunju 2007, it-tieni nett, il-kundanna tal-Europol sabiex, minn naħa, jagħtiha żieda fil-paga b’effett mill-1 ta’ Settembru 2006, liema somma għandha tkun miżjuda bl-interessi legali, u, min-naħa l-oħra, iħallasha s-somma ta’ EUR 7 500 bħala danni u interessi; fil-Kawża F-45/08, l-annullament tar-rapport ta’ evalwazzjoni tal-25 ta’ Lulju 2007 u tad-deċiżjoni impliċita tal-Europol li tiċħad il-kontestazzjoni tagħha tat-23 ta’ Ottubru 2007, kif ukoll il-kundanna tal-Europol għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 7 500 bħala danni u interessi.

Deċiżjoni: Ir-rapport ta’ evalwazzjoni tar-rikorrenti tal-25 ta’ Lulju 2007 huwa annullat. Europol huwa kkundannat iħallas lir-rikorrenti s-somma ta’ EUR 3 000 bħala danni u interessi. Il-kumplament tar-rikors fil-Kawża F‑99/07, Bernard vs Europol, huwa miċħud. Ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni fuq ir-rikors fil-Kawża F‑45/08, Bernard vs Europol. L-Europol huwa kkundannat għall-ispejjeż kollha fil-Kawża F-45/08, Bernard vs Europol, u għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll 4/5 tal-ispejjeż tar-rikorrenti fil-Kawża F-99/07, Bernard vs Europol. Ir-rikorrenti għandha tbati 1/5 mill-ispejjeż tagħha fil-Kawża F-99/07, Bernard vs Europol.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Persunal tal-Europol – Avvanz fl-iskala ta’ kull sentejn

(Regolamenti tal-Persunal tal-Europol, Artikoli 28 u 29)

2.      Uffiċjali – Rikorsi – Ġurisdizzjoni sħiħa – Tilwima ta’ natura pekunjarja fis-sens tal-Artikolu 93 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol

(Regolamenti tal-Persunal tal-Europol, Artikolu 93)

3.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Direttiva interna tal-Europol dwar l-evalwazzjoni tal-persunal – Effetti legali

(Regolamenti tal-Persunal tal-Europol, Artikoli 28 u 29)

4.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Direttiva interna tal-Europol dwar l-evalwazzjoni tal-Persunal – Ksur

(Regolamenti tal-Persunal tal-Europol, Artikoli 28 u 29)

5.      Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport ta’ evalwazzjoni – Obbligu li jiġu ffissati għanijiet – Portata

6.      Uffiċjali – Rikorsi – Rikors għad-danni – Annullament tal-att ikkontestat li ma jiżgurax il-kumpens adegwat tad-dannu morali

(Regolamenti tal-Persunal tal-Europol, Artikolu 93)

1.      Rapport ta’ evalwazzjoni, li ma jkunx joriġina mid-direttur tal-Europol, kompetenti għall-għoti ta’ avvanz fl-iskala, iżda minn evalwatur, kompetenti fil-qasam tal-evalwazzjoni, bl-ebda mod ma jista’ jitqies, anki impliċitament, bħala deċiżjoni inizjali ta’ rifjut ta’ avvanz fl-iskala, peress li dawn iż-żewġ tipi ta’ deċiżjonijiet għandhom għan li huwa tabilħaqq distint u jaqgħu taħt żewġ awtoritajiet kompetenti differenti.

(ara l-punt 54)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 11 ta’ Settembru 2008, Spee vs Europol, F‑121/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punt 40

2.      Fit-tilwimiet ta’ natura pekunjarja, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu ġurisdizzjoni sħiħa, abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 93 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol, li tippermettilu jikkundanna lill-istituzzjoni konvenuta għall-ħlas ta’ ammonti determinati u miżjuda, jekk ikun il-każ, b’interessi moratorji.

Talba intiża għall-ħlas ta’ żieda fil-paga, flimkien ma interessi moratorji, ma tikkostitwixxix talba għal ħruġ ta’ ordni, iżda talba ta’ natura pekunjarja.

(ara l-punti 57 u 58)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 23 ta’ Marzu 2000, Rudolph vs Il‑Kummissjoni, T‑197/98, ĠabraSP p. I‑A‑55 u II‑241, punti 33 u 92

3.      Deċiżjoni ta’ istituzzjoni Komunitarja kkomunikata lill-persunal kollu tagħha u li hija intiża sabiex tiggarantixxi trattament identiku f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni, tikkostitwixxi direttiva interna u għandha, bħala tali, tiġi kkunsidrata bħala regola ta’ kondotta indikattiva li l-amministrazzjoni timponi fuqha nnifisha u li hija ma tistax tinjora mingħajr ma tispeċifika r-raġunijiet li wassluha sabiex tagħmel hekk, taħt piena li tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

Linji gwida li jimponu regoli dwar it-tfassil tar-rapport ta’ evalwazzjoni fi ħdan l-Europol jikkostitwixxu tali direttiva interna. Barra minn hekk, meta direttiva interna tipprovdi li r-rapport ta’ evalwazzjoni għandu jitfassal u jiġi ffirmat mis-superjur ġerarkiku dirett tal-aġent, it-tfassil u l-iffirmar tar-rapport mill-validatur, iktar u iktar meta dan ma jkunx abilitat jagħmel dan, jikkostitwixxu ksur tal-imsemmija direttiva.

Għalkemm deċiżjoni adottata minn awtorita li ma għandhiex kompetenza, minħabba nuqqas ta’ osservanza tar-regoli ta’ tqassim tas-setgħat, tista’ tiġi annullata biss jekk in-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmija regoli jippreġudika waħda mill-garanziji li r-Regolamenti tal-Persunal jagħtu lill-uffiċjali jew tippreġudika r-regoli ta’ amministrazzjoni tajba fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-persunal, madankollu l-iskop tal-linji gwida dwar il-proċess għall-iżvilupp tal-karriera u l-evalwazzjoni tal-persunal huwa li jippermetti li l-amministrazzjoni tirċievi informazzjoni perjodika li tkun kemm jista’ jkun kompleta u preċiża dwar il-kundizzjoni ta’ kif l-aġenti evalwati jwettqu xogħolhom u li jiggarantixxi li l-evalwazzjoni tkun imfassla mill-persuni li l-aħjar jafu x-xogħol tal-aġenti u li jinsabu, għalhekk, fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiffissaw l-għanijiet tagħhom. Għalhekk dawn id-dispożizzjonijiet għandhom tabilħaqq l-għan li jikkontribwixxu għal amministrazzjoni tajba fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-persunal u n-nuqqas ta’ osservanza tagħhom jista’, bħala prinċipju, jwassal għall-annullament ta’ rapport ta’ evalwazzjoni mfassal u ffirmat mill-validatur.

(ara l-punti 79, 80, 83 sa 85, 87 u 88)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 10 ta’ Settembru 2003, McAuley vs Il‑Kunsill, T‑165/01, ĠabraSP p. I‑A‑193 u II‑963, punt 44 ; 13 ta’ Lulju 2006, Vounakis vs Il‑Kummissjoni, T‑165/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑155 u II‑A‑2‑735, punti 45 sa 50;

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 ta’ Diċembru 2007, Diomede Basili vs Il‑Kummissjoni, F‑108/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punti 61 u 62

4.      F’ċerti każijiet, meta jkun hemm ġustifikazzjoni oġġettiva, l-amministrazzjoni tista’ ma tapplikax ir-regoli imposti minn direttiva interna. Madankollu, il-fatt li membru tal-persunal tal-Europol ikun tqiegħed taħt l-awtorità diretta ta’ tliet superjuri ġerarkiċi differenti matul il-proċedura ta’ evalwazzjoni u li l-evalwazzjonijiet ta’ dawn tal-aħħar ikunu kontrastanti ma hwiex ta’ natura tali li jiġġustifika l-fatt li r-rapport ta’ evalwazzjoni jitfassal mingħajr ma jiġi osservat il-punt 8 tal-linji gwida dwar il-proċess għall-iżvilupp tal-karrieri u l-evalwazzjoni tal-persunal, filwaqt li d-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-punt 8 huma speċifikatament intiżi sabiex jirregolaw il-każijiet fejn aġent jaħdem taħt ir-responsabbiltà ta’ diversi superjuri ġerarkiċi diretti matul l-istess perijodu ta’ evalwazzjoni.

Barra minn hekk, in-natura eteroġenja tal-evalwazzjonijiet tad-diversi superjuri ġerarkiċi ta’ membru tal-persunal lanqas ma tista’ tikkostitwixxi, bħala prinċipju, raġuni li tiġġustifika n-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli imposti mil-linji gwida li jipprovdu li jkun l-aħħar superjur ġerarkiku tal-membru tal-persunal li għandu jfassal ir-rapport ta’ evalwazzjoni, u fin-nuqqas ta’ dan l-imsemmija regola titlef kull sustanza.

Konsegwentement, fin-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva li tippermetti li ma jiġux osservati l-linji gwida, rapport ta’ evalwazzjoni adottat bi ksur tar-regola stabbilita fit-tieni paragrafu tal-punt 8 tal-imsemmija linji gwida, għandu jitqies li jkun ġie adottat minn awtorità li ma għandhiex kompetenza.

(ara l-punti 89 sa 91 u 93)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 21 ta’ Ottubru 1998, Vicente-Nuñez vs Il‑Kummissjoni, T‑100/96, ĠabraSP p. I‑A‑591 u II‑1779, punti 67 sa 76; McAuley vs Il‑Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45;

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 9 ta’ Lulju 2008, Kuchta vs BĊE, F‑89/07, ĠabraSP p. I‑A‑1‑0000 u II‑A‑1‑0000, punti 49 sa 59

5.      Mil-linji gwida dwar il-proċess għall-iżvilupp tal-karriera u l-evalwazzjoni tal-persunal jirriżulta li l-Europol huwa obbligat li, wara kull perijodu ta’ evalwazzjoni, jiffissa l-għanijiet tal-impjegat li sussegwentement għandhom iservu bħala bażi għat-tfassil tar-rapport ta’ evalwazzjoni tal-perjodu segwenti. Rapport ta’ evalwazzjoni li jiġi stabbilit mingħajr ma jkun hemm l-iffissar minn qabel, fir-rigward tal-membru tal-persunal, ta’ tali għanijiet ikun ivvizzjat minn illegalità.

(ara l-punti 95, 96 u 100)

6.      Id-danni morali kkawżati lill-membru tal-persunal minn rapport ta’ evalwazzjoni vvizzjat minn irregolaritajiet ta’ ċerta gravità, f’dan il-każ l-adozzjoni tiegħu minn awtorità li ma jkollhiex kompetenza u mingħajr ma ġew iffissati, fir-rigward tal-membru tal-persunal, għanijiet, ma jiġux irrimedjati b’mod xieraq u suffiċjenti permezz tal-annullament ta’ dan l-att.

(ara l-punti 104 sa 106)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 30 ta’ Settembru 2004, Ferrer de Moncada vs Il‑Kummissjoni, T‑16/03, ĠabraSP p. I‑A‑261 u II‑1163, punt 68