Language of document : ECLI:EU:C:2017:93

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PAOLO MENGOZZI

ppreżentati fis-7 ta’ Frar 2017 (1)

Kawża C‑638/16 PPU

X,

X

vs

État belge

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil du contentieux des étrangers (kunsill għal ażil u proċeduri ta’ immigrazzjoni, il‑Belġju)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Artikolu 25(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 li jistabbilixxi kodiċi Komunitarju dwar il-viżi – Viża b’validità territorjali limitata – Implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Ħruġ ta’ din il-viża għal raġunijiet umanitarji jew biex jiġu onorati obbligi internazzjonali – Kunċett ta’ ‘obbligi internazzjonali’ – Konvenzjoni ta’ Genève dwar l-istatus tar-refuġjati – Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Obbligu għall-Istati Membri li joħorġu viża umanitarja fl-ipoteżi ta’ riskju kkonfermat ta’ ksur tal-Artikoli 4 u/jew 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali”







 Introduzzjoni

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari, li tressqet mill-Conseil du contentieux des étrangers (kunsill għal ażil u proċeduri ta’ immigrazzjoni, il-Belġju), tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 25(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (iktar ’il quddiem il-“kodiċi dwar il-viżi”) (2) kif ukoll tal-Artikoli 4 u 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2.        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn żewġ ċittadini Sirjani u t-tliet itfal tagħhom ta’ età żgħira, li jirrisjedu f’Aleppo (is-Sirja), u l-Istat Belġjan dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li joħorġilhom viża b’validità territorjali limitata, fis-sens tal-Artikolu 25(1)(a) tal-kodiċi dwar il-viżi, mitluba għal raġunijiet umanitarji.

3.        Kif sejjer nuri f’dawn il-konklużjonijiet, minkejja l-oġġezzjonijiet imressqa mill-gvernijiet li pparteċipaw fis-seduta tat-30 ta’ Jannar 2017 kif ukoll dawk tal-Kummissjoni Ewropea, din il-kawża, minn naħa, toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tippreċiża li Stat Membru jimplementa d-dritt tal-Unjoni meta jadotta deċiżjoni fir-rigward ta’ applikazzjoni għal viża b’validità territorjali limitata, u li, għaldaqstant, jobbligah jiżgura r-rispett tad-drittijiet iggarantiti mill-Karta. Min-naħa l-oħra, din il-kawża għandha, skont l-analiżi tiegħi, twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara li r-rispett ta’ dawn id-drittijiet, b’mod partikolari dak stabbilit fl-Artikolu 4 tal-Karta, jimplika l-eżistenza ta’ obbligu pożittiv fi ħdan l-Istati Membri, li għandu jwassalhom sabiex joħorġu viża b’validità territorjali limitata meta jeżistu motivi serji u kkonfermati sabiex jitwemmen li ċ-ċaħda tal-ħruġ ta’ dan id-dokument ser twassal għall-konsegwenza diretta li persuni li qegħdin ifittxu protezzjoni internazzjonali jiġu esposti għat-tortura jew għal trattamenti inumani jew degradanti pprojbiti minn dan l-artikolu.

4.        Fil-fehma tiegħi, huwa kruċjali li, fi ż-żmien meta l-fruntieri qegħdin jingħalqu u meta qegħdin jinbnew il-ħitan, l-Istati Membri ma jaħarbux mir-responsabbiltajiet tagħhom, kif jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni jew, ippermettuli nuża l-espressjoni, tad-dritt tal-Unjoni tagħhom u tagħna.

5.        B’aċċenti partikolarment allarmanti, waqt is-seduta, il-Gvern Ċek wissa lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-konsegwenzi “fatali” għall-Unjoni li jirriżultaw minn sentenza li twassal lill-Istati Membri li joħorġu viżi umanitarji skont l-Artikolu 25(1)(a) tal-kodiċi dwar il-viżi.

6.        Għalkemm l-Unjoni għaddejja minn mumenti diffiċli, ma naqsamx din il-biża’. Għall-kuntrarju, bħal fil-kawża prinċipali, huwa r-rifjut li jiġi rrikonoxxut rimedju legali ta’ aċċess għad-dritt għall-protezzjoni internazzjonali fit-territorju tal-Istati Membri – li sfortunatament ta’ spiss iwassal liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qegħdin ifittxu din il-protezzjoni sabiex, b’perikolu għal ħajjithom, jingħaqdu mal-fluss attwali ta’ immigranti illegali fil-fruntieri tal-Unjoni – li jidhirli li huwa partikolarment preokkupanti, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-valuri umanitarji u tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem li fuqhom huwa bbażat il-qafas Ewropew. Hemm bżonn jitfakkar li, kif jiddikjaraw rispettivament l-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat UE, l-Unjoni “hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem […] u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem” u għandha “[i]l-mira […] li tippromwovi […] il-valuri tagħha”, u dan anki fir-relazzjonijiet tagħha mal-kumplament tad-dinja?

7.        F’dan ir-rigward, huwa ta’ dispjaċir li jiġi kkonstatat li, minkejja t-tul u n-natura repetittiva tal-interventi tar-rappreżentanti tal-erbatax-il gvern li telgħu wara xulxin fuq il-pedana waqt is-seduta tat-30 ta’ Jannar 2017, l-ebda wieħed minnhom ma fakkar dawn il-valuri quddiem sitwazzjoni li fiha sabu ruħhom ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u li wasslet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiftaħ il-proċedura ta’ urġenza.

8.        Kif sejjer nuri fil-kumplament ta’ dawn il-konklużjonijiet, kuntrarjament għal dak li ssuġġerew ċertu numru ta’ gvernijiet waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ma hemmx bżonn li tiġi mistennija emenda ipotetika tal-kodiċi dwar il-viżi biex jiġi rrikonoxxut rimedju legali ta’ aċċess għad-dritt għall-protezzjoni internazzjonali, li jsegwi l-emendi ppreżentati mill-Parlament Ewropew għall-proposta li attwalment qed tiġi diskussa (3).

9.        Fil-fatt, dan ir-rimedju legali diġà jeżisti, jiġifieri dak tal-Artikolu 25(1)(a) tal-kodiċi dwar il-viżi, kif ammetta r-relatur tal-Kummissjoni tal-libertajiet ċivili, tal-ġustizzja u tal-affarijiet interni tal-Parlament (4). Għar-raġunijiet li sejrin jiġu esposti fl-analiżi tiegħi iktar ’il quddiem, nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata l-eżistenza ta’ tali rimedju legali li jikkonkretizza ruħu bl-obbligu ta’ ħruġ tal-viżi umanitarji, taħt l-Artikolu 25(1)(a) tal-kodiċi dwar il-viżi, taħt ċerti kundizzjonijiet.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

10.      L-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), intitolat “Obbligu ta’ rispett tad-drittijiet tal-bniedem”, jipprovdi li l-“[i]l-Partijiet Għolja Kontraenti għandhom jassiguraw lil kull min jaqa taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom id-drittijiet u l-libertajiet kif msemmija fis-Sezzjoni I ta’ din il-[k]onvenzjoni”.

11.      L-artikolu 3 tal-KEDB intitolat “Il-projbizzjoni tat-tortura”, jipprovdi li ħadd ma għandu jkun suġġett għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti.

12.      L-Artikolu 1A(2) tal-Konvenzjoni dwar l-istatus tar-refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951, kif emendata bil-Protokoll ta’ New York tal-31 ta’ Jannar 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”), jipprovdi b’mod partikolari li hija refuġjat kull persuna li, minħabba li raġonevolment tibża’ li ser tiġi persegwitata minħabba r-razza tagħha, ir-reliġjon tagħha, in-nazzjonalità tagħha, l-appartenenza tagħha għal ċertu grupp soċjali jew minħabba l-opinjonijiet politiċi tagħha, tinsab barra mill-pajjiż li tiegħu hija għandha n-nazzjonalità u li ma tistax, jew minħabba dik il-biża’, ma tridx titlob il-protezzjoni ta’ dan il-pajjiż.

13.      L-Artikolu 33(1) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, bit-titolu “Projbizzjoni ta’ tkeċċija u ta’ refoulment”, jipprovdi li ebda Stat kontraenti ma jista’ jkeċċi jew jissuġġetta għal refoulment bi kwalunkwe mod refuġjat lejn il-fruntieri tat-territorji fejn ikun hemm theddida għal ħajtu jew għal-libertà tiegħu minħabba r-razza tiegħu, ir-reliġjon tiegħu, in-nazzjonalità tiegħu, l-appartenenza tiegħu għal ċertu grupp soċjali jew minħabba l-opinjonijiet politiċi tiegħu.

 Id-dritt tal-Unjoni

 Il-Karta

14.      L-Artikolu 1 tal-Karta jindika li d-dinjità tal-bniedem hija invjolabbli u għandha tkun irrispettata u protetta.

15.      L-Artikolu 2(1) tal-Karta jipprovdi li kull persuna għandha d-dritt għall-ħajja.

16.      L-Artikolu 3(1) tal-Karta jipprovdi li kull persuna għandha d-dritt għar-rispett tal-integrità fiżika u mentali tagħha.

17.      L-Artikolu 4 tal-Karta jipprovdi li l-ebda persuna ma għandha tkun suġġetta għal tortura jew għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti.

18.      L-Artikolu 18 tal-Karta jipprovdi li d-dritt għall-ażil għandu jkun iggarantit b’osservanza tar-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Genève u konformement mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

19.      L-Artikolu 24(2) tal-Karta jindika li fl-azzjonijiet kollha relatati mat-tfal, kemm jekk jittieħdu minn awtoritajiet pubbliċi jew minn istituzzjonijiet privati, l-aħjar interess tat-tfal għandu jkun kunsiderazzjoni primarja.

20.      L-Artikolu 51(1) tal-Karta, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi li d-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji tal-Unjoni fl-osservanza tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplementaw id-dritt tal-Unjoni.

21.      L-Artikolu 52(3) tal-Karta, intitolat “L-ambitu u l-interpretazzjoni tad-drittijiet u ta’ prinċipji”, jipprovdi li, sa fejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu ma’ drittijiet iggarantiti mill-KEDB, it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti minn din il-konvenzjoni. Din id-dispożizzjoni ma tipprekludix li d-dritt tal-Unjoni jagħti protezzjoni iktar estensiva.

 Id-dritt sekondarju

22.      Il-premessa 29 tal-kodiċi dwar il-viżi tiddikjara li dan il-kodiċi jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rrikonoxxuti b’mod partikolari mill-KEDB u mill-Karta.

23.      L-Artikolu 1(1) tal-kodiċi dwar il-viżi jipprovdi li dan il-kodiċi jistabbilixxi l-proċeduri u l-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta’ viżi għal tranżitu mit-territorju tal-Istati Membri jew soġġorni previsti fihom, li ma jkunux ta’ iktar minn 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta’ 180 jum.

24.      L-Artikolu 19 ta’ dan il-kodiċi, intitolat “Ammissibbiltà”, jipprovdi, fil-paragrafu 4 tiegħu, li, b’deroga, applikazzjoni li ma tissodisfax ir-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà tista’ titqies ammissibbli għal raġunijiet umanitarji jew għal raġunijiet ta’ interess nazzjonali.

25.      L-Artikolu 23 tal-kodiċi dwar il-viżi, intitolat “Deċiżjoni dwar l-applikazzjoni”, jippreċiża, fil-paragrafu 4 tiegħu, li, sakemm l-applikazzjoni ma tkunx ġiet irtirata, għandha tittieħed deċiżjoni sabiex, b’mod partikolari, tinħareġ viża uniformi, skont l-Artikolu 24 tal-kodiċi, tinħareġ viża b’validità territorjali limitata, skont l-Artikolu 25 ta’ dan il-kodiċi jew li tiġi miċħuda viża, skont l-Artikolu 32 tal-istess kodiċi.

26.      L-Artikolu 25 tal-kodiċi dwar il-viżi, intitolat “Ħruġ ta’ viża b’validità territorjali limitata”, jipprovdi:

“1.      Viża b’validità territorjali limitata għandha tinħareġ eċċezzjonalment, fil-każijiet li ġejjin:

a)      meta l-Istat Membru kkonċernat iqis li huwa meħtieġ, għal raġunijiet umanitarji, għal raġunijiet ta’ interess nazzjonali jew minħabba obbligi internazzjonali,

i)      b’deroga mill-prinċipju li għandhom ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet ta’ dħul stabbiliti fl-Artikolu [6](1) (a), (c), (d) u (e), tal-Kodiċi dwar il-Fruntieri ta’ Schengen […]

ii)      biex tinħareġ viża […]

[…]

2.      Viża b’validità territorjali limitata għandha tkun valida għat-territorju tal-Istat Membru li joħroġha. Eċċezzjonalment hi tista’ tkun valida għat-territorju ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, suġġett għall-kunsens ta’ kull Stat Membru.

3.      Jekk l-applikant ikollu dokument tal-ivvjaġġar li ma jkunx rikonoxxut minn Stat Membru wieħed jew iżjed, iżda mhux minn kollha, għandha tinħareġ viża valida għat-territorju tal-Istati Membri li jirrikonoxxu d-dokument tal-ivvjaġġar. Jekk l-Istat Membru li joħroġha ma jirrikonoxxix id-dokument tal-ivvjaġġar tal-applikant, il-viża maħruġa għandha tkun valida biss għal dak l-Istat Membru.

4.      Meta tkun inħarġet viża b’validità territorjali limitata fil-każijiet deskritti fil-paragrafu 1(a), l-awtoritajiet ċentrali tal-Istat Membru li joħroġha għandu jiċċirkola l-informazzjoni rilevanti lill-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri l-oħrajn mingħajr dewmien, permezz tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 16(3) tar-[Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Lulju 2008, dwar is-Sistema ta’ l-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perijodu qasir (5)].

5.      Id-data mniżżla fl-Artikolu 10(1) tar-[Regolament Nru 767/2008] għandha tiddaħħal fil-VIS meta tkun ittieħdet deċiżjoni dwar il-ħruġ ta’ tali viża.”

27.      L-Artikolu 32 tal-kodiċi dwar il-viżi, intitolat “Ċaħda ta’ viża”, jipprovdi:

“1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 25(1), viża għandha tinċaħad:

[…]

b)      jekk ikun hemm dubji raġonevoli dwar l-awtentiċità tad-dokumenti ta’ sostenn ippreżentati mill-applikant jew dwar il-veraċità tal-kontenut tagħhom, dwar il-kredibbiltà tad-dikjarazzjonijiet magħmulin mill-applikant jew l-intenzjoni tiegħu li jitlaq mit-territorju tal-Istati Membri qabel l-iskadenza tal-viża li għaliha qiegħda ssir applikazzjoni.”

28.      Skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (riformulazzjoni)(6):

“1.      Din id-Direttiva għandha tapplika għall-applikazzjonijiet kollha għall-protezzjoni internazzjonali magħmula fit-territorju, inklużi dawk magħmula fil-fruntiera fl-ilmijiet territorjali jew fiż-żoni ta’ tranżitu, tal-Istati Membri, u għall-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali.

2.      Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal talbiet għall-asil diplomatiku jew territorjali preżentati lir-rappreżentanzi ta’ Stati Membri. […].”

29.      L-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Marzu 2016, dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (7) jipprovdi li, meta jiġi applikat dan ir-regolament, l-Istati Membri għandhom jaġixxu b’rispett sħiħ tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Unjoni, inklużi l-Karta, il-liġi internazzjonali rilevanti, inkluża l-Konvenzjoni ta’ Genève, l-obbligi marbuta mal-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ non-refoulement, u d-drittijiet fundamentali.

30.      L-Artikolu 6 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, intitolat “Kondizzjonijiet ta’ dħul għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi”, jipprovdi:

“1.      Fil-każ ta’ permanenza fit-territorju tal-Istati Membri ta’ mhux aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta’ 180 jum, li jinkludi li jitqies il-perijodu ta’ 180 jum li jippreċedi kull jum ta’ soġġorn, il-kondizzjonijiet tad-dħul għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom ikunu kif ġej:

a)      ikollhom dokument validu tal-ivvjaġġar […]

b)      huma fil-pussess ta’ viża valida, jekk rikjesta […], ħlief meta jkunu detenturi ta’ permess validu ta’ residenza jew viża valida għal soġġorn fit-tul;

c)      jiġġustifikaw l-għan u l-kondizzjonijiet tas-soġġorn li jkunu bi ħsiebhom jagħmlu u jkollhom mezzi biżżejjed ta’ sussistenza […];

d)      ma jkunux persuni li għalihom ikun inħareġ allert fis-[Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen];

e)      mhumiex meqjusa bħala theddida għall-politika pubblika, is-sigurtà interna, is-saħħa pubblika jew ir-relazzjonijiet internazzjonali ta’ xi Stat Membru partikolarment jekk l-ebda allert ma jkun inħareġ fid-databases nazzjonali tal-Istati Membri sabiex jiġi miċħud id-dħul għall-istess raġunijiet.”

 Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

31.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, koppja miżżewġa kif ukoll it-tlett itfal tagħhom minuri ta’ età żgħira, huma ta’ nazzjonalità Sirjana, jgħixu f’Aleppo u ddikjaraw li huma Nsara Ortodossi. Fit-12 ta’ Ottubru 2016, huma applikaw għal viżi fl-ambaxxata tal-Belġju f’Bejrut (il-Libanu), u rritornaw lejn is-Sirja fit-13 ta’ Ottubru 2016.

32.      F’dawn l-applikazzjonijiet intalab il-ħruġ urġenti ta’ viżi b’validità territorjali limitata, b’applikazzjoni tal-Artikolu 25(1) tal-kodiċi dwar il-viżi. Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, dawn l-applikazzjonijiet għandhom l-għan li jippermettulhom iħallu l-belt taħt gwerra ta’ Aleppo sabiex jippreżentaw applikazzjoni għall-ażil fil-Belġju. Wieħed mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ddikjara, b’mod partikolari, li kien ġie maħtuf minn grupp terroristiku, li ġie msawwat u ttorturat, qabel ma kien ġie finalment meħlus wara ħlas ta’ riskatt. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jinsistu b’mod partikolari fuq is-sitwazzjoni tas-sigurtà li qed tiddeterjora fis-Sirja inġenerali u f’Aleppo b’mod partikolari, kif ukoll fuq il-fatt li, billi huma Nsara Ortodossi, qegħdin fil-perikolu li jiġu ppersegwitati minħabba t-twemmin reliġjuż tagħhom. Huma jżidu li huwa impossibbli għalihom li jirreġistraw ruħhom bħala refuġjati fil-pajjiżi ġirien, fid-dawl, b’mod partikolari, taċ-ċirkustanza li l-fruntiera bejn il-Libanu u s-Sirja fil-frattemp kienet ingħalqet.

33.      Dawn l-applikazzjonijiet kienu ġew miċħuda bid-deċiżjonijiet tal-Office des étrangers (uffiċċju għall-immigrazzjoni, il-Belġju) tat-18 ta’ Ottubru 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”), b’applikazzjoni tal-Artikolu 32(1)(b) tal-kodiċi dwar il-viżi. Fil-fatt, skont l-uffiċċju għall-immigrazzjoni, meta talbu viża b’validità territorjali limitata sabiex jippreżentaw applikazzjoni għall-ażil fil-Belġju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu manifestament urew l-intenzjoni li joqgħodu iktar minn 90 jum fil-Belġju. Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet ikkontestati tal-uffiċċju għall-immigrazzjoni jsostnu, minn naħa, li l-Artikolu 3 tal-KEDB ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lill-Istati firmatarji li jammettu fit-territorju tagħhom il-persuni kollha li jgħixu f’sitwazzjoni katastrofika u, min-naħa l-oħra, li, skont il-leġiżlazzjoni Belġjana, l-postijiet diplomatiċi Belġjani ma jiffurmawx parti mill-awtoritajiet li magħhom persuna barranija tista’ tippreżenta applikazzjoni għall-ażil. Issa, l-awtorizzazzjoni ta’ ħruġ ta’ viża ta’ dħul lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sabiex dawn ikunu jistgħu jippreżentaw l-applikazzjoni għall-ażil tagħhom fil-Belġju tkun tfisser l-awtorizzazzjoni tal-introduzzjoni tal-applikazzjoni tagħhom f’post diplomatiku.

34.      Meta ppreżentaw rikors quddiem il-qorti tar-rinviju għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet ta’ ċaħda ta’ viża skont il-proċedura nazzjonali ta’ urġenza estrema, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu, essenzjalment, li l-Artikolu 18 tal-Karta jipprevedi obbligu pożittiv għall-Istati Membri li jiggarantixxu d-dritt għall-ażil u li l-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali huwa l-uniku mezz sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB u tal-Artikolu 4 tal-Karta. F’dan ir-rigward, huma jikkritikaw l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tar-riskju invokat ta’ ksur tal-Artikolu 3 tal-KEDB fiċ-ċaħda tal-applikazzjonijiet għall-viża tagħhom. Issa, billi l-awtoritajiet Belġjani nfushom iqisu li s-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi sitwazzjoni umanitarja eċċezzjonali, fid-dawl tar-raġunijiet umanitarji u tal-obbligi internazzjonali imposti fuq ir-Renju tal-Belġju, “il-ħtieġa”, rikjesta mill-Artikolu 25 tal-kodiċi dwar il-viżi, għandha titqies li ġiet stabbilita. Għaldaqstant, id-dritt għall-ħruġ tal-viżi mitluba mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jinkiseb abbażi tad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jirreferu għas-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Koushkaki (C‑84/12, EU:C:2013:862).

35.      Għall-kuntrarju, l-Istat Belġjan, konvenut fil-kawża prinċipali, jikkunsidra li bl-ebda mod ma huwa obbligat, abbażi tal-Artikolu 3 tal-KEDB jew abbażi tal-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Genève, li jammetti persuna barranija fit-territorju tiegħu, billi l-uniku obbligu impost fuqu f’dan ir-rigward huwa obbligu ta’ non-refoulement.

36.      Il-qorti tar-rinviju tesponi l-ewwel nett li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, sabiex ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jkunu jistgħu jirreferu għall-Artikolu 3 tal-KEDB, huma għandhom ikunu jinsabu fil-ġurisdizzjoni Belġjana, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tal-KEDB. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ippreċiżat li l-kunċett ta’ “ġurisdizzjoni” huwa primarjament territorjali u, fil-prinċipju, eżerċitat fit-territorju kollu ta’ Stat. Madankollu, il-kwistjoni hija jekk l-implementazzjoni tal-politika tal-viżi u t-teħid ta’ deċiżjonijiet fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-viża jistgħux jitqiesu bħala l-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni effettiva. L-istess japplika dwar il-kwistjoni jekk id-dritt ta’ dħul jirriżultax, bħala korollarju tal-prinċipju ta’ non-refoulement u tal-obbligu li jittieħdu miżuri preventivi, b’mod partikolari mill-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

37.      Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tinnota li l-applikazzjoni tal-Artikolu 4 tal-Karta, li jikkorrispondi mal-Artikolu 3 tal-KEDB, ma tiddependix mill-eżerċizzju ta’ ġurisdizzjoni, iżda mill-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Billi l-applikazzjonijiet għall-viża inkwistjoni kienu ġew introdotti abbażi tal-Artikolu 25(1) tal-kodiċi dwar il-viżi, id-deċiżjonijiet ikkontestati kienu ttieħdu b’applikazzjoni ta’ regolament tal-Unjoni Ewropea u jimplementaw id-dritt tal-Unjoni. Madankollu, il-portata territorjali tad-dritt għall-ażil stabbilit fl-Artikolu 18 tal-Karta hija kkontestata, fid-dawl tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2013/32.

38.      Fl-aħħar nett, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 25(1) tal-kodiċi dwar il-viżi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar l-estensjoni tal-marġni ta’ diskrezzjoni mogħti lill-Istati Membri. Fil-fatt, fid-dawl tan-natura vinkolanti tal-obbligi internazzjonali, moqrija flimkien mal-Karta, jista’ jiġi eskluż kull marġni f’dan ir-rigward.

39.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-‘obbligi internazzjonali’, imsemmija fl-Artikolu 25(1)(a) tal-kodiċi dwar il-viżi, jirrigwardaw id-drittijiet kollha ggarantiti mill-Karta, fosthom, b’mod partikolari, dawk iggarantiti mill-Artikoli 4 u 18, u dawn ikopru wkoll l-obbligi li jorbtu lill-Istati Membri, fir-rigward tal-KEDB, u tal-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Genève?

2)      B’teħid inkunsiderazzjoni tar-risposta mogħtija [għall-ewwel domanda], l-Artikolu 25(1)(a) tal-Kodiċi dwar il-Viżi għandu jiġi interpretat fis-sens li, bla ħsara għall-marġni ta’ diskrezzjoni li huwa għandu fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-kawża, l-Istat Membru li quddiemu tiġi ppreżentata applikazzjoni għal viża b’validità territorjali limitata huwa obbligat joħroġ il-viża li għaliha saret applikazzjoni, meta jkun hemm riskju ta’ ksur tal-Artikolu 4 u/jew tal-Artikolu 18 tal-Karta, jew ta’ obbligu internazzjonali ieħor tiegħu? L-eżistenza ta’ rabtiet bejn l-applikant u l-Istat Membru li quddiemu tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għal viża (per eżempju, rabtiet familjari, familji ospitanti, garanti u sponsors, eċċ.) taffettwa r-risposta għal din id-domanda?”

40.      Wara t-talba tal-qorti tar-rinviju, u skont l-Artikolu 108(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Awla magħżula ddeċidiet li tissuġġetta r-rinviju għal deċiżjoni preliminari għall-proċedura ta’ urġenza. Barra minn hekk, b’applikazzjoni tal-Artikolu 113(2) tar-Regoli tal-Proċedura, l-awla magħżula talbet li tirrinvija l-kawża quddiem l-Awla Manja.

41.      Dawn id-domandi preliminari kienu s-suġġett ta’ osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Belġjan kif ukoll mill-Kummissjoni.

42.      Dawn il-partijiet ikkonċernati kif ukoll il-Gvern Ċek, il-Gvern Daniż, il-Gvern Ġermaniż, il-Gvern Estonjan, il-Gvern Franċiż, il-Gvern Ungeriż, il-Gvern Malti, il-Gvern Olandiż, il-Gvern Awstrijak, il-Gvern Pollakk, il-Gvern Sloven, il-Gvern Slovakk u l-Gvern Finlandiż instemgħu waqt is-sottomissjonijiet orali tagħhom fis-seduta tat-30 ta’ Jannar 2017.

 Analiżi

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

43.      Primarjament, il-Gvern Belġjan isostni li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari, għaliex is-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma taqax taħt id-dritt tal-Unjoni.

44.      Dan il-gvern josserva, fl-ewwel lok, li l-kodiċi dwar il-viżi jirregola biss il-viżi b’tul massimu ta’ tliet xhur fuq perijodu ta’ sitt xhur (iktar ’il quddiem “viżi għal soġġorn qasir”) (8) u li l-Artikolu 32(1)(b) tal-kodiċi jobbliga lill-Istati Membri li jiċħdu l-viża meta jeżistu dubji raġonevoli dwar l-intenzjoni tal-applikant li jħalli t-territorju tal-Istati Membri qabel ma tiskadi l-viża li għaliha saret l-applikazzjoni. Skont il-Gvern Belġjan, l-Artikolu 25(1) tal-kodiċi dwar il-viżi huwa sempliċement deroga għall-obbligu li tiġi miċħuda viża abbażi tal-Artikolu 32(1) ta’ dan il-kodiċi u jiffissa, b’mod limitat, il-motivi ta’ ċaħda li għalihom l-Istati Membri huma awtorizzati li jidderogaw. Dawn il-motivi ta’ ċaħda huma intiżi biss għall-każijiet fejn l-applikant għall-viża ma jissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ dħul iffissati bl-Artikolu 6(1)(a) (c) (d) u (e) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, li għalihom jirreferi l-Artikolu 25(1)(a)(i) tal-kodiċi dwar il-viżi, u jissemmew fl-Artikolu 32(1)(a)(i), (ii), (iii) u (vi) ta’ dan il-kodiċi. Isegwi, fil-fehma tal-Gvern Belġjan, li, għalkemm l-Artikolu 32 tal-kodiċi dwar il-viżi japplika, skont il-formulazzjoni tiegħu, “mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 25(1)” ta’ dan il-kodiċi, din l-esklużjoni ma tkoprix il-motiv ta’ ċaħda li jissemma fl-Artikolu 32(1)(b) ta’ dan il-kodiċi (9). Għaldaqstant viża b’validità territorjali limitata tista’ tinħareġ biss għal soġġorn li ma jkunx ta’ iktar minn tliet xhur. Filwaqt li jirreferi għas-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2012, Iida (C‑40/11, EU:C:2012:691) u tat-8 ta’ Mejju 2013, Ymeraga et (C‑87/12, EU:C:2013:291), il-Gvern Belġjan iqis li, peress li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-għoti ta’ viża għal soġġorn qasir abbażi tal-kodiċi dwar il-viżi, is-sitwazzjoni tagħhom ma hijiex irregolata mid-dritt tal-Unjoni.

45.      Fit-tieni lok, dan il-Gvern jargumenta li la d-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-ażil u lanqas id-dispożizzjonijiet tal-Karta ma jippermettu li s-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali tkun marbuta mad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, l-ewwel nett, is-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil hija unikament applikabbli, skont l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2013/32, għall-applikazzjonijiet ippreżentati fit-territorju tal-Istati Membri jew fuq il-fruntieri tagħhom, bl-esklużjoni ta’ applikazzjonijiet għal ażil diplomatiku jew territorjali ppreżentati mar-rappreżentanzi tal-Istati Membri. It-tieni nett, billi d-dritt tal-Unjoni ma kienx implementat f’dak li jikkonċerna s-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Karta ma tistax tkun applikabbli. Il-Gvern Belġjan jirrileva, fl-aħħar nett, li ebda att leġiżlattiv ma ġie adottat mill-Unjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ dħul u ta’ soġġorn ta’ iktar minn tliet xhur minn ċittadini ta’ pajjiż terz minħabba motivi umanitarji. Għaldaqstant, l-Istati Membri jżommu l-ġurisdizzjoni tagħhom f’dan il-qasam.

46.      Mingħajr ma teċċepixxi n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni tressaq argumenti analogi għal dawk esposti fil-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Fil-fehma tagħha, applikazzjoni għal viża għal dħul fit-territorju ta’ Stat Membru sabiex fih tintalab il-protezzjoni internazzjonali ma tistax tiftiehem bħala applikazzjoni għal viża għal soġġorn qasir. Tali applikazzjoni għandha tiġi ttrattata bħala applikazzjoni għal viża għal soġġorn twil, skont id-dritt nazzjonali.

47.      Il-parti l-kbira tal-gvernijiet li pparteċipaw fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja qablu mal-pożizzjoni tal-Gvern Belġjan u tal-Kummissjoni, billi jsostnu l-inapplikabbiltà tal-kodiċi dwar il-viżi fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali.

48.      Fil-fehma tiegħi, dawn l-oġġezzjonijiet għandhom jiġu miċħuda fl-intier tagħhom.

49.      Mill-proċess trażmess mill-qorti tar-rinviju jirriżulta – u dan ġie kkonfermat mill-Gvern Belġjan waqt is-seduta – li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu, skont il-kodiċi dwar il-viżi, il-ħruġ ta’ viża għal soġġorn qasir b’validità territorjali limitata, jiġifieri awtorizzazzjoni għal dħul fit-territorju Belġjan għal żmien totali li ma jaqbiżx 90 jum. Jirriżulta wkoll mid-dokumenti ta’ dan il-proċess li l-awtoritajiet kompetenti kienu kklassifikaw, eżaminaw u ttrattaw l-applikazzjonijiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, matul il-proċedura kollha, bħala applikazzjonijiet għall-viża skont il-kodiċi dwar il-viżi. Dawn l-applikazzjonijiet kellhom neċessarjament jitqiesu bħala ammissibbli taħt l-Artikolu 19 ta’ dan il-kodiċi(10), peress li d-deċiżjonijiet ta’ ċaħda tal-ħruġ tal-viżi mitluba kienu ttieħdu skont l-Artikolu 23(4)(c) ta’ dan il-kodiċi. Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet kontenzjużi kienu ġew ifformulati billi ntużat il-“formola ta’ deċiżjoni dwar viża għal soġġorn qasir” u ċ-ċaħda ta’ ħruġ tal-viżi kien ibbażata fuq wieħed mill-motivi indikati fl-Artikolu 32(1)(b) tal-kodiċi dwar il-viżi.

50.      L-intenzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li jitolbu l-istatus ta’ refuġjat ladarba jkunu daħlu fit-territorju Belġjan ma tistax tbiddel in-natura u lanqas is-suġġett tal-applikazzjonijiet tagħhom. B’mod partikolari, din ma tistax tittrasformahom f’applikazzjonijiet għal viża għal soġġorn twil u lanqas tqiegħed dawn l-applikazzjonijiet barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-kodiċi dwar il-viżi u tad-dritt tal-Unjoni, kuntrarjament għal dak li sostnew diversi Stati Membri waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

51.      Skont l-interpretazzjoni li ser tagħti l-Qorti tal-Ġustizzja lill-Artikolu 25 tal-kodiċi dwar il-viżi u lir-rabta tiegħu mal-Artikolu 32 ta’ dan il-kodiċi (11), tali intenzjoni tista’ l-iktar tikkostitwixxi motiv ta’ ċaħda tal-applikazzjonijiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, b’applikazzjoni tar-regoli ta’ dan il-kodiċi, iżda ċertament mhux motiv ta’ nuqqas ta’ applikazzjoni tiegħu.

52.      Issa, hija preċiżament il-legalità ta’ tali ċaħda li tifforma s-suġġett tal-kawża prinċipali u li hija fil-qalba tad-domandi preliminari li saru mill-qorti tar-rinviju, li huma intiżi sabiex tinkiseb kjarifika dwar il-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 25 tal-kodiċi dwar il-viżi f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali.

53.      Barra minn hekk, nosserva li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kellhom l-ebda bżonn li japplikaw għal viżi għal soġġorn twil. Fil-fatt, li kieku tħallew jidħlu fit-territorju Belġjan, u anki kieku, wara li ppreżentaw applikazzjonijiet għall-ażil, dawn ma kinux ġew ipproċessati qabel l-iskadenza tal-viżi għal soġġorn qasir tagħhom, id-dritt tagħhom li jibqgħu f’dan it-territorju lil hinn mid-90 jum kien irriżulta mill-istatus tagħhom bħala applikanti għall-ażil, skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2013/32. Konsegwentement, dan id-dritt kien irriżulta mill-istatus tagħhom bħala benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali.

54.      Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha manifestament ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Conseil du contentieux des étrangers (kunsill għal ażil u proċeduri ta’ immigrazzjoni).

55.      Is-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2012, Iida (C‑40/11, EU:C:2012:691) u tat-8 ta’ Mejju 2013, Ymeraga et (C‑87/12, EU:C:2013:291), iċċitati mill-Gvern Belġjan, ma jistgħux isostnu allegazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja mressqa minn dan il-Gvern.

56.      L-ewwel nett, f’dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddikjaratx ruħha mingħajr ġurisdizzjoni, iżda rrispondiet għad-domandi li sarulha.

57.      Sussegwentement, din il-kawża hija b’mod ċar differenti mill-kawżi li taw lok għal dawn is-sentenzi, li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li s-sitwazzjoni tar-rikorrenti fit-tilwimiet fil-kawżi prinċipali li kienu s-suġġett ta’ dawn il-kawżi ma kinitx irregolata mid-dritt tal-Unjoni u ma kellha l-ebda rabta ma’ dan id-dritt (12). B’mod speċifiku, f’dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li dawn ir-rikorrenti ma setgħux jitqiesu bħala benefiċjarji tad-Direttiva 2004/38/KE(13), lanqas, fir-rigward tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li tat lok għas-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2013, Ymeraga et (C‑87/12, EU:C:2013:291), tad-Direttiva 2003/86 (14) u, għalhekk, li dawn l-atti ma kinux applikabbli għalihom (15).

58.      F’din il-kawża, għall-kuntrarju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw applikazzjonijiet għal viża għal soġġorn qasir skont ir-regolament tal-Unjoni li jarmonizza l-proċeduri u l-kundizzjonijiet ta’ ħruġ ta’ dawn il-viżi u li huwa applikabbli għalihom. Is-sitwazzjoni tagħhom hija fil-fatt koperta bil-kodiċi dwar il-viżi kemm ratione personae kif ukoll ratione materiae.

59.      Minn naħa, il-kodiċi dwar il-viżi huwa applikabbli, skont l-Artikolu 1(2) tiegħu, għal “kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz, li jrid ikun fil-pussess ta’ viża meta jaqsam il-fruntieri esterni tal-Istati Membri skont ir-Regolament […] Nru 539/2001” (16), li jiffissa b’mod partikolari l-lista tal-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma suġġetti għall-obbligu ta’ viża. Issa, is-Sirja hija fost dawn il-pajjiżi terzi (17). Bħala ċittadini Sirjani, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu, għalhekk, obbligati li jkollhom viża sabiex jidħlu fit-territorju tal-Istati Membri.

60.      Min-naħa l-oħra, la l-Artikolu 1(1) tal-kodiċi dwar il-viżi, li jiddikjara l-għan tiegħu u lanqas l-Artikolu 2(2) tiegħu, li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “viża”, ma jirreferu għall-motivi li għalihom issir applikazzjoni għall-viża. Dawn id-dispożizzjonijiet jiddeskrivu tali għan u jiddefinixxu tali kunċett billi li jirreferu biss għat-tul tal-awtorizzazzjoni għal soġġorn li tista’ tintalab u tingħata. Ir-raġunijiet li jkunu mmotivaw l-applikazzjoni għall-viża jidħlu inkunsiderazzjoni biss għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 25 tal-kodiċi dwar il-viżi u waqt l-evalwazzjoni tal-eżistenza tal-motivi ta’ ċaħda previsti fl-Artikolu 32 ta’ dan il-kodiċi, jiġifieri fi stadju avvanzat tal-ipproċessar tal-applikazzjoni għal viża. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-Artikolu 19 tal-kodiċi dwar il-viżi. Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, l-applikazzjoni għall-viża “hi ammissibbli” meta l-konsolat kompetenti jikkonstata li l-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu huma ssodisfatti. Issa, fost dawn il-kundizzjonijiet ma tissemmiex il-preżentazzjoni, mill-applikant, tad-dokumenti ta’ sostenn elenkati fl-Artikolu 14 tal-kodiċi dwar il-viżi, b’mod partikolari dawk li jissemmew fil-punti a) u d) ta’ dan l-artikolu, jiġifieri, rispettivament, id-dokumenti li jindikaw l-għan tal-vjaġġ u l-informazzjoni li tippermetti li ssir evalwazzjoni tal-intenzjoni tal-applikant li jħalli t-territorju tal-Istati Membri qabel ma tiskadi l-viża li għaliha saret l-applikazzjoni. Isegwi li l-applikazzjonijiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, intiżi sabiex tinkiseb viża għal żmien limitat ta’ 90 jum, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-kodiċi dwar il-viżi, irrispettivament mill-motivi li għalihom kienu ġew ippreżentati u kienu korrettament tqiesu bħala ammissibbli mill-awtoritajiet konsulari Belġjani skont l-Artikolu 19 ta’ dan il-kodiċi.

61.      Għaldaqstant, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija rregolata bil-kodiċi dwar il-viżi u, għalhekk, bid-dritt tal-Unjoni, inkluż fil-każ li jkollu jiġi deċiż li l-applikazzjonijiet tagħhom kienu korrettament ġew miċħuda. Fil-fatt, kif ippreċiżat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Koushkaki (C‑84/12, EU:C:2013:862), il-motivi ta’ ċaħda ta’ viża huma stabbiliti b’mod eżawrjenti mill-kodiċi dwar il-viżi (18) u għandhom jiġu applikati fl-osservanza tad-dispożizzjonijiet rilevanti tiegħu.

62.      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-allegazzjoni tal-Gvern Belġjan, imressqa wkoll mill-Kummissjoni u minn ċertu numru ta’ Stati Membri waqt is-seduta, li l-kodiċi dwar il-viżi ma jippermettix li tiġi introdotta applikazzjoni għall-viża bbażata fuq l-Artikolu 25 tiegħu.

63.      L-ewwel nett, dan l-argument, dejjem eċċessivament formalistiku, jmur kontra l-Artikolu 23(4)(b) tal-kodiċi dwar il-viżi, li jinkludi fost id-deċiżjonijiet li jistgħu jittieħdu fir-rigward ta’ “applikazzjoni” għal viża ddikjarata ammissibbli skont l-Artikolu 19 ta’ dan il-kodiċi, id-deċiżjoni li tinħareġ viża b’validità territorjali limitata, skont l-Artikolu 25 ta’ dan il-kodiċi.

64.      Sussegwentement, nosserva li, fl-Anness I tal-kodiċi dwar il-viżi, tidher formola armonizzata ta’ applikazzjoni waħda. It-titolu ta’ din il-formola jirreferi b’mod ġeneriku għal “Applikazzjoni għal viża ta’ Schengen”, mingħajr ma jippreċiża t-tip ta’ viża, fost dawk irregolati minn dan il-kodiċi − jiġifieri viża uniformi, ta’ tranżitu jew b’validità territorjali limitata −, li għaliha tiġi ppreżentata l-applikazzjoni. Huwa biss meta jkun qed jimla l-punt 21 ta’ din il-formola, intitolat “Għan(ijiet) prinċipali tal-vjaġġ”, li taħtu jidhru diversi każijiet, kull wieħed korrispondenti għal motiv ta’ vjaġġ (studju, turiżmu, żjara uffiċjali, raġunijiet mediċi, eċċ), li l-applikant jippreċiża t-tip ta’ viża li għaliha ssir l-applikazzjoni (pereżempju billi jittikkja l-kaxxa “tranżitu f’ajruport” jekk japplika għal viża ta’ dan it-tip). Billi din il-lista ta’ motivi ma hijiex eżawrjenti [l-aħħar kaxxa tinkludi t-taqsima “ieħor (jekk jogħġbok speċifika)”], huwa leċitu għalkollox għall-applikant, kif għamlu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li jindika li l-applikazzjoni tiegħu hija mmotivata minn raġunijiet umanitarji skont l-Artikolu 25 tal-kodiċi dwar il-viżi. Dan huwa barra minn hekk ikkonfermat mill-fatt li, fil-parti ta’ din il-formola rriżervata għall-amministrazzjoni, taħt it-titolu “Deċiżjoni dwar viża”, jidher ukoll, fost l-għażliet possibbli f’każ ta’ deċiżjoni pożittiva, il-ħruġ ta’ viża b’validità territorjali limitata.

65.      B’mod iktar ġenerali, nirrileva li xejn fil-kodiċi dwar il-viżi ma jipprojbixxi lil applikant għal viża milli jinvoka, waqt il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu, l-applikazzjoni favur tiegħu tal-Artikolu 25 ta’ dan il-kodiċi, meta huwa ma ssodisfax waħda mill-kundizzjonijiet ta’ dħul previsti fl-Artikolu 6(1)(a), (c), (d) u (e) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jew meta jqis li s-sitwazzjoni tiegħu hija koperta bl-ewwel dispożizzjoni.

66.      Fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, infakkar li jirriżulta mill-proċess trażmess mill-qorti tar-rinviju, u li dan kien ġie kkonfermat mill-Gvern Belġjan waqt is-seduta, li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw l-applikazzjonijiet għal viża tagħhom skont l-istipulazzjonijiet tal-kodiċi dwar il-viżi, billi ppreżentaw kemm formola armonizzata ta’ applikazzjoni bħal dik li tidher fl-Anness I ta’ dan il-kodiċi kif ukoll id-dokumenti ta’ sostenn li għandhom jakkumpanjawha.

67.      Fl-aħħar nett, anki kieku, kif sostnew b’mod partikolari l-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni, il-kodiċi dwar il-viżi ma jippermettix il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għall-viża skont l-Artikolu 25 ta’ dan il-kodiċi, din iċ-ċirkustanza ma hijiex suffiċjenti sabiex tqiegħed lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-kodiċi dwar il-viżi, peress li huma talbu l-ħruġ ta’ viża li l-proċeduri u l-kundizzjonijiet ta’ għoti tagħha huma rregolati minn dan il-kodiċi u billi l-applikazzjonijiet tagħhom kienu ġew ipproċessati u miċħuda abbażi tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kodiċi.

68.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għall-argumenti tal-Gvern Belġjan esposti fil-punt 45 ta’ dawn il-konklużjonijiet, dwar l-assenza ta’ rilevanza tad-dispożizzjonijiet fil-qasam tal-ażil fir-rigward tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali (19).

69.      Għall-kuntrarju, l-argumenti tal-Gvern Belġjan, kif ukoll dawk tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri preżenti waqt is-seduta, rigward l-applikabbiltà tal-Karta għaċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali ser jiġu eżaminati fil-kuntest tal-analiżi tal-ewwel domanda preliminari. F’dan ir-rigward, għandi nispeċifika li huwa essenzjalment b’xewqa ta’ kjarezza, u anki jekk nirrepeti ruħu kemxejn, li ppreferejt nittratta l-argumenti bbażati fuq in-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-inapplikabbiltà tal-kodiċi dwar il-viżi separatament minn dawk dwar l-applikabbiltà tal-Karta u dwar l-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, anki jekk hemm sovrappożizzjoni bejniethom.

70.      Mill-osservazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Belġjan, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali tidħol sew fid-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi li saru mill-Conseil du contentieux des étrangers (kunsill għal ażil u proċeduri ta’ immigrazzjoni).

 Fuq l-ewwel domanda preliminari

71.      L-ewwel domanda preliminari tinqasam f’żewġ partijiet. Bl-ewwel parti, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja, jekk il-frażi “obbligi internazzjonali”, li tidher fl-Artikolu 25(1)(a) tal-kodiċi dwar il-viżi, tinkludix id-drittijiet iggarantiti mill-Karta u, b’mod partikolari, dawk stabbiliti fl-Artikoli 4 u 18 tagħha. Bit-tieni parti, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk din l-espressjoni tinkludix l-obbligi li bihom l-Istati Membri huma marbuta fir-rigward tal-KEDB u tal-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

72.      Fil-fehma tiegħi, ma tantx hemm dubju dwar ir-risposta li għandha tingħata lill-ewwel parti tad-domanda.

73.      L-Unjoni għandha ordinament ġuridiku proprju, distint mill-ordinament internazzjonali. Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE, il-Karta tifforma parti mid-dritt primarju tal-Unjoni u għaldaqstant, hija sors ta’ dritt tal-Unjoni. Meta jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet tal-applikazzjoni tagħha, l-Istati Membri huma marbuta li josservawha bis-saħħa tal-adeżjoni tagħhom fl-Unjoni. Għaldaqstant l-obbligi li jirriżultaw mill-Karta ma humiex inklużi fost l-“obbligi internazzjonali” msemmija fl-Artikolu 25(1)(a) tal-kodiċi dwar il-viżi, u dan irrispettivament mill-portata li għandha tingħata lil din l-espressjoni.

74.      Madankollu dan ma jfissirx li d-deċiżjonijiet li jistgħu jiġu adottati mill-Istati Membri abbażi ta’ din id-dispożizzjoni ma għandhomx josservaw ir-rekwiżiti tal-Karta.

75.      Il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, f’dak li jirrigwarda l-azzjoni tal-Istati Membri, huwa stabbilit fl-Artikolu 51(1) tagħha, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tal-Karta huma intiżi għall-Istati Membri meta jimplementaw id-dritt tal-Unjoni. Konsegwentement, id-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta għandhom jiġu rrispettati meta leġiżlazzjoni nazzjonali − u, f’termini iktar ġenerali, l-azzjoni tal-Istat Membru kkonċernat – tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni (20).

76.      Għaldaqstant għandu jiġi vverifikat jekk Stat Membru li jadotta, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, deċiżjoni li permezz tagħha jiċħad il-ħruġ ta’ viża b’validità territorjali limitata mitluba għal raġunijiet umanitarji skont l-Artikolu 25(1)(a) tal-kodiċi dwar il-viżi jimplementax id-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta.

77.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-kundizzjonijiet ta’ ħruġ ta’ tali viżi, kif ukoll is-sistema li huma suġġetti għaliha, huma previsti minn regolament tal-Unjoni, li l-għan tiegħu jidħol fl-istabbiliment, bil-ħolqien ta’ “corpus komuni” ta’ regoli, ta’ politika komuni tal-viżi maħsuba sabiex “tiffaċilita l-ivvjaġġar leġittimu u tittratta l-immigrazzjoni illegali permezz ta’ aktar armonizzazzjoni tal-leġislazzjoni nazzjonali u tal-prattika ta’ trattament fil-missjonijiet konsulari lokali” (21).

78.      Bis-saħħa tal-Artikolu 1(1) u (2) tiegħu, il-kodiċi dwar il-viżi jistabbilixxi “l-proċeduri u l-kondizzjonijiet għall-ħruġ ta’ viżi għal tranżitu mit-territorju tal-Istati Membri jew soġġorni previsti fihom, li ma jkunux ta’ iktar minn tliet xhur fi kwalunkwe perijodu ta’ sitt xhur” u, kif diġà fakkart iktar ’il fuq, huwa applikabbli għal kwalunkwe ċittadin ta’ pajjiż terz li jrid ikun fil-pussess ta’ viża meta jaqsam l-fruntieri esterni tal-Istati Membri skont ir-Regolament Nru 539/2001 (22).

79.      Skont l-Artikolu 2(2)(a) tal-kodiċi dwar il-viżi, għall-għanijiet ta’ dan il-kodiċi, il-kunċett ta’ “viża” huwa mfisser bħala “awtorizzazzjoni maħruġa minn Stat Membru” bl-għan ta’ “tranżitu mit-territorju tal-Istati Membri jew soġġorn previst fihom ta’ tul ta’ mhux aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta’ 180 jum mill-ewwel data ta’ dħul fit-territorju tal-Istati Membri”. Dan il-kunċett ikopri wkoll il-“viża b’validità territorjali limitata”, li hija rregolata bl-Artikolu 25 tal-kodiċi dwar il-viżi. B’eċċezzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ ħruġ (u ta’ ċaħda ta’ ħruġ) tagħha, din il-viża ma hijiex differenti mill-“viża uniformi”, ddefinita fl-Artikolu 2(3) ta’ dan il-kodiċi, f’dak li jikkonċerna l-portata territorjali tal-awtorizzazzjoni ta’ dħul u ta’ soġġorn li hija tagħti, billi din hija limitata, kif jispjega l-punt 4 ta’ dan l-istess Artikolu 2, għat-territorju ta’ Stat Membru wieħed jew iktar.

80.      Isegwi li, meta joħorġu jew jiċħdu viża b’validità territorjali limitata abbażi tal-Artikolu 25 tal-kodiċi dwar il-viżi, l-awtoritajiet tal-Istati Membri jadottaw deċiżjoni li tikkonċerna dokument li jawtorizza l-qsim tal-fruntieri esterni tal-Istati Membri, li huwa suġġett għal sistema armonizzata u, għaldaqstant, jaġixxu fil-kuntest u b’applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

81.      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata bl-eventwali rikonoxximent ta’ setgħa diskrezzjonali tal-Istat Membru kkonċernat fl-applikazzjoni tal-Artikolu 25(1)(a) tal-kodiċi dwar il-viżi.

82.      Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat fis-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punti 68 u 69), iċ-ċirkustanza li regolament tal-Unjoni jirrikonoxxi setgħa diskrezzjonali lill-Istati Membri ma tipprekludix li l-atti adottati fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa jkunu taħt l-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, meta jirriżulta li dik is-setgħa diskrezzjonali tifforma parti integrali mis-sistema normattiva stabbilita bir-regolament inkwistjoni u għandha tiġi eżerċitata b’osservanza tad-dispożizzjonijiet l-oħra tiegħu (23).

83.      Issa, anki jekk l-Artikolu 25(1)(a) tal-kodiċi dwar il-viżi jħalli setgħa diskrezzjonali lill-Istati Membri fir-rigward tal-ħruġ ta’ viżi għal raġunijiet umanitarji – kwistjoni li ser tiġi eżaminata fil-kuntest tal-analiżi tat-tieni domanda preliminari −, għandu jiġi kkonstatat li tali viżi jidħlu fil-politika komuni tal-viżi u li huma rregolati minn regolament tal-Unjoni, li jistabbilixxi r-regoli ta’ ġurisdizzjoni, il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet ta’ ħruġ, il-portata, kif ukoll il-kawżi ta’ nullità jew ta’ revoka tagħhom (24). Għaldaqstant, id-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri abbażi ta’ din id-dispożizzjoni jikkostitwixxu implementazzjoni ta’ proċeduri previsti mill-kodiċi dwar il-viżi u l-eventwali setgħa diskrezzjonali li dawn l-awtoritajiet huma msejħa jeżerċitaw fl-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet tifforma parti integrali mis-sistema normattiva stabbilita b’dan il-kodiċi.

84.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li, meta jadottaw deċiżjoni skont l-Artikolu 25 tal-kodiċi dwar il-viżi, l-awtoritajiet ta’ Stat Membru jimplementaw id-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta u għaldaqstant huma obbligati li jirrispettaw id-drittijiet iggarantiti minnha.

85.      Barra minn hekk, tali konklużjoni tirriżulta mill-formulazzjoni stess tal-kodiċi dwar il-viżi, billi l-premessa 29 tissuġġetta tqiegħed dan il-kodiċi għad-drittijiet fundamentali u għall-prinċipji tal-Karta(25). Fil-proposta preliminari tagħha ta’ Manwal għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal viża u għall-emenda tal-viżi maħruġa (26) − li huwa intiż sabiex jiggarantixxi implementazzjoni armonizzata b’mod partikolari tad-dispożizzjonijiet tal-kodiċi dwar il-viżi − il-Kummissjoni tikkonferma dan ir-rekwiżit ta’ rispett tad-drittijiet fundamentali, billi tenfasizza li dawn id-drittijiet, kif stabbiliti b’mod partikolari bil-Karta, għandhom jiġu ggarantiti lil kwalunkwe persuna li tapplika għal viża u li “l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal viża għandu […] josserva kompletament il-projbizzjoni tat-trattamenti inumani u degradanti u l-projbizzjoni ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni stabbilita fl-Artikoli 3 u 14 tal-[KEDB] u fl-Artikoli 4 u 21 tal-[Karta] respettivament”.

86.      F’dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, iċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, diġà kelli l-opportunità nirrileva li mill-atti tal-proċess trażmessi mill-qorti tar-rinviju jirriżulta, li meta ppreżentaw l-applikazzjoni għall-ażil tagħhom, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali talbu l-applikazzjoni fir-rigward tagħhom tal-Artikolu 25(1)(a) tal-kodiċi dwar il-viżi, li d-deċiżjonijiet ikkontestati huma bbażati fuq il-motiv ta’ ċaħda ta’ viża previst fl-Artikolu 32(1)(b) in fine tal-kodiċi dwar il-viżi u li din iċ-ċaħda ġiet deċiża wara l-konstatazzjoni li l-kundizzjonijiet ta’ ħruġ ta’ viżi umanitarji skont l-Artikolu 25 tal-kodiċi, b’mod partikolari n-natura eċċezzjonali tal-proċedura u n-natura temporanja tas-soġġorn maħsub, ma kinux issodisfatti.

87.      Għalhekk huwa paċifiku li, fil-kawża prinċipali, l-awtoritajiet Belġjani kienu ġew aditi u kienu aġixxew abbażi u skont dispożizzjonijiet tal-kodiċi dwar il-viżi.

88.      Konsegwentement, id-deċiżjonijiet ikkontestati jikkostitwixxu implementazzjoni ta’ dan il-kodiċi u, għaldaqstant, tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta. Meta adottaw dawn id-deċiżjonijiet, l-imsemmija awtoritajiet kienu obbligati li jirrispettaw id-drittijiet iggarantiti minnha.

89.      Għandu jiġi enfasizzat mill-ġdid li d-drittijiet fundamentali rikonoxxuti mill-Karta, li r-rispett tagħhom huwa impost fuq kwalunkwe awtorità tal-Istati Membri li taġixxi fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni, huma ggarantiti lid-destinatarji tal-atti adottati minn tali awtorità irrispettivament minn kull kriterju ta’ territorjalità.

90.      Kif urejt fil-punti 49 sa 70 u 76 sa 88 ta’ dawn il-konklużjonijiet, is-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni u l-atti adottati fir-rigward tagħhom jikkostitwixxu implementazzjoni ta’ dan id-dritt fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta. Għaldaqstant is-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, u dan irrispettivament miċ-ċirkustanza li huma ma jinsabux fit-territorju ta’ Stat Membru u mill-fatt li huma ma għandhomx rabta ma’ dan it-territorju.

91.      Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ċara ħafna f’dan ir-rigward fil-ġurisprudenza tagħha: “[l]-applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni timplika dik tad-drittijiet fundamentali ggarantiti permezz tal-Karta” u “ma jistax ikun hemm każ li jkun […] jaqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni mingħajr ma jkunu applikabbli l-imsemmija drittijiet fundamentali” (27). Għalhekk jeżisti paralleliżmu bejn azzjoni tal-Unjoni, kemm jekk permezz tal-istituzzjonijiet tagħha kif ukoll permezz tal-Istati Membri tagħha, u applikazzjoni tal-Karta. Mistoqsija f’dan ir-rigward mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta, il-Kummissjoni ħadet pożizzjoni dwar din il-konklużjoni (28).

92.      Issa, jekk kellu jitqies li l-Karta ma tapplikax meta istituzzjoni jew Stat Membru li jimplementaw id-dritt tal-Unjoni jaġixxu extra territorjalment, dan iwassal sabiex jiġi ddikjarat li sitwazzjonijiet koperti mid-dritt tal-Unjoni jaħarbu mill-applikazzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni, li jdgħajjef dan il-paralleliżmu. Huwa ċar li tali interpretazzjoni jkollha konsegwenzi li jmorru lil hinn il-qasam tal-politika tal-viżi biss.

93.      Barra minn hekk, u sabiex ikun hemm limitazzjoni għal dan il-qasam, jekk l-applikazzjoni tal-Karta kienet suġġetta għal kriterju ta’ rabta territorjali mal-Unjoni (jew pjuttost ma’ wieħed mill-Istati Membri tagħha), b’żieda mal-kriterju ta’ rabta mad-dritt tal-Unjoni, l-implementazzjoni tas-sistema komuni tal-viżi kollha prevista mill-kodiċi dwar il-viżi x’aktarx ser taħrab mir-rispett tad-drittijiet previsti mill-Karta, u dan jikser mhux biss il-prinċipju li jirregola l-applikazzjoni tagħha, iżda wkoll l-intenzjoni ċara tal-leġiżlatur tal-Unjoni, kif espressa fil-premessa 29 tal-kodiċi dwar il-viżi, fi żmien meta l-Karta kien għad ma kellhiex saħħa vinkolanti.

94.      Għall-istess raġunijiet, l-applikazzjoni tal-Karta għas-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali lanqas ma tiddependi mill-eżerċizzju ta’ kwalunkwe forma ta’ awtorità u/jew ta’ kontroll min-naħa tal-Istat Belġjan fir-rigward tagħhom, kuntrarjament għal dak li jipprevedi, għall-KEDB, l-Artikolu 1 tagħha, li jipprovdi li l-Istati firmatarji ta’ dik il-konvenzjoni għandhom jirrikonoxxu d-drittijiet u l-libertajiet iddefiniti fit-Titolu I tagħha “lil kull min jaqa taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom” (29).

95.      Skont l-argumenti tal-Gvern Belġjan – li magħhom qablu xi Stati Membri waqt is-seduta – dispożizzjoni analogu għall-Artikolu 1 tal-KEDB għandha tkun applikabbli wkoll fis-sistema tal-Karta, tal-inqas, f’dak li jikkonċerna d-drittijiet tagħha li jikkorrispondu ma’ dawk iggarantiti mill-KEDB. Il-Gvern Belġjan ifakkar li, skont l-Artikolu 52(3) tal-Karta, moqri fid-dawl tal-ispjegazzjonijiet relatati ma’ dan l-artikolu (30), meta d-drittijiet tagħha jikkorrispondu ma’ drittijiet iggarantiti mill-KEDB, is-sens u l-portata tagħhom, inklużi l-limitazzjonijiet permissibbli, huma l-istess bħal dawk previsti f’din il-konvenzjoni. Skont dan il-Gvern, il-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 1 tal-KEDB jifforma parti minn dawn il-limitazzjonijiet u jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni, b’mod partikolari, tal-Artikolu 4 tal-Karta, li jikkorrispondi mal-Artikolu 3 tal-KEDB. Għandu jsegwi minn dan li, jekk ir-rikorrenti ma jkunux taħt il-ġurisdizzjoni tal-Istat Belġjan, is-sitwazzjoni tagħhom ma hijiex koperta minn din id-dispożizzjoni.

96.      Diversi raġunijiet jipprekludu l-interpretazzjoni proposta mill-Gvern Belġjan.

97.      L-ewwel nett, l-Artikolu 1 tal-KEDB jinkludi “klawżola ta’ ġurisdizzjoni” li tiffunzjona bħala kriterju ta’ attivazzjoni tar-responsabbiltà tal-Istati partijiet għall-KEDB għal eventwali ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni. Issa, tali klawżola ma tinsabx fil-Karta. Kif diġà enfasizzajt iktar ’il fuq, l-uniku kriterju li jikkundizzjona l-applikazzjoni tagħha, għal dak li jikkonċerna l-azzjoni tal-Istati Membri, jinsab fl-Artikolu 51(1) tagħha. Barra minn hekk, jekk dik il-klawżola tikkundizzjona l-applikazzjoni tal-KEDB, għall-kuntrarju hija ma tikkonċernax it-“tifsira” u l-“ambitu” li għandhom jingħataw lid-dispożizzjonijiet tagħha, li għalihom jirreferi l-Artikolu 52(3) tal-Karta.

98.      It-tieni nett, ir-riferiment, li jsir fl-ispjegazzjonijiet dwar l-Artikolu 52(3) tal-Karta, għal-“limitazzjonijiet” tad-drittijiet previsti minnha, għandu jinftiehem fis-sens li d-dritt tal-Unjoni ma jistax japplika għad-drittijiet tal-Karta li jikkorrispondu ma’ dawk tal-KEDB dwar limitazzjonijiet li ma humiex ammessi fis-sistema tagħha (31). Fi kliem ieħor, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi r-regola li d-dritt tal-KEDB jipprevali meta jiggarantixxi protezzjoni tad-drittijiet fundamentali f’livell ogħla.

99.      It-tielet nett, l-Artikolu 52(3) in fine tal-Karta jippreċiża li l-ekwivalenza tat-tifsira u tal-ambitu bejn id-drittijiet tal-Karta u d-drittijiet korrispondenti tal-KEDB “ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli [t]ipprevedi protezzjoni aktar estensiva”. Isegwi li l-livell ta’ protezzjoni żgurata mill-KEDB jikkostitwixxi biss livell minimu, li taħtu l-Unjoni ma tistax tinżel, iżda l-Unjoni tista’, għall-kuntrarju, tagħti lid-drittijiet iggarantiti mill-Karta li jikkorrispondu ma’ dawk tal-KEDB portata iktar wiesa’ (32). Issa, l-argumenti tal-Gvern Belġjan iservu, essenzjalment, sabiex jaffermaw li l-Unjoni hija obbligata tapplika għal dawn id-drittijiet l-istess limitazzjonijiet bħal dawk li huma ammessi fis-sistema tal-KEDB għad-drittijiet iggarantiti minn din il-konvenzjoni. Manifestament, dan l-argument iċaħħad kull effett utli lill-aħħar sentenza tal-Artikolu 52(3) tal-Karta.

100. Ir-raba’ nett, l-ebda limitazzjoni fir-rigward tas-sitwazzjoni territorjali jew legali tal-persuni intiżi fl-Artikolu 4 tal-Karta ma tista’ titnissel mill-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu, li huwa fformulat f’termini universali.

101. Fl-aħħar nett, l-interpretazzjoni proposta mill-Gvern Belġjan hija riżultat ta’ konfużjoni bejn il-kwistjoni tal-applikabbiltà tal-Karta bħala parametru tal-legalità tal-atti meħuda minn Stat Membru skont l-Artikolu 25(1)(b) tal-kodiċi dwar il-viżi u dik tal-kontenut u tal-estensjoni tal-obbligi imposti fuq dak l-Istat Membru skont dispożizzjonijiet tal-Karta fl-ipproċessar tal-applikazzjoni għall-viża mill-perspettiva ta’ din id-dispożizzjoni (33).

102. F’dan l-istadju nasal għat-tieni parti tal-ewwel domanda preliminari, li permezz tagħha l-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tispeċifika jekk l-espressjoni “obbligi internazzjonali”, li tinsab fl-Artikolu 25(1)(a) tal-kodiċi dwar il-viżi, tirreferix għall-obbligi li huma imposti fuq l-Istati Membri fir-rigward tal-KEDB u tal-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

103. Inqis li ma huwiex utli għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali li l-Qorti tal-Ġustizzja tieħu pożizzjoni fuq dan il-punt. Fil-fatt, irrispettivament mit-tifsira u mill-portata li għandha tingħata lil din l-espressjoni, ma jistax ikun ikkontestat li l-KEDB u l-Konvenzjoni ta’ Genève jikkostitwixxu kemm parametru ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam ta’ dħul, ta’ soġġorn u ta’ ażil kif ukoll parametru ta’ legalità tal-azzjoni tal-Istati Membri fl-implementazzjoni ta’ dan id-dritt.

104. Madankollu, il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar l-applikabbiltà kemm tal-KEDB kif ukoll tal-Konvenzjoni ta’ Genève għas-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, fin-nuqqas tagħhom li jissodisfaw il-kriterju ta’ territorjalità li jikkundizzjona l-applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ testi (34). Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, kemm il-Gvern Belġjan kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu din l-inapplikabbiltà.

105. Il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-kors tal-eżami tal-ewwel parti ta’ din l-ewwel domanda preliminari ser iwassluni sabiex nikkonkludi li ma hemmx ħtieġa għall-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq dan il-punt.

106. Fil-fatt jirriżulta minn dawn il-kunsiderazzjonijiet li, meta adottaw id-deċiżjonijiet ikkontestati, l-awtoritajiet Belġjani kienu obbligati li josservaw id-dispożizzjonijiet tal-Karta, b’mod partikolari, l-Artikoli 4 u 18 tagħha, invokati mill-qorti tar-rinviju.

107. Peress li l-Artikoli 4 u 18 tal-Karta jiggarantixxu protezzjoni tal-inqas ekwivalenti għal dik offerta mill-Artikolu 3 tal-KEDB u mill-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Genève, ma huwiex neċessarju li jiġi eżaminat jekk dawn l-atti japplikawx għas-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

108. Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari li saret mill-Conseil du contentieux des étrangers (kunsill għal ażil u proċeduri ta’ immigrazzjoni) li l-Artikolu 25(1)(a) tal-kodiċi dwar il-viżi għandu jiġi interpretat fis-sens li l-espressjoni “obbligi internazzjonali” li tinsab fit-test ta’ din id-dispożizzjoni ma tirreferix għall-Karta, iżda li l-Istati Membri huma obbligati josservaw meta huma jeżaminaw, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, applikazzjoni għall-viża li insostenn tagħha jiġu invokati raġunijiet umanitarji, kif ukoll meta jadottaw deċiżjoni fir-rigward ta’ tali applikazzjoni.

 Fuq it-tieni domanda preliminari

109. Permezz tat-tieni domanda tagħha, filwaqt li tammetti li l-Istat Membru mitlub sabiex joħroġ viża umanitarja skont l-Artikolu 25(1)(a) tal-kodiċi dwar il-viżi jgawdi minn marġni ta’ diskrezzjoni fl-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi ta’ kull kawża, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fil-preżenza ta’ sitwazzjoni fejn jeżisti riskju kkonfermat ta’ ksur tal-Artikolu 4 u/jew tal-Artikolu 18 tal-Karta, dan l-Istat Membru huwiex obbligat li joħroġ din il-viża. Hija tistaqsi wkoll jekk l-eżistenza ta’ rabtiet bejn il-persuna li titlob l-applikazzjoni tal-Artikolu 25(1)(a) tal-kodiċi dwar il-viżi u l-Istat Membru adit (pereżempju, rabtiet familjari, familji ospitanti, garanti u sponsors, eċċ.) għandhiex effett fuq ir-risposta għal din id-domanda.

110. Għar-raġunijiet li ser jiġu esposti iktar ’il quddiem, inħoss li għandha tingħata risposta affermattiva għal din id-domanda, irrispettivament mill-eżistenza jew le ta’ rabtiet bejn il-persuna u l-Istat Membru mitlub.

111. Fil-formulazzjoni tal-Artikolu 25(1)(a) tal-kodiċi dwar il-viżi, viża b’validità territorjali limitata tinħareġ eċċezzjonalment meta, għal raġunijiet umanitarji, Stat Membru jqis li huwa neċessarju li jidderoga mill-prinċipju tal-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ dħul previsti fl-Artikolu 6(1)(a), (c), (d) u (e) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen (35).

112. Kif indikajt diġà, il-Gvern Belġjan isostni li din id-dispożizzjoni tippermetti biss li, a priori, ikun hemm deroga, essenzjalment, għall-motivi ta’ ċaħda ta’ viża elenkati fl-Artikolu 32(1)(a) (i), (ii), (iii) u (vi) tal-kodiċi dwar il-viżi u mhux għall-motivi elenkati fl-Artikolu 32(1)(b) ta’ dan il-kodiċi. Huwa jiddeduċi minn dan li l-Artikolu 25(1)(a) tal-kodiċi dwar il-viżi ma jistax jippermetti l-ħruġ ta’ viża territorjalment limitata lil ċittadini li ma jkollhomx l-intenzjoni li jħallu t-territorju tiegħu qabel l-iskadenza tal-viża li għaliha saret l-applikazzjoni.

113. Din il-kontestazzjoni għandha, fil-fehma tiegħi, tiġi miċħuda.

114. Kif jikkonċedi l-Gvern Belġjan, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 32(1) tal-kodiċi dwar il-viżi jirriżulta li din id-dispożizzjoni tapplika “mingħajr preġudizzju” għall-Artikolu 25(1) ta’ dan il-kodiċi. Konsegwentement, il-motiv ta’ ċaħda ta’ viża, indikat fl-Artikolu 32(1)(b) tal-kodiċi dwar il-viżi, ma jipprekludix huwa stess li Stat Membru japplika l-Artikolu 25(1) tal-kodiċi dwar il-viżi.

115. Dan huwa loġiku. L‑Artikolu 32(1)(b) tal-kodiċi dwar il-viżi jikkonċerna l-każ ta’ ċaħda ta’ ħruġ ta’ viża meta jeżistu “dubji raġonevoli dwar l-awtentiċità tad-dokumenti ta’ sostenn ippreżentati jew dwar il-veraċità tal-kontenut tagħhom, dwar il-kredibbiltà tad-dikjarazzjonijiet magħmulin mill-applikant jew l-intenzjoni tiegħu li jitlaq mit-territorju tal-Istati Membri qabel l-iskadenza tal-viża li għaliha qiegħda ssir applikazzjoni”. Issa, ma hemmx ħtieġa li jiġi indikat espressament li l-Artikolu 25(1)(a) tal-kodiċi dwar il-viżi jippermetti deroga f’każ ta’ ċaħda ta’ ħruġ ta’ viża li tkun ibbażata fuq “dubji raġonevoli dwar l-awtentiċità tad-dokumenti ta’ sostenn” ladarba dan l-artikolu diġà jawtorizza espressament lil Stat Membru li joħroġ viża territorjalment limitata fil-każ fejn l-applikant ma huwiex fil-pussess ta’ dokument ta’ vvjaġġar validu li jawtorizza lid-detentur tiegħu li jaqsam il-fruntiera [kundizzjoni tal-Artikolu 6(1)(a) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen]. Bl-istess mod, jekk Stat Membru jista’ japplika l-Artikolu 25(1)(a) tal-kodiċi dwar il-viżi minkejja li ċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat b’ebda mod ma jiġġustifika l-għan u l-kundizzjonijiet tas-soġġorn ippjanat [ara l-kundizzjoni tal-Artikolu 6(1)(c) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u l-motiv ta’ ċaħda msemmi fl-Artikolu 32(1)(a)(ii)], jew minkejja li ċ-ċittadin huwa b’mod partikolari meqjus bħala theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika [ara l-kundizzjoni tal-Artikolu 6(1)(e) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u l-motiv ta’ ċaħda msemmi fl-Artikolu 32(1)(a)(vi)], ma nara l-ebda raġuni għalfejn għandu jkun neċessarju li jiġi indikat f’dan l-artikolu li din id-deroga tinkludi wkoll il-każijiet fejn jeżistu “dubji raġonevoli” dwar l-affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet imwettqa mill-applikant jew dwar l-intenzjoni tiegħu li jitlaq it-territorju tal-Istati Membri qabel l-iskadenza tal-viża li għaliha saret l-applikazzjoni. Fl-aħħar mill-aħħar, din hija applikazzjoni tal-qawl “min jista’ jagħmel iktar, jista’ jagħmel inqas”.

116. Dejjem f’din il-loġika, għandu jiġi osservat ukoll li, skont l-Artikolu 32(1) tal-kodiċi dwar il-viżi, Stat Membru jista’ japplika l-Artikolu 25(1) ta’ dan il-kodiċi minkejja l-motiv ta’ ċaħda previst fl-Artikolu 32(1)(a)(iv) ta’ dan il-kodiċi, jiġifieri minkejja ċ-ċirkustanza li l-persuna kkonċernata tkun diġà soġġornat fit-territorju tal-Istati Membri għal tul ta’ 90 jum matul perijodu ta’ 180 jum. Jekk l-Istati Membri huma awtorizzati li japplikaw l-Artikolu 25(1) tal-kodiċi dwar il-viżi fil-każ fejn il-persuna tkun diġà soġġornat iktar minn 90 jum matul perijodu ta’ 180 jum, iktar u iktar għandhom ikunu jistgħu joħorġu viża b’validità territorjali limitata lil ċittadin ta’ pajjiż terz li dwaru jeżistu dubji raġonevoli dwar l-intenzjoni tiegħu li jitlaq it-territorju qabel ma tiskadi l-viża.

117. Kif diġà enfasizzajt, dan ma jbiddilx in-natura tal-viża maħruġa, li tibqa’ viża għal soġġorn qasir, skont il-kodiċi dwar il-viżi (36). Din il-viża ma tagħtix id-dritt ta’ dħul irrevokabbli, kif jindika l-Artikolu 30 tal-kodiċi dwar il-viżi.

118. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnifisha tammetti fil-Manwal għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal viża u għall-bidliet tal-viżi maħruġa tagħha (37) li l-Artikolu 25(1) tal-kodiċi dwar il-viżi jikkostitwixxi l-bażi legali li jawtorizza lill-Istati Membri, matul l-istess perijodu ta’ 180 jum, li joħorġu viża b’validità territorjali limitata ta’ 90 jum wara l-ħruġ ta’ viża uniformi u għaldaqstant li tittaffa l-applikazzjoni rigoruża tal-motivi ta’ ċaħda previsti fl-Artikolu 32(1) tal-kodiċi dwar il-viżi.

119. Konsegwentement, l-Artikolu 25(1) tal-kodiċi dwar il-viżi jippermetti lill-Istati Membri, fil-kundizzjonijiet preċiżi li huwa jistabbilixxi, jiġifieri, b’mod partikolari, minħabba raġunijiet umanitarji, li jiskartaw il-motivi kollha ta’ ċaħda elenkati fl-Artikolu 32(1)(a) u (b) ta’ dan il-kodiċi. L-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, kif riflessa f’dawn id-dispożizzjonijiet, hija ċara. Il-frażi “[m]ingħajr preġudizzju għall-Artikolu 25(1)”, li tidher fl-Artikolu 32 tal-kodiċi dwar il-viżi jista’ jkollha tifsira waħda biss, jiġifieri dik preċiżament, li tawtorizza l-applikazzjoni tal-Artikolu 25(1)(a) ta’ dan il-kodiċi u għaldaqstant il-ħruġ ta’ viża b’validità territorjali limitata, minkejja l-motivi ta’ ċaħda elenkati fl-Artikolu 32(1)(a) u (b) ta’ dan il-kodiċi.

120. Issa li dan ġie ċċarat, għandu jiġi mistoqsi jekk l-Artikolu 25(1)(a) tal-kodiċi dwar il-viżi għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprovdi biss sempliċi fakultà lill-Istati Membri li jiskartaw il-motivi ta’ ċaħda elenkati fl-Artikolu 32(1)(a) u (b) tal-kodiċi dwar il-viżi jew jekk, f’ċerti ċirkustanzi, dan jasalx sabiex jobbligahom li jimponu din il-miżura u, għaldaqstant, iwassalhom sabiex joħorġu viża b’validità territorjali limitata għal raġunijiet umanitarji.

121. Għar-raġunijiet li sejjer nesponi iktar ’il quddiem, jien tal-fehma li d-dritt tal-Unjoni jopponi interpretazzjoni tal-Artikolu 25(1)(a) tal-kodiċi dwar il-viżi fis-sens li huwa jagħti lill-Istati Membri biss l-awtorizzazzjoni li joħorġu dawn il-viżi. Il-pożizzjoni tiegħi hija bbażata fuq il-formulazzjoni u fuq l-istruttura tad-dispożizzjonijiet tal-kodiċi dwar il-viżi kif ukoll fuq il-ħtieġa għall-Istati Membri, fl-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħhom, li jirrispettaw id-drittijiet iggarantiti mill-Karta meta huma japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet.

122. Mill-Artikolu 23(4) tal-kodiċi dwar il-viżi jirriżulta li dan jirregola b’mod eżawrjenti t-tipi ta’ atti li għandhom jiġu adottati meta l-Istati Membri jiġu aditi b’applikazzjoni għall-viża. Fil-kawża prinċipali, dan jirrigwarda kemm deċiżjoni ta’ ħruġ ta’ viża b’validità territorjali limitata, skont l-Artikolu 25 tal-kodiċi, kif ukoll ċaħda li tinħareġ tali viża, skont l-Artikolu 32 tal-istess kodiċi.

123. Issa, l-istess kif id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda ta’ ħruġ ta’ viża għandhom jiġu adottati fil-qafas stabbilit bl-Artikolu 32 tal-kodiċi dwar il-viżi (38), id-deċiżjonijiet li tinħareġ viża b’validità territorjali limitata għandhom jittieħdu fil-qafas stabbilit bl-Artikolu 25(1) ta’ dan il-kodiċi.

124. Minn dan jirriżulta, anki fid-dawl tal-artikolazzjoni tal-Artikolu 25(1) u tal-Artikolu 32(1) tal-kodiċi dwar il-viżi li enfasizzajt iktar ’il fuq, li Stat Membru, li jiġi mitlub minn ċittadin ta’ pajjiż terz sabiex joħroġlu viża b’validità territorjali limitata għal raġunijiet umanitarji, ma jistax jiġi eżentat mill-obbligu li jeżamina r-raġunijiet invokati li jistgħu jwasslu sabiex tiġi skartata l-applikazzjoni tal-motivi ta’ ċaħda elenkati fl-Artikolu 32(1) tal-kodiċi dwar il-viżi.

125. Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-formulazzjoni tal-Artikolu 25(1) tal-kodiċi dwar il-viżi li jippreċiża li l-viża b’validità territorjali limitata “għandha tinħareġ” meta jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ din id-dispożizzjoni. F’dan il-każ, l-użu tal-verb ikun fil-preżent tal-indikattiv, li jinsab fil-verżjonijiet lingwistiċi oħra tal-Artikolu 25(1) tal-kodiċi dwar il-viżi (39), jirrikjedi lill-Istat Membru li joħroġ il-viża b’validità territorjali limitata li għaliha saret l-applikazzjoni.

126. Għaldaqstant f’dan l-istadju tar-raġunament, jidhirli evidenti li, bħala minimu, il-kodiċi dwar il-viżi jobbliga lil Stat Membru li jeżamina r-raġunijiet umanitarji li huma invokati minn ċittadin ta’ pajjiż terz sabiex jiskarta l-applikazzjoni tal-motivi ta’ ċaħda msemmija fl-Artikolu 32(1) tal-kodiċi dwar il-viżi u li huma intiżi sabiex jagħtuh il-benefiċċju tal-applikazzjoni tal-Artikolu 25(1)(a) ta’ dan il-kodiċi.

127. Jekk, wara dan l-eżami, l-Istat Membru jqis li dawn ir-raġunijiet huma fondati, il-kodiċi dwar il-viżi jeżiġi li huwa joħroġ lil dan iċ-ċittadin viża b’validità territorjali limitata.

128. Ċertament, ma jistax jiġi miċħud li, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 25(1)(a) tal-kodiċi dwar il-viżi, l-Istat Membru li lilu saret l-applikazzjoni jżomm marġni ta’ diskrezzjoni tar-raġunijiet umanitarji li jagħmlu neċessarju li tiġi skartata l-applikazzjoni tal-motivi ta’ ċaħda elenkati fl-Artikolu 32(1) tal-kodiċi dwar il-viżi, u, għaldaqstant, li joħroġ il-viża b’validità territorjali limitata.

129. Madankollu, kif diġà kelli l-opportunità ngħid (40), billi jinsab fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-kodiċi dwar il-viżi, dan il-marġni ta’ diskrezzjoni għandu neċessarjament jitfassal mid-dritt tal-Unjoni.

130. Minn naħa, id-definizzjoni u l-portata tal-espressjoni stess “raġunijiet umanitarji” ma jistgħux, fil-fehma tiegħi, jitħallew kompletament fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri. Għalkemm ma huwiex iddefinit mill-kodiċi dwar il-viżi, dan huwa kunċett tad-dritt tal-Unjoni, għaliex ma hemm ebda riferiment mill-Artikolu 25(1) ta’ dan il-kodiċi għad-dritt nazzjonali tal-Istati Membri. Barra minn hekk, il-fatt li l-viża maħruġa taħt l-Artikolu 25(1) tal-kodiċi dwar il-viżi hija, fil-prinċipju, valida biss fit-territorju tal-Istat Membru ta’ ħruġ (41) ma jfissirx li r-raġunijiet umanitarji għandhom ikunu esklużivi għal dan l-Istat Membru. Għandu jiġi ammess li l-espressjoni “raġunijiet umanitarji” hija ferm wiesgħa u, b’mod partikolari, ma tistax, fil-fehma tiegħi, tkun limitata għal każ ta’ għajnuna medika jew sanitarja taċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat jew ta’ persuni qrib tiegħu, tat-tip bħal dawk esposti fid-deċiżjonijiet ikkontestati fil-kawża prinċipali u invokati mill-Gvern Belġjan waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Il-formulazzjoni tal-Artikolu 25(1) tal-kodiċi dwar il-viżi ma tappoġġax din l-interpretazzjoni u tkun prova ta’ ħsieb estremament dejjaq li jitnaqqsu r-raġunijiet umanitarji għal stat ta’ saħħa prekarja jew għall-mard. Mingħajr ma nallega li niddefinixxi dawn ir-raġunijiet fil-kuntest ta’ dawn il-konklużjonijiet, inqis, f’dan l-istadju, li ma hemm l-ebda dell ta’ dubju li l-motivi esposti mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali quddiem l-awtoritajiet Belġjani, dwar il-ħtieġa li jaħarbu mill-kunflitt armat u mill-vjolenza indiskriminata qalila fis-Sirja, b’mod partikolari fil-belt ta’ Aleppo u li jiġu salvati mill-allegati atti ta’ tortura u ta’ persekuzzjoni, b’mod partikolari minħabba l-appartenenza tagħhom għal minoranza reliġjuża, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-raġunijiet umanitarji, anki fis-sens tal-Artikolu 25(1)(a) tal-kodiċi dwar il-viżi. Li kieku dan ma kienx hekk, din l-espressjoni ma tagħmel l-ebda sens. Barra minn hekk, l-aċċettazzjoni tat-teżi “minimalista” tal-Gvern Belġjan twassal għall-konsegwenza paradossali li iktar ma r-raġunijiet umanitarji jkunu gravi, inqas jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 25(1)(a) tal-kodiċi dwar il-viżi.

131. Min-naħa l-oħra, kif spjegajt iktar ’il fuq, meta Stat Membru jasal biex jadotta deċiżjoni sabiex jirrifjuta li joħroġ viża b’validità territorjali limitata għall-motiv li r-raġunijiet umanitarji esposti mill-persuna kkonċernata ma jeħtiġux li jiġu skartati l-motivi ta’ ċaħda elenkati fl-Artikolu 32(1) tal-kodiċi dwar il-viżi, dan l-Istat Membru mingħajr dubju jimplementa d-dritt tal-Unjoni. Il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Istat Membru mitlub għandu għaldaqstant jiġi eżerċitat fir-rispett tad-drittijiet iggarantiti mill-Karta.

132. Fi kliem ieħor, sabiex jibqa’ fil-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni tiegħu, l-Istat Membru mitlub għandu jasal għall-konklużjoni li, meta jirrifjuta li jilqa’ l-applikazzjoni tal-Artikolu 25(1)(a) tal-kodiċi dwar il-viżi, minkejja raġunijiet umanitarji li jkunu esposti miċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat, huwa ma jiksirx id-drittijiet stabbiliti fil-Karta. Jekk l-Istat Membru jasal għall-konklużjoni opposta, huwa għandu jiskarta l-motivi ta’ ċaħda elenkati fl-Artikolu 32(1) tal-kodiċi dwar il-viżi u joħroġ il-viża b’validità territorjali limitata, skont l-Artikolu 25(1)(a) ta’ dan il-kodiċi.

133. Fil-prinċipju, ir-rekwiżit tar-rispett tad-drittijiet iggarantiti mill-Karta ma jqajjem l-ebda problema partikolari meta l-Istat Membru jiddeċiedi li jattiva l-proċedura prevista fl-Artikolu 25(1)(a) tal-kodiċi dwar il-viżi fid-dawl tar-raġunijiet umanitarji tas-sitwazzjoni li fuqha huwa għandu jiddeċiedi.

134. Jista’ jkun differenti fil-każ taċ-ċaħda li tinħareġ il-viża u, konsegwentement, tal-applikazzjoni ta’ motiv wieħed jew iktar ta’ ċaħda elenkati fl-Artikolu 32(1) tal-kodiċi dwar il-viżi.

135. F’dan il-każ, għandu jiġi stabbilit jekk l-assenza jew ir-rifjut ta’ teħid inkunsiderazzjoni tar-raġunijiet umanitarji applikabbli għal sitwazzjoni partikolari jew iċ-ċaħda li tinħareġ viża b’validità territorjali limitata jwassalx għall-ksur mill-Istat Membru tal-obbligi tiegħu skont il-Karta.

136. Għandu jiġi enfasizzat li dan ir-rekwiżit ma jċaħħadx lill-Istat Membru minn kull marġni ta’ diskrezzjoni. Għalhekk, jidhirli li huwa eskluż li r-rifjut li tintlaqa’ talba għall-attendenza tal-funeral ta’ persuna qrib li mietet fit-territorju ta’ Stat Membru, għalkemm jista’ jkun ta’ dulur għall-persuna kkonċernata, jista’ jwassal għal ksur ta’ dritt iggarantit mill-Karta.

137. Fil-fehma tiegħi, ikun differenti jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi u tar-raġunijiet umanitarji inkwistjoni, ir-rifjut li tinħareġ viża jwassal sabiex l-applikant jiġi espost għal riskju reali ta’ ksur tad-drittijiet stabbiliti mill-Karta, b’mod partikolari d-drittijiet li għandhom natura assoluta, bħal dawk relatati mad-dinjità tal-bniedem (Artikolu 1 tal-Karta), mad-dritt għall-ħajja (Artikolu 2 tal-Karta), mal-integrità tal-persuna (Artikolu 3 tal-Karta) u mal-projbizzjoni tat-tortura u tat-trattamenti inumani jew degradanti (Artikolu 4 tal-Karta) (42) u, iktar u iktar, meta jkun hemm riskju li dawn id-drittijiet jinkisru fir-rigward ta’ persuni partikolarment vulnerabbli, bħalma huma tfal minuri ta’ età żgħira fejn l-interessi superjuri tagħhom għandhom ikunu kunsiderazzjoni primarja fl-atti kollha mwettqa mill-awtoritajiet pubbliċi, skont l-Artikolu 24(2) tal-Karta. Barra minn hekk infakkar f’dan ir-rigward li, fis-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punti 94 sa 98), dwar id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-ipproċessar ta’ applikazzjoni għall-ażil, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ammettiet li sempliċi fakultà favur Stat Membru, prevista minn att ta’ dritt sekondarju tal-Unjoni, tista’ tiġi ttrasformata f’obbligu reali fi ħdan dan l-istess Stat Membru sabiex jiġi ggarantit ir-rispett tal-Artikolu 4 tal-Karta.

138. Jekk l-eżami jiġi limitat għall-Artikolu 4 tal-Karta, imsemmi espressament fit-tieni domanda li saret mill-qorti tar-rinviju, għandu jitfakkar, kif għamilt iktar ’il fuq, li d-dritt li jissemma f’dan l-artikolu jikkorrispondi ma’ dak iggarantit mill-Artikolu 3 tal-KEDB, li juża kliem identiku (43). Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jistabbilixxu wieħed mill-valuri fundamentali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha, raġuni li għaliha huma jipprojbixxu, fi kwalunkwe ċirkustanza, it-tortura, il-pieni u t-trattamenti inumani jew degradanti (44). Isegwi li l-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 4 tal-Karta hija applikabbli anki fiċ-ċirkustanzi l-iktar diffiċli, bħalma huma l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata (45), jew fil-konfront tal-pressjonijiet ta’ fluss li qed jiżdied ta’ migranti u ta’ persuni jfittxu protezzjoni internazzjonali lejn it-territorju tal-Istati Membri, f’kuntest immarkat ukoll mill-kriżi ekonomika (46).

139. B’analoġija mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 3 tal-KEDB, l-Artikolu 4 tal-Karta jimponi fuq l-Istati Membri, meta jimplementaw id-dritt tal-Unjoni, mhux biss obbligu negattiv fir-rigward tal-persuni, jiġifieri li jipprojbixxihom milli jirrikorru għat-tortura u għat-trattamenti inumani jew degradanti, iżda wkoll obbligu pożittiv, jiġifieri li jordnalhom li jieħdu miżuri adegwati sabiex jimpedixxu li dawn il-persuni jkunu suġġetti għat-tortura u għat-trattamenti inumani jew degradanti, b’mod partikolari fir-rigward ta’ persuni vulnerabbli, inkluż meta dawn it-trattamenti ħżiena jitwettqu minn individwi (47). Ir-responsabbiltà ta’ Stat Membru tista’ għaldaqstant titnissel b’mod partikolari meta l-awtoritajiet tiegħu stess ma jkunux ħadu miżuri raġonevoli sabiex jevitaw il-materjalizzazzjoni ta’ riskju ta’ tortura jew ta’ trattamenti inumani jew degradanti, meta huma kienu jafu jew kellhom ikunu jafu bihom (48). Fis-sentenzi tagħha tal-21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punti 94, 106 u 113), u tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punti 90 u 94), il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, l-istess bħall-Artikolu 3 tal-KEDB, l-Artikolu 4 tal-Karta jimponi obbligu pożittiv fuq l-Istati Membri f’ċerti ċirkustanzi.

140. Fl-eżami tal-kwistjoni jekk Stat Membru jkunx kiser l-obbligu pożittiv tiegħu li jadotta miżuri raġonevoli sabiex jevita milli jesponi persuna għal riskju reali ta’ trattamenti pprojbiti mill-Artikolu 4 tal-Karta, hemm lok, fil-fehma tiegħi, li jiġi vverifikat, b’analoġija mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 3 tal-KEDB, liema huma l-konsegwenzi prevedibbli ta’ din l-ommissjoni jew ta’ dan ir-rifjut ta’ azzjoni fir-rigward tal-persuna kkonċernata (49). F’dan il-kuntest, u fid-dawl tal-atti mitluba fil-kawża prinċipali, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni ġenerali tal-pajjiż ta’ oriġini tal-persuna kkonċernata u/jew ta’ dik tal-pajjiż li fih dik il-persuna hija msejħa sabiex tibqa’ kif ukoll taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ tal-persuna kkonċernata (50). Jekk l-eżami ta’ dawn is-sitwazzjonijiet u ta’ dawn iċ-ċirkustanzi fid-dawl tal-Artikolu 4 tal-Karta huwa inevitabbli sabiex jiġi stabbilit jekk, f’każ partikolari, l-Istat Membru jkunx naqas mill-obbligu pożittiv impost fuqu mill-projbizzjoni prevista f’dan l-artikolu, għall-kuntrarju ma huwiex meħtieġ li tiġi kkonstatata jew ipprovata r-responsabbiltà tal-pajjiżi terz kkonċernati jew tal-gruppi jew entitajiet oħra li jaġixxu f’dawn il-pajjiżi fid-dawl tad-dritt internazzjonali ġenerali jew taħt titolu ieħor (51).

141. Inqis li fl-istħarriġ tal-eżistenza tar-riskju li persuna tiġi esposta għal trattamenti pprojbiti mill-Artikolu 4 tal-Karta li jirriżulta mill-ommissjoni jew mir-rifjut ta’ Stat Membru li jieħu miżuri raġonevoli f’kuntest bħal dak tal-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tistrieħ fuq il-provi prodotti mill-qorti tar-rinviju u tirreferi primarjament għall-fatti li l-Istat Membru kien jaf jew kellu jkun jaf bihom meta ddeċieda li japplika l-motivi ta’ ċaħda previsti fl-Artikolu 32(1) tal-kodiċi dwar il-viżi, fuq l-informazzjoni sussegwenti li tista’, jekk ikun il-każ, tikkonferma jew tikkontesta l-mod li bih l-Istat Membru ddeċieda l-fondatezza tal-biżgħat tal-persuna kkonċernata (52).

142. Billi l-Artikolu 267 TFUE huwa bbażat fuq tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-qorti tar-rinviju u l-Qorti tal-Ġustizzja, hija wkoll dik tal-ewwel li għandha tivverifika l-provi li kellu quddiemu jew li kellu jkun jaf bihom l-Istat tal-Belġju fil-mument meta adotta d-deċiżjonijiet ikkontestati. Għal dan il-għan, nemmen li, sabiex tiġi eżaminata s-sitwazzjoni ġenerali tal-pajjiż ta’ oriġini jew tal-pajjiż li fih il-persuna kkonċernata hija mistennija tibqa’ u r-riskju reali inkors minnha, inqis li dik il-qorti għandha tagħti importanza lill-informazzjoni provenjenti minn sorsi affidabbli u oġġettivi, bħall-istituzzjonijiet tal-Unjoni, il-korpi u l-aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti jew is-sorsi governattivi kif ukoll l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) b’reputazzjoni serja, b’mod partikolari l-informazzjoni li tinsab fir-rapporti reċenti provenjenti minn assoċjazzjonijiet internazzjonali indipendenti ta’ difiża tad-drittijiet tal-bniedem bħal Amnesty Internazzjonali jew Human Rights Watch (53). Sabiex tiġi evalwata l-affidabbiltà ta’ dawn ir-rapporti, il-kriterji rilevanti għandhom ikunu l-awtorità u r-reputazzjoni tal-awturi tagħhom, is-serjetà tal-investigazzjonijiet li wasslu għalihom, il-koerenza tal-konklużjonijiet tagħhom u l-konferma tagħhom minn sorsi oħra (54).

143. Madankollu, fil-fehma tiegħi, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni d-diffikultajiet numerużi li jiltaqgħu magħhom il-gvernijiet u l-NGOs sabiex jiġbru informazzjoni f’sitwazzjonijiet perikolużi u instabbli. Ma huwiex dejjem possibbli li jsiru investigazzjonijiet tal-iktar qrib ta’ kunflitt. F’każ bħal dan, jista’ jkun neċessarju li jsir riferiment għal informazzjoni pprovduta minn sorsi li għandhom għarfien dirett tas-sitwazzjoni (55), bħalma huma l-korrispondenti ta’ korpi tal-istampa.

144. Mingħajr ma nċaħħad lill-qorti tar-rinviju mill-kompitu tagħha li teżamina f’iktar dettall din l-informazzjoni fir-rigward tas-sorsi affidabbli u oġġettivi msemmija iktar ’il fuq,, jidhirli importanti – fid-dawl tan-natura magħrufa ta’ ċerti fatti u tan-natura faċilment aċċessibbli ta’ numru kbir ta’ sorsi li jirrigwardaw is-sitwazzjoni fis-Sirja, dwar dik tal-popolazzjoni Sirjana kif ukoll dwar dik tal-pajjiżi ġirien ta’ dan l-Istat u sabiex nagħti risposta utli u malajr lill-qorti tar-rinviju kif ukoll niggwida lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-direzzjoni tas-sentenza tagħha fil-futur – li nenfasizza l-elementi ewlenin li kien jaf jew li kellu jkun jaf l-Istat Belġjan fil-mument meta adotta d-deċiżjonijiet ikkontestati (56).

145. Jirriżulta l-ewwel nett mid-deċiżjoni tar-rinviju nnifisha li l-Istat Belġjan b’ebda mod ma kkontesta d-deskrizzjoni ssostanzjata magħmula mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali tal-vjolenza għamja ta’ intensità kbira li qed tifni s-Sirja, tal-atti barbariċi u tal-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa f’dan il-pajjiż u, b’mod partikolari f’Aleppo, il-belt minn fejn huma joriġinaw. L-awtoritajiet Belġjani kompetenti ċertament ma setgħux ma jkunux jafu n-natura apokalittika, jew “katastrofika” − skont l-espressjoni użata fid-deċiżjonijiet ikkontestati − tas-sitwazzjoni ġenerali fis-Sirja, iktar u iktar għaliex, kif irrilevaw ukoll ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali quddiem il-qorti tar-rinviju, din tal-aħħar kienet diġà enfasizzat, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li kien “pubblikament magħruf” li s-sitwazzjoni tas-sigurtà fis-Sirja kienet drammatika fid-dawl tal-elementi allarmanti kollha invokati quddiemha (57).

146. In-natura magħrufa tas-sitwazzjoni drammatika umanitarja u tas-sitwazzjoni apokalittika li għaddejja minnha l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja, kieku kien għadu meħtieġ li tiġi pprovata, hija kkorroborata minn informazzjoni u diversi dokumenti uffiċjali. Hekk, f’dokument ippubblikat f’Settembru 2016 (58), jiġifieri madwar xahar qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Kummissjoni stess kienet irrilevat li l-kunflitt Sirjan kien “beda l-ikbar kriżi umanitarja fid-dinja wara t-[tieni] gwerra dinjija” u nnotat li s-sitwazzjoni umanitarja kompliet tiddegrada ruħha fis-Sirja minħabba l-intensifikazzjoni tal-ġlied, l-aggravazzjoni tal-vjolenzi, in-nuqqas ta’ osservanza mifrux tar-regoli tad-dritt internazzjonali u l-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem. Il-Kummissjoni ddeplorat ukoll il-vulnerabbiltà kbira tal-poplu Sirjan, billi l-persuni ċivili kienu l-ewwel vittmi ta’ prattiċi li saru “ordinarji”, bħalma huma “stupri u vjolenza sesswali oħra, għajbien forzat, spostament forzat, reklutaġġ tat-tfal bħala suldati, eżekuzzjonijiet sommarji u bombardamenti immirati deliberatament”. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ Aleppo, il-Kummissjoni rrilevat li l-intensità tal-bombardamenti u ġlied kienet ħalliet vittmi ċivili innumerevoli u ħalliet iktar minn żewġ miljun persuna mingħajr dawl u ilma, u fil-biża’ li jiġu assedjati u mirbuħa, kif ukoll suġġetti għal attakki mill-ajru kontinwi.

147. Ftit ġimgħat iktar tard, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ddikjara ruħu “allarmat bil-fatt li s-sitwazzjoni umanitarja disastruża fil-belt ta’ Aleppo [kienet] qed tkompli tiddeterjora” (59), indinjat “quddiem l-eskalazzjoni tal-vjolenza, li laħqet livell inaċċettabbli u quddiem il-mewt […] ta’ għexieren ta’ eluf ta’ tfal” u “profondament f’diffikultà minħabba d-deterjorazjoni kostanti tas-sitwazzjoni umanitarja terribbli fis-Sirja u n-numru ta’ persuni li għandhom bżonn ta’ għajnuna umanitarja urġenti, b’mod partikolari għajnuna medika” (60). Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti insista għalhekk fuq il-ħtieġa li “jintemmu l-attakki immirati kontra l-persuni ċivili u l-istallazzjonijiet ċivili, b’mod partikolari l-attakki kontra l-iskejjel u faċilitajiet mediċi, […] il-bumbardamenti indiskriminati u granati, il-karrozzi bombi, l-attentati suwiċidi […], il-fatt li persuni ċivili jitħallew bil-ġuħ bħala metodu ta’ gwerra, inkluż l-assedju ta’ żoni abitati, u l-użu ġeneralizzat tat-tortura, tat-trattament ħażin, tal-eżekuzzjonijiet arbitrarji, […] tal-għajbien forzat, tal-vjolenza sesswali […] kif ukoll tal-vjolenza serja u tal-atti barbariċi u abbużi kontra t-tfal” (61).

148. Sussegwentement, fil-mument meta l-Istat Belġjan kellu jadotta d-deċiżjonijiet ikkontestati, l-awtoritajiet Belġjani mhux biss kienu informati bis-sitwazzjoni ġenerali ta’ vulnerabbiltà estrema tal-persuni ċivili Sirjani deskritta iktar ’il fuq, iżda dawn ma setgħux raġonevolment ma jkunux jafu, kif jirriżulta mill-proċess tal-kawża prinċipali, iċ-ċirkustanzi proprji tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, huwa paċifiku li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali a) kienu l-ħamsa li huma jirrisjedu fil-belt assedjata ta’ Aleppo (62), fejn tlieta minnhom huma tfal ta’ età żgħira, billi l-ikbar wieħed mill-aħwa għandu biss għaxar snin, b) li huma kienu ta’ reliġjon Nisranija, billi t-tfal kienu mgħammda skont ir-rit Nisrani Ortodoss, u li, għaldaqstant, huma jappartjenu għal grupp ta’ persuni li dwaru jeżistu motivi serji u kkonfermati sabiex jitwemmen li kien fil-mira ta’ gruppi armati differenti fis-Sirja, jekk mhux ukoll ippersegwitat minnhom (63) u ċ) li huma kienu pproduċew provi biex isostnu l-applikazzjoni għall-viża tagħhom, mhux ikkontestati quddiem il-qorti tar-rinviju, li jsostnu konkretament il-fatt li l-familja kienet vittma ta’ diversi atti ta’ vjolenza mwettqa minn gruppi armati attivi f’Aleppo, b’mod partikolari li l-missier tal-familja kien inħataf minn wieħed minn dawn il-gruppi armati, fejn ġie msawwat u ttorturat, qabel ma finalment inħeles wara l-ħlas ta’ riskatt.

149. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, ma jistax jiġi miċħud li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu esposti fis-Sirja, tal-inqas, għal riskji reali ta’ trattamenti inumani ta’ gravità estrema li b’mod ċar jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 4 tal-Karta.

150. Barra minn hekk, meta adotta d-deċiżjonijiet ikkontestati, l-Istat Belġjan kien jaf jew kellu jkun jaf li l-konsegwenzi prevedibbli ta’ dawn id-deċiżjonijiet kienu ser iħallu lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali biss l-għażla bejn li jesponu ruħhom għall-perikoli, għas-sofferenzi u għat-trattamenti inumani invokati preċedentement, li setgħu anki jwasslu għall-mewt tagħhom, jew ikunu suġġetti għal tipi oħra ta’ trattamenti ekwivalenti, billi jippruvaw jidħlu illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru sabiex fih jippreżentaw l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tagħhom. Fil-fatt, huwa dokumentat ċar li ċ-ċittadini Sirjani, fosthom dawk li jfittxu protezzjoni internazzjonali, li jaslu, f’disperazzjoni, bi ħlas ta’ flus kontanti (64) bl-għajnuna ta’ traffikanti mingħajr skrupli permezz tal-baħar lejn l-Unjoni b’perikolu għal ħajjithom, jekk ma jmutux mgħarrqa jew għal raġunijiet oħra, imsawta, stuprati u/jew abbandunati f’dgħajjes malandati għal riħhom (65) sakemm ikunu, fl-aħjar ipoteżi, milqugħa mill-gwardji tal-kosta jew mill-NGOs li jikru vapuri ta’ tiftix u ta’ salvataġġ fuq il-baħar (66).

151. Fil-fehma tiegħi, ma hemm l-ebda dubju li tali trattamenti huma pprojbiti mill-Artikolu 4 tal-Karta.

152. Għaldaqstant, kienu jeżistu motivi serji sabiex jitwemmen li ċ-ċaħda min-naħa tal-Istat Belġjan li joħroġ viża b’validità territorjali limitata kienet twassal lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali sabiex, sakemm ma jibqgħux fis-Sirja, jesponu rwieħhom, f’disperazzjoni, għal sofferenzi fiżiċi u psikoloġiċi b’perikolu għal ħajjithom sabiex jeżerċitaw id-dritt għall-protezzjoni internazzjonali li huma talbu (67). Fil-fehma tiegħi, li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, Stat Membru jkun jista’ jastjeni milli jieħu l-miżuri fis-setgħa tiegħu intiżi sabiex jevita milli jesponi lil ċittadini ta’ pajjiż terz li qegħdin jitolbu protezzjoni internazzjonali għal dawn ir-riskji jikkostitwixxi, fil-fehma tiegħu, ukoll ksur tal-Artikolu 4 tal-Karta.

153. Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, din l-evalwazzjoni ma tista’ bl-ebda mod tiġi kkontestata bl-argument li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali setgħu jsibu refuġju fil-Libanu, pajjiż gar tas-Sirja, fejn jinsab il-konsolat tar-Renju tal-Belġju li miegħu huma talbu l-applikazzjoni tal-Artikolu 25(1) tal-kodiċi dwar il-viżi.

154. Ċertament, wara l-bidu tal-kunflitt fis-Sirja, iktar minn miljun Sirjan ġew irreġistrati mal-Kummissarjat Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-refuġjati (UNHCR) bħala refuġjati fil-Libanu (68). Madankollu, fix-xahar ta’ Mejju 2015, il-Gvern Libaniż innotifika lill-UNHCR li r-reġistrazzjoni ta’ refuġjati Sirjani ġodda kellha tiġi sospiża (69). Din is-sospensjoni kienet għadha applikabbli fil-mument meta l-Istat Belġjan kellu jadotta d-deċiżjonijiet ikkontestati, kif fakkru r-rikorrenti fil-kawża prinċipali quddiem il-qorti tar-rinviju. Ir-Repubblika Libaniża ma hijiex parti kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Genève (70) u r-refuġjati mhux irreġistrati ġodda, imċaħħda mill-possibbiltà li jiksbu l-istatus ta’ applikanti għall-ażil f’dan il-pajjiż, jinsabu fil-perikolu li jiġu arrestati u miżmuma minħabba soġġorn illegali (71), kif barra minn hekk sostnew ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kemm quddiem il-qorti tar-rinviju kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Is-sitwazzjoni ta’ dan il-grupp ta’ persuni, li għaldaqstant setgħu jappartjenu għalih ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali kieku huma daħlu fil-Libanu bi ksur tal-leġiżlazzjoni ta’ dan il-pajjiż, tinsab għalhekk fi prekarjetà ogħla minn dik tar-refuġjati rreġistrati, li ta’ spiss jgħixu f’abitazzjonijiet bażiċi, bħal garaxxijiet jew sempliċi tined, f’pajjiż fejn ma jeżisti l-ebda kamp uffiċjali (72), u fejn l-aċċess għall-ikel u għall-ilma, għall-kura tas-saħħa, kif ukoll għall-edukazzjoni huwa diġà estremament diffiċli jekk mhux prekarju (73). Barra minn hekk, matul is-sena 2016, l-istampa internazzjonali u diversi NGOs ikkonstataw atti ripetuti ta’ vjolenza fir-rigward tar-refuġjati Sirjani li jirriżultaw b’mod partikolari mit-tensjonijiet li dejjem jiżdiedu mal-popolazzjoni lokali, partikolarment fl-ifqar reġjuni tal-pajjiż (74). Ċerti osservaturi tad-drittijiet tal-bniedem enfasizzaw anki matul is-sena 2016 li s-sitwazzjoni fil-pajjiżi ospitanti ġirien kollha tas-Sirja kienet saret tant insostenibbli li ħafna Sirjani kienu qed jirritornaw fis-Sirja b’perikolu għal ħajjithom, inkluż fiż-żoni fejn il-ġlied għadu għaddej (75). Fl-aħħar nett, fir-rigward iktar partikolarment tas-sitwazzjoni tal-Insara, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet intergovernattivi u ta’ NGOs irreferew għall-biżgħat ta’ ostraċiżmu, ta’ intimidazzjoni u ta’ vjolenza serja fir-rigward ta’ din il-minoranza reliġjuża kemm fil-Libanu kif ukoll f’pajjiżi ġirien oħra, bħall-Ġordan, u inkluż ġewwa l-istess kampijiet tar-refuġjati (76).

155. Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, kemm jekk l-Istat Belġjan kien jaf jew kellu jkun jaf bihom fil-mument ta’ adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, dan l-Istat Membru ma setax jinvoka argument ipotetiku li ma kien hemm l-ebda obbligu impost fuqu li joħroġ viża b’validità territorjali limitata għar-raġuni li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali setgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jitolbu u li jiksbu protezzjoni internazzjonali fil-Libanu. Fil-fehma tiegħi, jidher ċar li tali dritt ma setax jiġi eżerċitat konkretament u effettivament f’dan il-pajjiż minn Sirjani li jkunu ħarbu mis-Sirja wara x-xahar ta’ Mejju 2015. Għaldaqstant, anki kieku l-Istat Belġjan kien eċċepixxa l-possibbiltà għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li jmorru fil-Libanu, nikkunsidra li, fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli dwar is-sitwazzjoni f’dan il-pajjiż, l-Istat Belġjan ma setax jikkonkludi li kien eżentat milli jissodisfa l-obbligu pożittiv tiegħu skont l-Artikolu 4 tal-Karta (77).

156. Għaldaqstant, meta adotta d-deċiżjonijiet ikkontestati, l-Istat Belġjan kellu jasal għall-konklużjoni li, biċ-ċaħda tar-rikonoxximent tal-ħtieġa li tinħareġ viża b’validità territorjali limitata għar-raġunijiet umanitarji invokati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali u bl-applikazzjoni tal-motivi ta’ ċaħda elenkati fl-Artikolu 32(1) tal-kodiċi dwar il-viżi, kienu jeżistu raġunijiet partikolarment serji u kkonfermati li wieħed jaħseb li huwa espona lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għal riskju reali li jkunu suġġetti għal trattamenti pprojbiti mill-Artikolu 4 tal-Karta.

157. Fil-fatt, biex inkun perfettament ċar, x’alternattivi kellhom ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali? Jibqgħu fis-Sirja? Inkonċepibbli. Jafdaw ruħhom f’idejn traffikanti mingħajr skrupli b’perikolu għal ħajjithom sabiex jippruvaw jilħqu l-Italja jew jaslu l-Greċja? Intollerabbli. Jirrassenjaw ruħhom li jsiru refuġjati illegali fil-Libanu, mingħajr prospettiva ta’ protezzjoni internazzjonali, u xorta waħda bir-riskju li jiġu rritornati lejn is-Sirja? Inammissibbli.

158. Sabiex nikkwota l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Karta ma għandhiex bħala għan li tipproteġi drittijiet teoretiċi jew illużorji, iżda drittijiet konkreti u effettivi (78).

159. Issa, ma jistax jiġi miċħud, fid-dawl tal-informazzjoni li tinsab fil-proċess fil-kawża prinċipali, li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu jiksbu l-protezzjoni internazzjonali li huma qegħdin jitolbu kieku kienu waslu sabiex jegħlbu l-ostakoli ta’ vjaġġ illegali, kif ukoll perikoluż u ta’ għejja kbira u minkejja kollox jaslu fil-Belġju (79). Għaldaqstant iċ-ċaħda li tinħareġ il-viża mitluba għandha bħala konsegwenza diretta li ġġiegħel lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali li jqiegħdu ħajjithom fil-perikolu, inkluża dik tat-tliet itfal tagħhom ta’ età żgħira, sabiex jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal protezzjoni internazzjonali.

160. Fid-dawl tal-kodiċi dwar il-viżi u tal-obbligi meħuda mill-Istati Membri, din il-konsegwenza hija ntollerabbli. Hija tirriżulta, tal-inqas, kuntrarja għad-dritt iggarantit mill-Artikolu 4 tal-Karta (80).

161. Fid-dawl tan-natura assoluta ta’ dan id-dritt, huwa ovvju li l-assenza ta’ rabtiet familjari jew ta’ natura oħra tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Belġju hija ċirkustanza li hija mingħajr effett fuq ir-risposta li għandha tingħata lit-tieni domanda preliminari.

162. Filwaqt li ma huwiex eskluż li ċ-ċaħda mill-awtoritajiet Belġjani fil-konfront tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali tikser ukoll id-dritt stabbilit fl-Artikolu 18 tal-Karta, inqis li, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ma hemmx ħtieġa li tingħata deċiżjoni dwar din il-kwistjoni.

163. Għaldaqstant, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi għat-tieni domanda li saret mill-qorti tar-rinviju kif ġej: l-Artikolu 25(1)(a) tal-kodiċi dwar il-viżi għandu jiġi interpretat fis-sens li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, l-Istat Membru mitlub minn ċittadin ta’ pajjiż terz sabiex joħroġlu viża b’validità territorjali limitata minħabba l-eżistenza ta’ raġunijiet umanitarji huwa obbligat li joħroġ tali viża jekk jeżistu motivi serji u kkonfermati sabiex jitwemmen li ċ-ċaħda li jinħareġ dan id-dokument ser twassal għall-konsegwenza diretta li dan iċ-ċittadin ikun espost għal trattamenti pprojbiti mill-Artikolu 4 tal-Karta, billi jiġi miċħud minn rimedju legali sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu li jitlob protezzjoni internazzjonali f’dan l-Istat Membru.

164. Huwa ovvju li din il-proposta hija maħsuba sew.

165. L-ewwel nett, fil-fehma tiegħi, din hija l-unika waħda denja ta“l-valuri universali tad-drittijiet invjolabbli u inaljenabbli tal-bniedem” (81) li fuqhom hija bbażata l-kostruzzjoni Ewropea u li jiddefendu u jippromwovu lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha, kemm fit-territorji tagħhom kif ukoll fir-relazzjonijiet tagħhom mal-pajjiżi terzi (82). Fil-ġurisprudenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja kkontribwixxiet ħafna sabiex issaħħaħ dawn il-valuri, billi ta’ sikwit ħadet ir-rwol ta’ gwardjan tad-drittijiet fundamentali tal-persuni, speċjalment l-iktar vulnerabbli fosthom, inklużi ċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali (83). Dawn il-valuri għandhom ikollhom tifsira, jikkonkretizzaw ruħhom u jiggwidaw l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni meta dan joffri l-kundizzjonijiet sabiex dawn jiġu onorati, kif inhu l-każ hawnhekk tal-Artikolu 25(1)(a) tal-kodiċi dwar il-viżi. Fil-fehma tiegħi, dan japplika għall-kredibbiltà tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha.

166. Laqtitni ħaġa waħda meta qrajt mill-ġdid il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għall-iskop ta’ trattament ta’ din il-kawża: il-konstatazzjonijiet ta’ din il-qorti dwar is-sitwazzjonijiet, dejjem orribbli u drammatiċi, li fihom tapplika r-responsabbiltà ta’ Stat parti għall-KEDB minħabba li jkun naqas mill-obbligi pożittivi tiegħu skont l-Artikolu 3 tal-KEDB, huma sistematikament konstatazzjonijiet li twettqu a posteriori, l-iktar spiss meta t-trattamenti inkwistjoni kienu wasslu għall-mewt tal-vittmi. Dan x’aktarx huwa marbut, tal-inqas parzjalment, man-natura tal-proċedura quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-ħtieġa li, qabel ma hija tiġi adita, ikunu ġew eżawriti r-rimedji interni. Dejjem jibqa’ l-każ, f’dawn il-kawżi, li l-miżuri preventivi ma jkunux ġew adottati u d-dannu rreparabbli jkun sfortunatament twettaq.

167. Bil-kontra f’din il-kawża, u ovvjament din hija waħda mir-raġunijiet li wasslet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tibda l-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, illum, mhux kull tama għar-rikorrenti fil-kawża prinċipali hija mitlufa. Il-proposta li sejjer nippreżenta lill-Qorti tal-Ġustizzja turi barra minn hekk li jeżisti rimedju umanitarju, fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni, li jobbliga lill-Istati Membri li jipprevjenu ksur manifest tad-drittijiet assoluti tal-persuni li jkunu qegħdin jitolbu protezzjoni internazzjonali qabel ma jkun tard wisq.

168. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-opportunità mhux biss li tfakkar, nittama b’saħħa, l-osservanza tal-valuri umanitarji u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha ntrabtu li jonoraw iżda wkoll u fuq kollox li toffri lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali t-tama li jeħilsu minn tbatija u minn trattamenti inumani oħra.

169. Din il-gwida ma tfissirx, sabiex nirrepeti l-argument tal-Istat Belġjan espost fid-deċiżjonijiet ikkontestati, li l-Istati Membri huma obbligati li jammettu fit-territorju tagħhom “il-persuni kollha li jgħixu f’sitwazzjoni katastrofika”, li ser iwassal għal awtorizzazzjoni tad-dħul tal-“popli kollha li qegħdin jiżviluppaw, fi gwerra, jew milquta minn diżastri naturali”.

170. Għall-kuntrarju, u jien ninsisti, dan huwa każ li jiġu onorati, fl-iktar sens nobbli ta’ din il-frażi, għal motivi umanitarji inkontestabbli, l-obbligi li jitnisslu mill-Artikolu 25(1)(a) tal-kodiċi dwar il-viżi u tal-Artikolu 4 tal-Karta, sabiex ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jkunu jistgħu, fejn fosthom, infakkar, hemm tliet itfal ta’ età żgħira, jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal protezzjoni internazzjonali, fin-nuqqas ta’ liema huma ser jiġu direttament esposti għal trattamenti pprojbiti mill-Artikolu 4 tal-Karta, trattamenti li l-Istat Membru inkwistjoni jaf jew kollu jkun jaf fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet li ma joħroġx il-viża mitluba.

171. Ċertament, iċ-ċirku tal-persuni kkonċernati jista’ jirriżulta iktar wiesa’ milli huwa attwalment fil-prattika tal-Istati Membri. Madankollu, dan l-argument huwa irrilevanti fir-rigward tal-obbligu li jiġu rrispettati, fi kwalunkwe ċirkustanza, id-drittijiet fundamentali ta’ natura assoluta, fosthom dak li jissemma fl-Artikolu 4 tal-Karta. In-natura eċċezzjonali ta’ proċedura ma hijiex, mill-perspettiva tal-prinċipji, antinomika ma’ influss, anki jekk sinjifikattiv, ta’ individwi. Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE, tal-20 ta’ Lulju 2001, dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn (84), tipprovdi l-eżempju. Il-mekkaniżmu stabbilit minn dan l-att fil-fatt ukoll jikkostitwixxi proċedura “ta’ natura eċċezzjonali” intiża sabiex tiżgura lill-persuni li jaħarbu minn żoni ta’ kunflitt armat jew vittmi ta’ ksur sistematiku jew ġeneralizzat tad-drittijiet tal-bniedem, protezzjoni immedjata u temporanja fit-territorju tal-Istati Membri (85).

172. Barra minn hekk, l-ispettru, imressaq minn numru kbir ta’ gvernijiet li ħadu sehem fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ rappreżentanzi konsulari tal-Istati Membri maħkuma minn mewġa inkontrollabbli ta’ applikazzjonijiet għall-viżi umanitarji li jiġu ppreżentati abbażi tal-kodiċi dwar il-viżi għandu, fil-fehma tiegħi, ikun ikkwalifikat. Minbarra li dan l-argument ovvjament ma huwiex wieħed ta’ natura legali, l-ostakoli prattiċi għall-preżentata ta’ dawn l-applikazzjonijiet ċertament ma għandhomx jiġu sottovalutati, anki jekk jien ma nsostnihomx. Is-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi wkoll eżempju notevoli. Dawn kellhom fil-fatt jottjeni appuntament fil-konsolat tar-Renju tal-Belġju fil-Libanu, kundizzjoni sine qua non sabiex jingħataw salvakondotta ta’ 48 siegħa fit-territorju Libaniż wara x-xahar ta’ Mejju 2015 (86), jaqsmu diversi mijiet ta’ kilometri f’pajjiż fil-gwerra u fil-kaos sabiex imorru Bejrut u jippreżentaw ruħhom personalment f’dan il-konsolat, bl-għan li jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ dan tal-aħħar (87) u, fl-aħħar nett, jirritornaw is-Sirja jistennew id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Belġjani! Barra minn hekk, għalkemm huwa wisq probabbli li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali indirizzaw ruħhom għand il-konsolat tar-Renju tal-Belġju f’Bejrut wara li saru jafu bl-operazzjoni mxandra ħafna li biha, fis-sajf tal-2015, diversi mijiet ta’ ċittadini Sirjani, ta’ reliġjon Nisranija u provenjenti minn Aleppo, ingħataw viża b’validità territorjali limitata mill-awtoritajiet Belġjani (88), il-Gvern Belġjan ma kienx irrapporta fluss massiv ta’ applikazzjonijiet ta’ dan it-tip, li ħakem ir-rappreżentanzi diplomatiċi tiegħu fil-pajjiżi ġirien tas-Sirja, wara din l-operazzjoni.

173. Sussegwentement, il-proposta li jien ifformulajt fil-punt 163 ta’ dawn il-konklużjonijiet hija wkoll kompletament koerenti mal-għanijiet tal-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin u t-traffikar tal-bnedmin, il-prevenzjoni tal-immigrazzjoni klandestina u n-netwerks ta’ kriminalità organizzata (89). Fil-fatt, billi toffri rimedju legali ta’ aċċess għall-protezzjoni internazzjonali f’ċerti ċirkustanzi, taħt il-kontroll tal-awtoritajiet tal-Istati Membri, l-interpretazzjoni li jiena ddefendejt tal-Artikolu 25(1)(a) tal-kodiċi dwar il-viżi tippermetti, tal-inqas parzjalment, li jiġi evitat li l-persuni li jfittxu din il-protezzjoni, fosthom b’mod partikolari n-nisa u t-tfal, ikunu maħtufa u sfruttati min-netwerks kriminali tat-traffikar u l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin tal-migranti (90). Għall-kuntrarju, kif diġà enfasizzajt, iċ-ċaħda li tinħareġ viża b’validità territorjali limitata fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, twassal, fl-aħħar mill-aħħar, sabiex tħeġġeġ direttament lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, sabiex huma jkunu jistgħu jitolbu d-dritt għall-protezzjoni internazzjonali fit-territorju ta’ Stat Membru, sabiex jafdaw ħajjithom lil dawk li kontrihom l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha attwalment jiddedikaw, b’mod partikolari fil-Mediterran, sforzi kbar operazzjonali u finanzjarji sabiex iwaqqfu u jżarmaw l-attivitajiet kriminali!

174. Fl-aħħar nett, l-interpretazzjoni difiża hawnhekk tal-Artikolu 25(1)(a) tal-kodiċi dwar il-viżi, tiżgura, proporzjonalment, l-osservanza tal-“prinċipju tas-solidarjetà u t-tqassim ġust tar-responsabbiltà […] bejn l-Istati Membri”, li għandu jirregola l-politika kollha tal-Unjoni dwar il-kontrolli mal-fruntieri, fuq l-ażil u fuq l-immigrazzjoni, skont l-Artikolu 80 TFUE (91). F’dan ir-rigward, u sabiex nillimita ruħi għal punt wieħed biss, l-oġġezzjoni tal-Gvern Belġjan, li l-ammissjoni li Stat Membru għandu jkun obbligat li f’ċerti ċirkustanzi joħroġ viża taħt l-Artikolu 25(1)(a) tal-kodiċi dwar il-viżi, ser twassal sabiex tawtorizza persuna li tagħżel l-Istat Membru li fih din il-persuna tixtieq li l-applikazzjoni għal protezzjoni tagħha tiġi eżaminata, frankament jidhirli li hija barra minn lokha. F’kundizzjonijiet estremi bħal dawk li kienu suġġetti għalihom ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-fakultà ta’ għażla ta’ dawn tal-aħħar hija daqstant limitata daqs dik li għandhom l-Istati Membri tal-kosta Mediterranea li jittrasformaw ruħhom f’pajjiż mingħajr kosta. F’kull każ, l-argument tal-Gvern Belġjan ma jistax jipprevali fuq in-natura assoluta tad-dritt iggarantit mill-Artikolu 4 tal-Karta u l-obbligu pożittiv li dan jimponi fuq l-Istati Membri.

175. Qabel ma nikkonkludi, nażżarda nfakkar kif id-dinja kollha, b’mod partikolari aħna, fl-Ewropa, kienet irrabjata u profondament offiża li tara, sentejn ilu, il-ġisem mingħajr ħajja taċ-ċkejken Alan, mixħut fuq bajja, wara li l-familja tiegħu kienet ipprovat, bl-għajnuna ta’ traffikanti u ta’ biċċa dgħajsa mgħobbija żżejjed b’refuġjati Sirjani, li jaslu, mit-Turkija, fil-gżira Griega ta’ Kos. Minn fost l-erba’ membri tal-familja tiegħu, kien biss missieru li rnexxielu jaħrab mill-għarqa. Il-kritika hija f’lokha u ta’ benefiċċju. Madankollu, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-opportunità li tmur lil hinn billi, kif qed nistedinha, tistabbilixxi rimedju legali ta’ aċċess għall-protezzjoni internazzjonali li tirriżulta mill-Artikolu 25(1)(a) tal-kodiċi dwar il-viżi. Sabiex ħadd ma jifhimni ħażin: mhux għaliex l-emozzjoni tiddetta li jsir hekk, iżda għaliex id-dritt tal-Unjoni jikkmanda dan.

 Konklużjoni

176. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Conseil du contentieux des étrangers (kunsill għal ażil u proċeduri ta’ immigrazzjoni, il-Belġju) bil-mod lil ġej:

“1)      L-Artikolu 25(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Lulju 2009, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-espressjoni “obbligi internazzjonali” li tinsab fit-test ta’ din id-dispożizzjoni ma tirreferix għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Meta huma jeżaminaw, abbażi tal-Artikolu 25(1)(a) tar-Regolament Nru 810/2009, applikazzjoni għall-viża li insostenn tagħha huma invokati raġunijiet umanitarji u meta jadottaw deċiżjoni fir-rigward ta’ tali applikazzjoni, l-Istati Membri huma obbligati li josservaw id-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

2)      L-Artikolu 25(1)(a) tar-Regolament Nru 810/2009 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istat Membru mitlub minn ċittadin ta’ pajjiż terz sabiex joħroġlu viża b’validità territorjali limitata minħabba l-eżistenza ta’ raġunijiet umanitarji huwa obbligat li joħroġ tali viża jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, jeżistu motivi serji u kkonfermati sabiex jitwemmen li ċ-ċaħda li jinħareġ dan id-dokument ser twassal għall-konsegwenza diretta li dan iċ-ċittadin ikun espost għal trattamenti pprojbiti mill-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, billi jiġi miċħud minn rimedju legali sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu li jitlob protezzjoni internazzjonali f’dan l-Istat Membru. L-assenza ta’ rabtiet familjari jew ta’ natura oħra ta’ tali ċittadin mal-Istat Membru mitlub hija mingħajr effett fuq din ir-risposta”.


1      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.


2      ĠU 2009, L 243, p. 1.


3      Ara r-Rapport tal-Parlament Ewropew dwar il-proposta ta’ regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kodiċi dwar il-viżi tal-Unjoni [COM(2014)164], dokument A8-0145/2016, tat-22 ta’ April 2016.


4      Fl-espożizzjoni tal-motivi tal-emendi proposti mill-Parlament dwar il-“viżi umanitarji”, ir-relatur indika (p. 100) li huwa għażel “li jadotta approċċ prudenti u legalment sikur, li jikkonsisti fit-tisħiħ u fl-iżvilupp tad-dispożizzjonijiet li diġà jinsabu fit-test” attwali tal-kodiċi dwar il-viżi (korsiv miżjud minni).


5      ĠU 2008, L 218, p. 60.


6      ĠU 2013, L 180, p. 60.


7      ĠU 2016, L 77, p. 1.


8      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ April 2012, Vo (C‑83/12 PPU, EU:C:2012:202, punt 36).


9      Il-parti tal-argument tal-Gvern Belġjan dwar ir-rabta bejn l-Artikolu 25(1) u l-Artikolu 32 tal-kodiċi dwar il-viżi ser tiġi indirizzata fil-punti 111 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


10      Madankollu ma jirriżultax mill-proċess jekk l-applikazzjonijiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali kinux ikkunsidrati bħala ammissibbli “b’deroga” “għal raġunijiet umanitarji”, b’applikazzjoni tal-Artikolu 19(4) tal-kodiċi dwar il-viżi.


11      Fuq ir-relazzjoni bejn dawn iż-żewġ artikoli, ara l-punti 111 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


12      Ara s-sentenzi tat-8 ta’ Novembru 2012, Iida (C‑40/11, EU:C:2012:691, punti 80 u 71) u tat-8 ta’ Mejju 2013, Ymeraga et (C‑87/12, EU:C:2013:291, punt 42).


13      Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).


14      Direttiva tal-Kunsill 2003/86, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224).


15      Ara s-sentenza tat-8 ta’ Mejju 2013, Ymeraga et (C‑87/12, EU:C:2013:291, punti 24 sa 33), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, minn naħa, li d-Direttiva 2003/86 ma kinitx applikabbli għall-membri tal-familja ta’ K. Ymeraga minħabba l-fatt li dan kien ċittadin Lussemburgiż u, min-naħa l-oħra, li d-Direttiva 2004/38 lanqas ma kinitx applikabbli billi K. Ymeraga ma kienx eżerċita d-dritt tiegħu għal moviment liberu. Ara wkoll is-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2012, Iida (C‑40/11, EU:C:2012:691, punti 61 u 65), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li d-Direttiva 2004/83, invokata minn Y. Iida sabiex jikseb “Karta ta’ residenza ta’ membru ta’ familja taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni” abbażi tad-dritt Ġermaniż, ma kinitx applikabbli għas-sitwazzjoni tiegħu, għaliex huwa la kien jakkompanja u lanqas kien ser jingħaqad ma’ membru tal-familja tiegħu, ċittadin tal-Unjoni, li kien eżerċita l-moviment liberu tiegħu.


16      Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001, tal-15 ta’ Marzu 2001, li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 65).


17      Skont l-Artikolu 1(1) u l-lista li tidher fl-anness tar-Regolament Nru 539/2001.


18      Ara s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Koushkaki (C‑84/12, EU:C:2013:862, punt 65).


19      F’dan ir-rigward, nillimita ruħi biex nosserva li, kuntrarjament għal dak li jidher li jifhem dan il-Gvern, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma ppreżentawx applikazzjonijiet għall-ażil diplomatiku, li, fi kliem l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2013/32, ikunu jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u f’dak tas-sistema ta’ ażil komuni Ewropew. Għall-kuntrarju, huma jikkontestaw ksur tad-dritt għall-ażil tagħhom, kif iggarantit mill-Artikolu 18 tal-Karta, minħabba ċ-ċaħda min-naħa tal-awtoritajiet Belġjani tad-dħul tagħhom, ċaħda li tipprekludihom minn rimedju ta’ aċċess legali għall-protezzjoni internazzjonali mogħtija skont din is-sistema. Għaldaqstant ma huwiex eskluż li s-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali tista’ titqies bħala marbuta mad-dritt tal-Unjoni wkoll minħabba l-istatus tagħhom bħala benefiċjarji potenzjali ta’ din il-protezzjoni.


20      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 21).


21      B’konformità mal-Programm ta’ Den Haag: it-tisħiħ tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea (ĠU 2005, C 53, p. 1). Ara l-premessa 3 tal-kodiċi dwar il-viżi.


22      Ara l-punt 59 iktar ’il fuq.


23      Ara, f’dan is-sens ukoll, is-sentenza tas-26 ta’ Settembru 2013, IBV & Cie (C‑195/12, EU:C:2013:598, punti 48, 49 u 61).


24      Fir-rigward tal-portata tal-armonizzazzjoni mfittxija bil-kodiċi dwar il-viżi, ara s-sentenzi tal-10 ta’ April 2012, Vo (C‑83/12 PPU, EU:C:2012:202, punt 42) u tad-19 ta’ Diċembru 2013, Koushkaki (C‑84/12, EU:C:2013:862, punti 49 u 50).


25      Fi kliem il-premessa 29 tal-kodiċi dwar il-viżi, dan il-kodiċi “jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-[KEDB] u mill-[K]arta”.


26      Verżjoni kkonsolidata bbażata fuq id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tad-19 ta’ Marzu 2010, li tistabbilixxi l-Manwal għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal viża u l-emenda tal-viżi maħruġa [C(2010) 1620 finali] u d-deċiżjonijiet ta’ eżekuzzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Awwisu 2011, [C(2011) 5501 finali] u tad-29 ta’ April 2014, C(2014) 2727. Dan il-manwal jinkludi istruzzjonijiet (linji gwida, prattiċi aħjar u rakkomandazzjonijiet) indirizzati lill-persunal konsulari u lill-aġenti tal-awtoritajiet l-oħra sabiex jipproċessaw l-applikazzjonijiet għall-viża u li jiddeċiedu dwarhom, kif ukoll lill-awtoritajiet inkarigati sabiex jemendaw il-viżi maħruġa.


27      Ara s-sentenzi tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 21), u tat-30 ta’ April 2014, Pfleger et (C‑390/12, EU:C:2014:281, punt 34).


28      Ma hemmx għalfejn ngħidu li jekk jiġi osservat dan il-paralleliżmu, ma jistax ikun hemm kwistjoni ta’ ħolqien mill-Karta ta’ kompetenzi ġodda favur l-Unjoni jew ta’ emenda tal-kompetenzi eżistenti, fis-sens tal-Artikolu 51(2) tal-Karta.


29      Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1 tal-KEDB, ara, b’mod partikolari, QEDB, 12 ta’ Diċembru 2001, Bankovic et vs Il‑Belġju et (CE:ECHR:2001:1212DEC005220799, punti 61 u 67), QEDB, 29 ta’ Marzu 2010, Medvedyev et vs Franza u Spanja (CE:ECHR:2010:00329JUD000339403, punti 63 u 64), QEDB, 7 ta’ Lulju 2011, Al-Skeini et vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2011:0707JUD005572107) u QEDB, 23 ta’ Frar 2012 (verżjoni rrettifikata fis-16 ta’ Novembru 2016), Hirsi Jamaa et vs L‑Italja (CE:ECHR:2012:0223JUD002776509, punt 72).


30      Spjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ĠU 2007 C 303, p. 17). Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u tal-Artikolu 52(7) tal-Karta, dawn l-ispjegazzjonijiet għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tagħha. Ara, ukoll, is-sentenza tal-15 ta’ Frar 2016, N. (C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).


31      L-ispjegazzjonijiet relatati mal-Artikolu 52(3) tal-Karta jippreċiżaw li “l-leġislatur, meta qiegħed jistabbilixxi l-limitazzjonijiet għal dawk id-drittijiet, għandu jagħmel hekk b’konformità ma’ l-istess standards iffissati bl-arranġamenti dettaljati tal-limitazzjonijiet previsti fil-KEDB”.


32      L-ispjegazzjonijiet relatati mal-Artikolu 52(3) tal-Karta jispjegaw, f’dan ir-rigward, li l-limitazzjonijiet permessi għad-drittijiet previsti mill-KEDB “huma […] magħmula applikabbli għad-drittijiet koperti b’dan il-paragrafu, mingħajr ma dan jaffetwa b’mod negattiv l-awtonomija tal-liġi ta’ l-Unjoni u dik tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea”.


33      Din il-kwistjoni ser tiġi eżaminata fi-kuntest tal-analiżi tat-tieni domanda preliminari.


34      Il‑Conseil du contentieux des étrangers (kunsill għal ażil u proċeduri ta’ immigrazzjoni) jesponi li mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li l-kunċett ta’ “ġurisdizzjoni” fis-sens tal-Artikolu 1 tal-KEDB huwa primarjament territorjali, billi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni huwa, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, limitat ratione loci għat-territorji tal-Istati kontraenti [ara, b’mod partikolari, QEDB, 12 ta’ Diċembru 2001, Bankovic et vs Il‑Belġju et (CE:ECHR:2001:1212DEC005220799, punti 61 u 67), QEDB, 29 ta’ Marzu 2010, Medvedyev et vs Franza u Spanja CE:ECHR:2010:00329JUD000339403, punti 63 u 64), QEDB, 7 ta’ Lulju 2011, Al‑Skeini et vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2011:0707JUD005572107), u QEDB 23 ta’ Frar 2012 (verżjoni rrettifikata tas-16 ta’ Novembru 2016), Hirsi Jamaa vs L‑Italja (CE:ECHR:2012:0223JUD002776509, punt 72)]. Kundizzjoni ta’ territorjalità tapplika wkoll, skont il-qorti tar-rinviju, għall-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Genève.


35      Iktar loġikament l-Artikolu 25(1)(a)(i) tal-kodiċi dwar il-viżi ma jirreferix għall-Artikolu 6(1)(b) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen li jirrikjedi li ċ-ċittadin tal-pajjiż terz jkun fil-pussess ta’ viża valida.


36      Ara l-punti 49 sa 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


37      Iċċitat fin-nota ta’ qiegħ-il paġna 26, punt 9.1.2, p. 80.


38      Ara s-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Koushkaki (C‑84/12, EU:C:2013:862, punt 37).


39      Ara, b’mod partikolari, l-verżjonijiet ta’ dan l-artikolu fil-lingwa Ġermaniża (“wird […] erteilt”), Spanjola (“[s]e expedirá”), Taljana (“sono rilasciati”), Portugiża (“é emitido”), Finlandiża (“myönnetään”), Svediża (“ska […] utfärdas”) u Ingliża (“shall be issued”).


40      Ara l-punt 82 u 83 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


41      Infakkar li, skont l-Artikolu 25(2) tal-kodiċi dwar il-viżi, din il-viża tista’ wkoll, eċċezzjonalment, tiġi rrikonoxxuta bħala valida għat-territorju ta’ Stat Membru wieħed jew iktar.


42      In-natura assoluta tad-dritt stabbilit fl-Artikolu 4 tal-Karta, li huwa strettament marbut ma’ dak tar-rispett tad-dinjità tal-bniedem, tfakkar mill-Qorti tal-Ġustizzja. Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 85) u tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 56).


43      Ara, f’dan is-sens, l-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta tad-Drittijet Fundamentali (ĠU L 2007, C 303, p. 17) kif ukoll is-sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 86).


44      Sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 87).


45      Ara s-sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 87), kif ukoll, b’analoġija, QEDB, 13 ta’ Diċembru 2012, El-Masri vs l-Ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (CE:ECHR:2012:1213JUD003963009, punt 195 u l-ġurisprudenza ċċitata).


46      Ara, b’analoġija, QEDB, 23 ta’ Frar 2012 (verżjoni rrettifikata fis-16 ta’ Novembru 2016), Hirsi Jamaa et vs L‑Italja (CE:ECHR:2012:0223JUD002776509, punt 122).


47      Ara, b’mod partikolari, b’analoġija, QEDB, 28 ta’ Marzu 2000, Mahmut Kaya vs It‑Turkija (CE:ECHR:2000:0328JUD002253593, punt 115), tal-25 ta’ April 2013, Savriddin Dzhurayev vs Ir-Russja (CE:ECHR:2013:0425JUD007138610, punt 179), tat-13 ta’ Diċembru 2012, El-Masri vs Ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, (CE:ECHR:2012:1213JUD003963009, punt 198), tal-25 ta’ Marzu 2013, Savriddin Dzhurayev vs Russie (CE:ECHR:2013:0425JUD007138610, punt 179), u QEDB 23 ta’ Frar 2016, Nasr u Ghali vs L-Italja (CE:ECHR:2016:0223JUD004488309, punt 283).


48      Ara b’mod partikolari, b’analoġija, QEDB 28 ta’ Marzu 2000, Mahmut Kaya vs It‑Turija (CE:ECHR:2000:0328JUD002253593, punt 115), QEDB 13 ta’ Diċembru 2012, El-Masri vs L-Ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (CE:ECHR:2012:1213JUD003963009, punt 198), u QEDB 23 ta’ Frar 2016, Nasr u Ghali vs L‑Italja (CE:ECHR:2016:0223JUD004488309, punt 283).


49      Ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, QEDB, 13 ta’ Diċembru 2012, El-Masri vs L‑Ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (CE:ECHR:2012:1213JUD003963009, punt 213). Ara, wkoll, QEDB, 23 ta’ Frar 2016, Nasr u Ghali vs L‑Italja (CE:ECHR:2016:0223JUD004488309, punt 289).


50      Ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, QEDB, 13 ta’ Diċembru 2012, El-Masri vs L-Ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (CE:ECHR:2012:1213JUD003963009, punt 213), u QEDB 23 ta’ Frar 2016, Nasr u Ghali vs L‑Italja (CE:ECHR:2016:0223JUD004488309, punt 289).


51      Ara b’analoġija, f’dan is-sens, QEDB, 13 ta’ Diċembru 2012, El-Masri vs L-Ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, (CE:ECHR:2012:1213JUD003963009, punt 212 u l-ġurisprudenza ċċitata).


52      Ara f’dan is-sens, b’analoġija, QEDB, 13 ta’ Diċembru 2012, El-Masri vs L-Ex‑Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (CE:ECHR:2012:1213JUD003963009, punt 214).


53      Ara, b’mod partikolari, b’analoġija, f’dan is-sens, QEDB, 28 ta’ Frar 2008, Saadi vs L‑Italja (CE:ECHR:2008:0228JUD003720106, punti 131 u 143), QEDB 17 ta’ Lulju 2008, M.S.S. vs Il‑Belġju u Il‑Greċja, (CE:ECHR:2011:0121JUD003069609, punti 227 u 255), QEDB, 23 ta’ Frar 2012 (verżjoni rettifikata fis-16 ta’ Novembru 2016), Hirsi Jamaa et vs L‑Italja (CE:ECHR:2012:0223JUD002776509, punti 116 u 118), u QEDB 23 ta’ Awwissu 2016, J.K. et vs L‑Isvezja(CE:ECHR:2016:0823JUD005916612, punt 90). F’kuntest ieħor, ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2016, Petruhhin (C‑182/15, EU:C:2016:630, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).


54      Ara, b’analoġija, QEDB, 3 ta’ Lulju 2014, Georgia vs Ir‑Russja (I), (CE:ECHR:2014:0703JUD001325507, punt 138), u QEDB 23 ta’ Awwissu 2016, J.K et vs L‑Isvezja (CE:ECHR:2016:0823JUD005916612, punti 88 u 90).


55      Ara, b’analoġija, QEDB, 23 ta’ Awwissu 2016, J.K et vs L‑Isvezja (CE:ECHR:2016:0823JUD005916612, punt 89).


56      Fis-sentenza tal-21 ta’ Jannar 2011, M.S.S. vs Il‑Belġju u Il‑Greċja (CE:ECHR:2011:0121JUD003069609, punt 366), il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li kien hemm ksur mir-Renju tal-Belġju tal-obbligu previst fl-Artikolu 3 tal-KEDB wara li kkonstatat li, meta ġiet adottata l-miżura inkwistjoni f’dik il-kawża, il-“fatti kienu pubblikament magħrufa u faċli li jiġu vverifikati minn numru kbir ta’ sorsi”.


57      Ara Conseil du contentieux des étrangers (kunsill għal ażil u proċeduri ta’ immigrazzjoni), sentenza Nru 175973 tas-7 ta’ Ottubru 2016, X/III vs L-Istat Belġjan, p. 8. Ara wkoll, Conseil du contentieux des étrangers (kunsill għal ażil u proċeduri ta’ immigrazzjoni), sentenza Nru 176363 tal-14 ta’ Ottubru 2016, X/I vs L-Istat Belġjan, p. 8.


58      Ara Kummissjoni Ewropea, Għajnuna Umanitarja u protezzjoni ċivili, Fiche-info ECHO, kriżi Sirjana, ta’ Settembru 2016, aċċessibbli fuq is-sit internet: http://ec.europa.eu/echo/files/aid/countries/factsheets/syria_fr.pdf#view=fit.


59      Riżoluzzjoni 2328 (2016) adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti fid-19 ta’ Diċembru 2016.


60      Riżoluzzjoni 2332 (2016) adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti fil-21 ta’ Diċembru 2016.


61      Riżoluzzjoni 2332 (2016) adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti fil-21 ta’ Diċembru 2016.


62      Skont l-informazzjoni ppubblikata fl-20 ta’ Ottubru 2016 mis-sezzjoni Franċiża ta’ Amnesty International, bejn id-19 ta’ Settembru u s-16 ta’ Ottubru 2016, Aleppo kienet il-vittma ta’ mhux inqas minn 600 attakk mill-ajru, li matulhom inqatlu mijiet ta’ persuni ċivili, indarbu eluf, u sensiela ta’ infrastrutturi essenzjali nqerdu jew ġarrbu ħsarat. Ara, f’dan ir-rigward, Amnesty International: https://www.amnesty.fr/conflits-armes-et-populations/actualites/alep--de-nouvelles-preuves-de-crimes-de-guerre


63      Ara, fost sorsi differenti, S. Rand, “Syria: Church on Its Knees”, Open Doors Advocacy Report, May 2012, aċċessibbli fuq is-sit internet https://www.opendoorsuk.org/pray/documents/Syria_Advocacy_Report.pdf, K. Eghdamian, “Religious Plurality and the Politics of Representation in Refugee Camps: Accounting for the Lived Experiences of Syrian Refugees Living in Zaatari”, Oxford Monitor of Forced Migration, N2u 1, 2014, p. 38, kif ukoll il-proposta tar-rappreżentanti tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-refuġjati ta’ April 2016: http://www.thewhig.com/2016/04/03/syrian-christian-refugees-persecuted. Fil-kapitolu dwar is-Sirja tar-rapport annwali tagħha għall-2016, il-United States Commission for International Religious Freedom (USCIRF) tfakkar li f’Diċembru 2015 hija kkonkludiet li l-grupp armat Daesch/Stat Islamiku kien ikkommetta ġenoċidju fil-konfront ta’ diversi minoranzi reliġjużi, fosthom l-Insara Sirjani: ara http://www.uscirf.gov/sites/default/files/USCIRF_AR_2016_Tier1_2_Syria.pdf


64      Skont studju tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjonijiet (OIM), li sar fl-2016, wara li iktar minn 6000 ċittadini Sirjani u Iraqqini waslu fl-Ewropa, il-prezz għall-vjaġġ lejn l-Ewropa kien jitla’ ivarja bejn madwar USD 1000 u USD 5000 USD kull persuna: ara http://migration.iom.int/docs/Analysis_Flow_Monitoring_Surveys_in_the_Mediterranean_and_Beyond_8_December_2016.pdf


65      Ta’ spiss sempliċi dingi.


66      Skont l-NGO Médecins Sans Frontières (MSF), madwar 5000 irġiel, nisa u tfal mietu fl-2016 waqt li kienu qed jippruvaw jaqsmu l-Mediterran, iżda din id-data hija biss stima billi numru kbir ta’ kadavri baqgħu qatt ma nstabu. MSF kriet tliet vapuri fl-2015 u l-2016 għat-tfittxija u għajnuna fuq il-baħar, u l-maġġoranza tal-persuni li ġew salvati kienu ġejjin mis-Sirja: ara http://www.msf.fr/actualite/dossiers/operations-recherche-et-sauvetage-migrants-en-mediterranee. Skont UNHCR, bejn ix-xahar ta’ Jannar u x-xahar ta’ Novembru 2016, iktar minn 350 000 persuna waslu permezz tal-baħar fil-Greċja u fl-Italja, il-maġġoranza fosthom Sirjani. Il-kalkoli tan-numru ta’ mejtin u mitlufa fil-baħar Mediterran huma approssimattivi l-istess bħal dawk ta’ MSF. Ara d-dokumenti aċċessibbli fuq is-sit internet: http://data.unhcr.org/mediterranean/regional.php. Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ April 2016 fuq is-sitwazzjoni fil-Mediterran u fuq il-ħtieġa ta’ approċċ globali tal-migrazzjonijiet min-naħa tal-Unjoni, il-Parlament irrilevali “n-netwerks kriminali u t-traffikanti jisfruttaw id-disprament tal-persuni li qed jippruvaw jidħlu fl-Unjoni u jaħarbu mill-persekuzzjoni jew il-gwerra”, “li r-refuġjati għandhom ftit rotot siguri u legali sabiex jidħlu fl-Unjoni u li ħafna jibqgħu jieħdu r-riskju ta’ rotot perikolużi”; ara http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P8-TA-2016-0102+0+DOC+XML+V0//FR


67      F’rapport tat-8 ta’ Mejju 2015 (Doc. A/HRC/29/36, paragrafu 34), ir-Relatur speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-migrant jenfasizza li ċ-ċaħda li jiġi żgurat dħul legali fl-Unjoni Ewropea jikkostitwixxi minnu nnifsu “fattur prinċipali” tal-“kawżi profondi” tal-użu ta’ traffikanti mill-persuni li qegħdin ifittxu protezzjoni internazzjonali u jaħarbu minn sitwazzjoni ta’ kriżi umanitarji: ara www.ohchr.org/EN/HRBodies/HRC/.../A_HRC_29_36_FRE.DOCX.


68      Ara https://data.unhcr.org/syrianrefugees/country.php?id=122.


69      Ara UNHCR, Vulnerability Assessment of Syrian Refugees in Lebanon, 2016, p. 13. Dawn il-miżuri huma maħsuba espressament sabiex inaqqsu l-fluss ta’ refuġjati lejn il-Libanu: ara http://www.lemonde.fr/proche-orient/article/2015/01/05/le-liban-regule-l-entree-des-refugies-syriens-en-leur-imposant-d-obtenir-un-visa_4549504_3218.html.


70      Għal kull bon fini, infakkar li, anki jekk Stat terz ikun irretifika l-Konvenzjoni ta’ Genève, din iċ-ċirkustanza ma tfissirx li teżisti preżunzjoni inkonfutabbli tal-osservanza ta’ din il-konvenzjoni u tad-drittijiet fundamentali fir-rigward tal-persuni li qegħdin ifittxu protezzjoni internazzjonali u tal-applikanti għall-ażil: ara, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punti 102 sa 104).


71      Ara, b’mod partikolari, Human Rights Watch, World Report, 2016, Lebanon, https://www.hrw.org/world-report/2016/country-chapters/lebanon. Ara wkoll, Janmyr, M., “Precarity in Exile: the Legal Status of Syrian Refugees in Lebanon”, Refugee Survey Quaterly, Nru 4, 2016, p. 58-78.


72      Ara Kummissjoni Ewropea, Gġajnuna Umanitarja u protezzjoni ċivili, Fiche-info ECHO, Kriżi Sirjana, ta’ Settembru 2016, http://ec.europa.eu/echo/files/aid/countries/factsheets/syria_fr.pdf#view=fit.


73      Skont l-istudju tal-UNHCR, Vulnerability Assessment of Syrian Refugees in Lebanon, p. 3 u 35, 42 % mill-familji għandhom refuġji li ma jissodisfawx l-istandards umanitarji minimi, filwaqt li kważi nofs mit-tfal bejn is-6 u l-14-il sena ma jattendux l-iskola u jbatu minn ħafna mard u infezzjonijiet. 15 % biss mit-tfal Sirjani fil-Libanu jirċievu kwantità suffiċjenti ta’ ikel li tikkorrispondi mal-istandards tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.


74      Ara, b’mod partikolari, http://observers.france24.com/fr/20160708-tensions-latentes-entre-libanais-syriens-camp-refugie-incendie u http://www.al-monitor.com/pulse/originals/2016/09/lebanon-plan-return-syrian-refugees.html. Ara wkoll, Balouziyeh, J.M.B., Hope and Future. The Story of Syrian Refugees, Time Books, 2016, p. 56-57.


75      Ara Amnesty International, “Cinq ans de crise, cinq millions de réfugiés syriens”, [Ħames snin ta’ kriżi, ħames miljuni ta’ rifuġjati Sirjani] 30 ta’ Marzu 2016, https://www/amnesty.org/fr/latest/news/2016/03.


76      Eghdamian, K., “Religious Plurality and the Politics of Representation in Refugee Camps: Accounting for the Lived Experiences of Syrian Refugees Living in Zaatari”, Oxford Monitor of Forced Migration, Nru 1, 2014, p. 38 kif ukoll Johnston, G., “Syrian Christian refugees persecuted”, 3 ta’ April 2016, http://www.thewhig.com/2016/04/03/syrian-christian-refugees-perscuted.


77      Ara, f’dan is-sens, QEDB, 23 ta’ Frar 2012 (verżjoni rrettifikata fis-16 ta’ Novembru 2016), Hirsi Jamaa et vs L‑Italja (CE:ECHR:2012:0223JUD002776509, punti 146 sa 158), li tikkonstata r-responsabbiltà tal-Istat Taljan taħt l-Artikolu 3 tal-KEDB talli ma żgurax ruħu li ċ-ċittadini mkeċċija lejn pajjiż terz intermedjarju, li ma kienx irretifika l-Konvenzjoni ta’ Genève, ikollhom garanziji suffiċjenti li jevitaw ir-riskju li jintbagħtu lura arbitrarjament fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, b’mod partikolari fid-dawl tal-assenza ta’ proċedura ta’ ażil fil-pajjiż terz intermedjarju u tal-impossibbiltà li l-istatus ta’ refuġjat mogħti mill-UNHCR jiġi rrikonoxxut mill-awtoritajiet f’dan il-pajjiż.


78      Għal tfakkir reċenti, ara, b’mod partikolari, għal eżempji reċenti, QEDB 1 ta’ Ġunu 2010 (verżjoni rrettifikata fit-3 ta’ Ġunju 2010), Gäfgen vs Il‑Ġermanja (CE:ECHR:2010:0601JUD002297805, punt 123), u QEDB 26 ta’ April 2016, Murray vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi (CE:ECHR:2016:0426JUD001051110, punt 104).


79      Filwaqt li jibbażaw ruħhom fuq informazzjoni provenjenti mill-Kummissarjat Ġenerali għar-Refuġjati u għall-Apolidi fil-Belġju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali allegaw quddiem il-qorti tar-rinviju, mingħajr ma ġew ikkontestati mill-Istat Belġjan, li, fl-2015, madwar 98 % tad-deċiżjonijiet tal-Kummissarjat Ġenerali għar-Refuġjati u għall-Apolidi li jikkonċernaw iċ-ċittadini Sirjani kienu wasslu għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali. Jidher li l-maġġoranza kbira kienu waslu permezz ta’ rotot illegali.


80      Ara f’dan is-sens, b’analoġija, l-opinjoni konkordanti tal-Imħallef Pinto de Albuquerque mogħtija fis-sentenza tal-QEDB tat-23 ta’ Frar 2012 (verżjoni rrettifikata fis-16 ta’ Novembru 2016), Hirsi Jamaa et vs L‑Italja (CE:ECHR:2012:0223JUD002776509, punt 73).


81      Preambolu tat-TUE.


82      Infakkar li, skont l-Artikolu 3(1) u (5) TUE “Il-mira ta’ l-Unjoni hija li tippromwovi l-paċi, [u] l-valuri tagħha”, u “tafferma u tippromwovi l-valuri […] tagħha”, “fir-relazzjonijiet tagħha mal-bqija tad-dinja ”, billi tikkontribwixxi għall-“protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem b’mod partikolari dawk tat-tfal (korsiv miżjud minni). Skont l-Artikolu 4 TUE, l-Istati Membri għandhom jieħdu kull miżura ġenerali jew partikolari xierqa sabiex jiżguraw li l-obbligi li joħorġu mit-Trattati jew li jirriżultaw mill-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jitwettqu.


83      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Frar 2009, Elgafaji (C‑465/07, EU:C:2009:94) rigward l-aċċess għall-protezzjoni sussidjarja ta’ ċittadin orġinarju minn pajjiż fejn hemm kunflitt intern li jiġġenera vjolenza indiskriminata, is-sentenzi tal-5 ta’ Settembru 2012, Y u Z (C‑71/11 u C‑99/11, EU:C:2012:518) u tas-7 ta’ Novembru 2013, X et (C‑199/12 à C‑201/12, EU:C:2013:720) li tikkonċerna l-aċċess għall-istatus ta’ refuġjat favur ċittadini ta’ pajjiż terz fejn huwa stabbilit li r-ritorn lejn il-pajjiż ta’ oriġini ser jesponihom għal riskju reali ta’ persekuzzjoni minħabba t-twemmin reliġjuż tagħhom jew minħabba l-omosesswalità tagħhom.


84      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 162.


85      Iċ-ċirkustanza li l-proċedura prevista mid-Direttiva 2001/55 ma kinitx inbdiet favur iċ-ċittadini Sirjani, għalkemm tista’ tidher sorprendenti, ma hijiex deċiżiva rigward l-argument legali li ser jiġi espost.


86      Rigward dawn il-kundizzjonijiet, ara, b’mod partikolari, https://www.refugees-lebanon.org/en/news/35/qa-on-new-entry--renewal-procedures-for-syrians-in-lebanon.


87      Jirriżulta fil-fatt mill-fajl li t-talba inizjali magħmula f’isem ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali mill-avukat tagħhom għand il-konsolat tar-Renju tal-Belġju fil-Libanu kienet ġiet ikkunsidrata bħala inammissibbli sa fejn ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kinux marru personalment għand dak il-konsolat.


88      Fuq din l-operazzjoni, ara, b’mod partikolari, http://www.lesoir.be/930953/article/actualite/Il-Belġju/2015-07-08/Il-Belġju-secouru-244-chretiens-alep u http://www.myria.be/fr/donnees-sur-la-migration/asile-et-protection-internationale/visas-humanitaires.


89      Dawn l-għanijiet jidhru rispettivament fl-Artikoli 79 u 83 TFUE.


90      Fil-komunikazzjoni tagħha tal-10 ta’ Frar 2016 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fuq l-istadju ta’ progress fl-implementazzjoni tal-azzjonijiet prijoritarji previsti mill-agenda Ewropea fil-qasam ta’ migrazzjoni [COM (2016) 85 finali], il-Kummissjoni tenfasizza (p. 2) li “[m]a nistgħux nikkuntentaw ruħna li nilqgħu għall-konsegwenzi tal-flussi migratorji mhux ikkontrollati u rregolari, izda għandna nkunu verament kapaċi li niġġestixxu dawn il-flussi, billi nipprovdu lill-persuni li għandhom bżonn ta’ protezzjoni possibbiltajiet legali u organizzati li jaċċedu għat-territorju tal-Unjoni Ewropea”. Hekk ukoll, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ April 2016 (punt R) dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u fuq il-ħtieġa ta’ approċċ globali ta’ migrazzjonijiet lejn l-Unjoni Ewropea, il-Parlament jenfasizza preċiżament li jiġi żgurat lil applikanti għall-ażil u lir-refuġjati li jinqdew minn “rotot sguri u legali” sabiex jidħlu fl-Unjoni sabiex jippermettu lilha u lill-Istati Membri li “jwaqqfu l-attivitajiet tat-traffikanti”: ara http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+TA+P8-TA-2016-0102+0+DOC+XML+V0//FR.


91      Ara s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punt 93).