Language of document : ECLI:EU:F:2015:37

SENTENZA TAT‑TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tieni Awla)

29 ta’ April 2015 (*)

[Test rettifikat bid-Digriet tat-13 ta’ Mejju 2015]

“Servizz pubbliku — Promozzjoni — Proċedura ta’ promozzjoni 2011 — Nuqqas ta’ inklużjoni fil-lista tal-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi — Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal — Anzjanità ta’ sentejn fil-grad — Assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodu ta’ xogħol imwettaq bħala membru tal-persunal temporanju — Differenza fit-trattament minħabba n-natura legali tar-reklutaġġ tal-ħaddiema kkonċernati — Direttiva 1999/70/KE — [kif rettifikat bid-Digriet tat-13 ta’ Mejju 2015] Ftehim qafas bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien indeterminat — Klawżola 4 — Invokabbiltà — Esklużjoni”

Fil-Kawża F‑78/12,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu,

Viara Todorova Androva, uffiċjal tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, residenti f’Rhode-Saint-Genèse (il-Belġju), irrappreżentata minn M. Velardo, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J. Herrmann u M. Bauer, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J. Currall u G. Gattinara, bħala aġenti,

u

Il-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn T. Kennedy, N. Scafarto u K. Zavřelová, bħala aġenti, sussegwentement minn N. Scafarto, bħala aġent,

intervenjenti,

IT‑TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla),

komposta minn K. Bradley (Relatur), President, H. Kreppel u M. I. Rofes i Pujol, Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Jannar 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-25 ta’ Lulju 2012, V. Todorova Androva ppreżentat rikors intiż, essenzjalment, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li ma jinkludihiex fil-lista tal-uffiċjali li setgħu jiġu promossi fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni 2011 u, min-naħa l-oħra, għall-kumpens tad-dannu materjali u morali li hija allegatament ġarrbet minħabba l-illegalità ta’ din id-deċiżjoni.

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), jipprovdi:

“Il-promozzjoni tkun b’deċiżjoni mill-Awtorità tal-Ħatra fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 6(2). Tkun effettwata bil-ħatra ta’ l-uffiċjal għall-grad aktar għoli li jmis fil-grupp tal-funzjoni li miegħu jappartjeni. Il-promozzjoni għandha tkun esklussivament bl-għażla fost l-uffiċjali li għamlu perjodu minimu [li jkollhom anzjanità] ta’ sentejn fil-grad tagħhom, wara konsiderazzjoni tal-meriti komparabbli ta’ l-uffiċjali eliġibbli għal promozzjoni. […]”

3        Fit-28 ta’ Ġunju 1999, il-Kunsill adotta d-Direttiva 1999/70/KE, dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).

4        Skont il-Klawżola 1 tal-Ftehim qafas konkluż bejn CES, UNICE u CEEP fuq ix-xogħol għal żmien determinat, li jinsab anness mad-Direttiva 1999/70 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas”), l-għan ta’ dan il-ftehim qafas huwa:

“[…]

(a)      li titjieb il-kwalità ta’ xogħol għal terminu fiss billi tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni;

(b)      li jistabbilixxi qafas biex jipprevjeni l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ l-impjieg għal terminu fiss.”

5        Il-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas, intitolata “Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni”, tipprovdi:

“1.      Fejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, ħaddiema għal terminu fiss m’għandhomx jiġu trattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem kumparabbli permanenti biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva.

[…]

4.      Kwalifiki ta’ perjodu ta’ servizz relatati għall-kondizzjonijiet partikolari ta’ l-impjieg għandhom ikunu l-istess għal ħaddiema għal terminu fiss kif ukoll għal ħaddiema permanenti ħlief meta kwalifiki ta’ tul ta’ servizz differenti huma ġustifikati fuq bażi oġġettivi.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

6        Ir-rikorrenti kienet ġiet irreklutata mill-Kunsill, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2006, bħala membru tal-persunal temporanju fis-sens tal-Artikolu 2(b) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni tagħhom li kienet applikabbli dak iż-żmien (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”). Hija kienet ikklassifikata fil-grad AD 5 u kienet assenjata, bħala amministratur lingwistiku, lill-Unità tal-lingwa Bulgara fi ħdan id-Direttorat “Traduzzjoni u produzzjoni ta’ dokumenti” tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Persunal u amministrazzjoni” tas-Segretarjat Ġenerali. Kien previst li l-kuntratt ta’ reklutaġġ, kif emendat permezz ta’ diversi addenda suċċessivi, kellu jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2010.

7        Peress li fil-frattemp kienet għaddiet mill-kompetizzjoni EPSO/AD/166/09, ir-rikorrenti nħatret bħala uffiċjal bi prova fil-grad AD 5, permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Novembru 2010 li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2010. Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 32 tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-rikorrenti żammet l-anzjanità tagħha fl-iskala li hija kienet kisbet bħala membru tal-persunal temporanju u, sussegwentement, kienet ikklassifikata fl-iskala 4.

8        Huwa paċifiku bejn il-partijiet li, wara l-ħatra tagħha bħala uffiċjal bi prova, ir-rikorrenti kompliet teżerċita l-istess kompiti bħalma kienet diġà teżerċita bħala membru tal-persunal temporanju.

9        Permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2011, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2011, ir-rikorrenti nħatret uffiċjal permanenti.

10      Permezz tal-Avviż lill-persunal Nru 87/11 tat-12 ta’ Settembru 2011, l-Awtorità tal-Ħatra ppubblikat il-lista tal-uffiċjali li setgħu jiġu promossi fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni 2011. L-isem tar-rikorrenti ma kienx inkluż f’din il-lista.

11      Fis-17 ta’ Ottubru 2011, ġie ppubblikat l-Avviż lill-persunal Nru 100/11 bil-lista tal-uffiċjali promossi fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni 2011. L-isem tar-rikorrenti ma kienx inkluż f’din il-lista.

12      Fid-9 ta’ Diċembru 2011, ir-rikorrenti ressqet ilment kontra d-deċiżjoni li ma tkunx inkluża fil-lista tal-uffiċjali li setgħu jiġu promossi, kif tirriżulta mill-Avviż lill-persunal Nru 87/11.

13      Permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ April 2012, l-Assistent Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, fil-kwalità tiegħu ta’ Awtorità tal-Ħatra, ċaħad l-ilment minħabba, b’mod partikolari, li r-rikorrenti ma kellhiex sentejn ta’ anzjanità fil-grad mill-ħatra tagħha bħala uffiċjal, kif meħtieġ mill-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal sabiex uffiċjal jiġi inkluż fil-lista tal-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li tiċħad l-ilment”).

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

14      Fid-dawl tar-riżenja tal-Imħallef Relatur li lilu l-kawża kienet inizjalment assenjata u tal-bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli, il-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku nnomina, fis-6 ta’ Mejju 2013, Imħallef Relatur ġdid.

15      Permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Ġunju 2013, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku informa lill-partijiet li kellu l-intenzjoni jistieden lill-Parlament Ewropew, lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u lill-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea sabiex jintervjenu fil-proċedura u talabhom jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom f’dan ir-rigward.

16      Peress li l-partijiet ma oġġezzjonawx għall-istedina ta’ intervent ikkunsidrata, l-interventi tal-Kummissjoni u tal-Qorti tal-Awdituri ġew ammessi permezz ta’ digriet tal-President tat-Tieni Awla tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-4 ta’ Diċembru 2013 (Todorova Androva vs Il-Kunsill, F‑78/12, EU:F:2013:206). Il-Parlament u l-Qorti tal-Ġustizzja ma xtaqux jintervjenu fil-kawża ineżami.

17      Il-Kummissjoni u l-Qorti tal-Awdituri ppreżentaw in-nota ta’ intervent tagħhom fl-14 u fil-15 ta’ Jannar 2014 rispettivament.

18      Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Frar 2014, il-Kunsill informa lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li ma kellux osservazzjonijiet dwar in-noti ta’ intervent tal-Kummissjoni u tal-Qorti tal-Awdituri. Fl-10 ta’ Marzu 2014, ir-rikorrenti bagħtet l-osservazzjonijiet tagħha dwar in-noti ta’ intervent tal-Kummissjoni u tal-Qorti tal-Awdituri.

19      Ir-rikorrenti titlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jannulla d-deċiżjoni, kif tirriżulta mill-Avviż lill-persunal Nru 87/11, tat-12 ta’ Settembru 2011, li ma tkunx inkluża fil-lista tal-uffiċjali li setgħu jiġu promossi fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni 2011;

–        jannulla d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment;

–        jikkundanna lill-Kunsill iħallas kumpens għad-danni materjali u morali stmati b’mod provviżorju fl-ammont ta’ EUR 40 000 u li ser jiġu ddefiniti b’mod iktar preċiż fil-mori tal-kawża, kif ukoll l-interessi ta’ kumpens u ta’ dewmien bir-rata ta’ 6.75 %;

–        jikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

20      Il-Kunsill jitlob li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu:

–        jiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        jikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

21      Il-Kummissjoni u l-Qorti tal-Awdituri jitolbu li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jogħġbu jiċħad ir-rikors u jikkundanna lir-rikorrenti għal-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq it-talbiet indirizzati kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment

22      Skont il-ġurisprudenza, it-talbiet għal annullament imressqa formalment kontra ċ-ċaħda ta’ lment għandhom l-effett li jressqu quddiem il-qorti l-att li kontrih ikun ġie ppreżentat l-ilment meta dawn it-talbiet ikunu, fihom infushom, nieqsa minn kontenut awtonomu (sentenza Balionyte-Merle vs Il-Kummissjoni, F‑113/12, EU:F:2013:191, punt 24, u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Fil-kawża ineżami, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata li d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment tikkonferma d-deċiżjoni li isem ir-rikorrenti ma jiġix inkluż fil-lista tal-uffiċjali li setgħu jiġu promossi, filwaqt li tipprovdi l-motivazzjoni ta’ din id-deċiżjoni. F’tali każ, għandha effettivament tiġi eżaminata l-legalità tal-att inizjali li jikkawża preġudizzju, billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni li tiċħad l-ilment, sa fejn din il-motivazzjoni hija preżunta li tikkoinċidi ma’ dan l-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Birkhoff, T‑377/08 P, EU:T:2009:485, punti 58 u 59, u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Għaldaqstant, it-talbiet għal annullament imressqa kontra d-deċiżjoni li tiċħad l-ilment ma għandhomx kontenut awtonomu u r-rikors għandu jitqies li huwa ppreżentat kontra d-deċiżjoni, kif tirriżulta mill-Avviż lill-persunal Nru 87/11, tat-12 ta’ Settembru 2011, li r-rikorrenti ma tiġix inkluż fil-lista tal-uffiċjali li setgħu jiġu promossi fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni 2011 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li l-motivazzjoni tagħha hija ppreċiżata permezz tad-deċiżjoni li tiċħad l-ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Eveillard vs Il-Kummissjoni, T‑258/01, EU:T:2004:177, punti 31 u 32, u Buxton vs Il-Parlament, F‑50/11, EU:F:2012:51, punt 21).

 Fuq it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

25      Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti tqajjem formalment tliet motivi, ibbażati rispettivament:

–        l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni;

–        it-tieni wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament;

–        it-tielet wieħed, fuq ksur tad-dmir ta’ premura.

26      Madankollu, fid-dawl tal-argumenti mressqa mir-rikorrenti insostenn tat-talbiet tagħha u fid-dawl tal-preċiżazzjonijiet mogħtija minnha matul is-seduta, l-ewwel motiv għandu jinftiehem bħala li huwa bbażat prinċipalment fuq ksur tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal u sussidjarjament, permezz ta’ eċċezzjoni, fuq l-illegalità tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal sa fejn ma josservax il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, kif espress fil-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal u, permezz ta’ eċċezzjoni, fuq l-illegalità ta’ din id-dispożizzjoni

–       L-argumenti tal-partijiet

27      Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li hija kienet vittma ta’ diskriminazzjoni mhux ġustifikata fil-konfront tal-uffiċjali li setgħu jiġu promossi dovuta għall-fatt li hija kienet wettqet, bħala membru tal-persunal temporanju, kompiti identiċi għal dawk ta’ uffiċjal, u għall-fatt li, madankollu, il-perijodi ta’ servizz li hija wettqet bħala membru tal-persunal temporanju ma ttieħdux inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu ta’ sentejn ta’ anzjanità fil-grad neċessarji, skont l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, sabiex tkun tista’ tiġi promossa. Fil-fatt, sa mid-dħul fis-servizz tagħha bħala membru tal-persunal temporanju, ir-rikorrenti kienet dejjem eżerċitat l-istess funzjonijiet.

28      Permezz tal-ewwel motiv, kif ippreċiżat mir-rikorrenti fl-osservazzjonijiet tagħha dwar in-noti ta’ intervent u matul is-seduta, ir-rikorrenti ssostni, prinċipalment, li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, skontha, il-Kunsill interpreta din id-dispożizzjoni fis-sens li, sabiex jiġu kkalkolati s-sentejn ta’ anzjanità fil-grad li għandu jkollhom l-uffiċjali sabiex ikunu jistgħu jiġu promossi, l-anzjanità li eventwalment ikunu kisbu l-uffiċjali li, bħar-rikorrenti, kienu membri tal-persunal temporanju qabel ma nħatru uffiċjali permanenti ma kellhiex tittieħed inkunsiderazzjoni. Skont ir-rikorrenti, il-formulazzjoni tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal tippermetti tali teħid inkunsiderazzjoni u din l-interpretazzjoni hija l-unika waħda li tkun konformi mad-Direttiva 1999/70.

29      Ir-rikorrenti tqis li, jekk l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jkunx jista’ jiġi interpretat fis-sens li jippermetti t-teħid inkunsiderazzjoni tal-anzjanità miksuba bħala membru tal-persunal temporanju għall-finijiet tal-kalkolu tas-sentejn ta’ anzjanità fil-grad neċessarji sabiex uffiċjal ikun jista’ jiġi promoss għall-grad superjuri, dan l-artikolu jkun kuntrarju għad-Direttiva 1999/70 u għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif espress f’din id-direttiva, u għalhekk ikollu jiġi ddikjarat illegali.

30      Skont ir-rikorrenti, fis-sentenza Rosado Santana (C‑177/10, EU:C:2011:557), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Ftehim qafas kellu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi kull differenza fit-trattament bejn l-“impjegati permanenti taċ-ċivil” u l-“impjegati temporanji taċ-ċivil”, sakemm din id-differenza ma tkunx ibbażata fuq raġuni oġġettiva, u li, għalhekk, kien kuntrarju għal dan il-ftehim qafas il-fatt li ma jitteħidx inkunsiderazzjoni, sabiex jiġi ddeterminat jekk persuna setgħetx tkun intitolata għal promozzjoni, perijodu ta’ servizz imwettaq minn din il-persuna bħala “impjegat temporanju taċ-ċivil” qabel ma saret permanenti.

31      Ir-rikorrenti tqis li d-Direttiva 1999/70 tapplika għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni fir-relazzjonijiet tagħhom mal-membri tal-persunal tagħhom. Hija ssostni li l-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas, li fuq il-bażi tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-perijodi ta’ servizz imwettqa bħala membru tal-persunal temporanju kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fuq bażi ugwali bħall-perijodi ta’ servizz imwettqa bħala uffiċjal permanenti, tikkostitwixxi l-espressjoni tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, li huwa “prinċipju fundamentali”.

32      Sussidjarjament, ir-rikorrenti tqis li, anki jekk it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li hija ma tistax tinvoka l-eżistenza ta’ prinċipju fundamentali, l-istituzzjonijiet huma obbligati jinterpretaw l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal fid-dawl tad-Direttiva 1999/70, u dan skont id-dmir ta’ kooperazzjoni leali previst fl-Artikolu 4(3) TUE.

33      Fi kwalunkwe każ, peress li l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal jista’ jiġi interpretat b’diversi modi, ir-rikorrenti tqis li l-Kunsill kien imissu ħa inkunsiderazzjoni d-Direttiva 1999/70 u, sussegwentement, id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim qafas sabiex jiddetermina liema interpretazzjoni kellha tingħata lill-kunċett ta’ “perjodu minimu [anzjanità] ta’ sentejn fil-grad” fis-sens tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal.

34      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li l-fatt li s-sentenza Rosado Santana (EU:C:2011:557) kienet tikkonċerna proċedura ta’ selezzjoni interna u mhux proċedura ta’ promozzjoni ma jikkostitwixxix element li jiġġustifika li s-soluzzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx applikata għall-kawża ineżami. Fil-fatt, proċedura ta’ promozzjoni tagħmel parti, l-istess bħal proċedura ta’ selezzjoni interna, mill-progress tal-karriera tal-membri tal-persunal taċ-ċivil u, b’hekk, taqa’ taħt il-kundizzjonijiet tal-impjieg li jissemmew fil-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas.

35      Skont ir-rikorrenti, l-eżistenza ta’ kontinwità bejn l-anzjanità miksuba bħala membru tal-persunal temporanju u dik miksuba bħala uffiċjal ma hijiex eskluża mir-Regolamenti tal-Persunal, u saħansitra tirriżulta minn ċerti dispożizzjonijiet tagħhom. Fil-fatt, l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jindikax b’mod espliċitu li l-anzjanità msemmija f’dan l-artikolu għandha tkun inkisbet biss bħala uffiċjal. Barra minn hekk, l-imsemmi artikolu ma jeskludix li rapporti ta’ evalwazzjoni oħra għajr dawk stabbiliti wara li l-persuna kkonċernata tkun saret uffiċjal jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni. Għall-kuntrarju, mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 32 tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta b’mod espliċitu li l-membri tal-persunal temporanju li jkunu saru uffiċjali jistgħu jżommu l-benefiċċju tal-anzjanità miksuba preċedentement, u dan anki fil-każ li kienu impjegati taħt regoli legali differenti.

36      Il-Kunsill isostni li t-teżi tar-rikorrenti hija kuntrarja għall-intenzjoni tal-leġiżlatur li, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-perijodi ta’ servizz mwettqa bħala uffiċjal, intenzjoni li tirriżulta mill-kliem “perjodu minimu [anzjanità] [...] fil-grad” li jinsabu fit-test stess tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal.

37      Barra minn hekk, skont il-Kunsill, it-teżi tar-rikorrenti timplika l-eżistenza ta’ kontinwità legali bejn l-istatus ta’ membru tal-persunal temporanju u dak ta’ uffiċjal. Issa, analiżi tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-ġurisprudenza, b’mod partikolari tad-digrieti Kyriazi vs Il-Kummissjoni (F‑66/06, EU:F:2006:92) u Pereira Sequeira vs Il-Kummissjoni (F‑65/06, EU:F:2006:124) u tas-sentenza Toronjo Benitez vs Il-Kummissjoni (F‑33/07, EU:F:2008:25), għandha twassal lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex jeskludi tali kontinwità legali.

38      Fl-aħħar nett, skont il-Kunsill, l-għażla tal-leġiżlatur li, fil-kuntest tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, jittieħdu inkunsiderazzjoni biss il-perijodi ta’ servizz imwettqa bħala uffiċjal ma tistax tiġi kkontestata permezz tal-invokazzjoni tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza u b’mod partikolari skont is-sentenzi Chetcuti vs Il-Kummissjoni (C‑16/07 P, EU:C:2008:549, punt 40) u Wasmeier vs Il-Kummissjoni (T‑381/00, EU:T:2002:190, punt 122), ma jkunx hemm diskriminazzjoni minħabba t-trattament differenti tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal temporanju peress li d-definizzjoni ta’ kull waħda minn dawn il-kategoriji tikkorrispondi għall-ħtiġijiet leġittimi tal-amministrazzjoni u għan-natura tal-kompiti, permanenti jew temporanji, li l-amministrazzjoni hija intiża li twettaq.

39      Barra minn hekk, il-Kunsill iqis li s-soluzzjoni mogħtija fis-sentenza Rosado Santana (EU:C:2011:557) ma tistax tiġi applikata għall-kawża ineżami.

40      L-ewwel nett, il-Kunsill ifakkar li s-sentenza Rosado Santana (EU:C:2011:557) tikkonċerna l-interpretazzjoni ta’ direttiva li kellha tiġi applikata fi Stat Membru u li direttiva tista’ tiġi invokata fil-konfront ta’ istituzzjoni b’mod indirett biss, fil-każijiet identifikati fis-sentenza Aayhan et vs Il-Parlament (F‑65/07, EU:F:2009:43, punti 113 sa 116). Issa, il-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas ma taqa’ fl-ebda wieħed minn dawn il-każijiet. B’mod partikolari, il-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas, kif implementat permezz tad-Direttiva 1999/70, ma tikkostitwixxix l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt u, peress li l-formulazzjoni tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal hija ċara, ma hemmx lok li wieħed jirreferi għad-Direttiva sabiex jiġi ddeterminat is-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

41      It-tieni nett, il-Kunsill jenfasizza li hemm differenza fundamentali bejn is-sitwazzjoni tar-rikorrenti u dik ta’ F. J. Rosado Santana, jiġifieri li dan tal-aħħar kien dejjem jaqa’ taħt l-istess regoli legali bażiċi, peress li kien “impjegat temporanju taċ-ċivil” qabel ma sar “impjegat permanenti taċ-ċivil”, filwaqt li r-rikorrenti kienet suġġetta suċċessivament għal żewġ strumenti legali distinti, jiġifieri għall-Kondizzjonijiet tal-impjieg, bħala membru tal-persunal temporanju, u mbagħad għar-Regolamenti tal-Persunal, bħala uffiċjal.

42      Fit-tweġiba tiegħu għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kunsill ippreċiża l-pożizzjoni tiegħu billi bbaża ruħu fuq id-digriet Rivas Montes (C‑178/12, EU:C:2013:150). Skont il-Kunsill, minn dan id-digriet jirriżulta li l-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas ma tistax tiġi invokata bħala bażi għal eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, din il-klawżola tirrigwarda d-diskriminazzjoni fir-rigward tal-ħaddiema li jkollhom relazzjoni ta’ xogħol għal żmien determinat fuq il-bażi biss tat-tul ta’ din ir-relazzjoni filwaqt li, fil-kawża ineżami, id-differenza fit-trattament bejn membri tal-persunal temporanju u uffiċjali hija bbażata fuq in-natura legali tar-relazzjoni ta’ xogħol tagħhom mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

43      Fil-każ li jitqies li s-soluzzjoni mogħtija fil-kuntest tas-sentenza Rosado Santana (EU:C:2011:557) tista’ tiġi ttrasposta għas-servizz pubbliku tal-Unjoni Ewropea, il-Kunsill isostni li l-ħtiġijiet leġittimi tal-amministrazzjoni u n-natura tal-kompiti, permanenti jew temporanji, li l-amministrazzjoni hija intiża li twettaq jikkostitwixxu raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw l-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-proċedura ta’ promozzjoni, tal-perijodi ta’ servizz imwettqa mir-rikorrenti bħala membri tal-persunal temporanju.

44      Skont il-Kummissjoni, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jiddikjara ex officio li l-eċċezzjoni ta’ illegalità hija inammissibbli peress li din l-eċċezzjoni ma tqajmitx fl-ilment.

45      Fuq il-mertu, il-Kummissjoni ssostni l-argumenti kollha tal-Kunsill, filwaqt li tenfasizza n-natura ferm differenti tal-istatus ta’ membru tal-persunal temporanju u dak ta’ uffiċjal.

46      B’mod partikolari, il-Kummissjoni tqis li l-fatt li r-rikorrenti wettqet, bħala membru tal-persunal temporanju, l-istess kompiti bħal dawk fdati lilha wara l-ħatra tagħha bħala uffiċjal bi prova ma għandu l-ebda rilevanza. It-teżi tar-rikorrenti tagħti, skont il-Kummissjoni, wisq importanza lil elementi fattwali kompletament aleatorji u vantaġġ mhux ġustifikat lill-membri tal-persunal li kienu jeżerċitaw dejjem l-istess kompiti, l-ewwel bħala membri tal-persunal temporanju u mbagħad bħala uffiċjali, meta mqabbla ma’ membri tal-persunal li kellhom kompiti differenti.

47      Fin-nota ta’ intervent tagħha, filwaqt li ssostni l-argumenti tal-Kunsill, il-Qorti tal-Awdituri targumenta, essenzjalment, li l-Klawżola 4 tal-Ftehim Qafas ma tistax tiġi invokata kontra l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-anzjanità miksuba minn uffiċjal meta kien membru tal-persunal temporanju. Hija tqis li tali sitwazzjoni la tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u lanqas ma tikkostitwixxi abbuż li jirriżulta mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi u li fi kwalunkwe każ ir-rikorrenti ma invokatx tali abbuż.

–       Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku

48      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ser jeżamina, l-ewwel nett, il-kwistjoni ta’ jekk il-Kunsill naqasx milli josserva l-portata tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal meta interpretah fis-sens li ma kienx jippermettilu jieħu inkunsiderazzjoni l-anzjanità miksuba mir-rikorrenti bħala membru tal-persunal temporanju għall-finijiet tal-kalkolu tas-sentejn ta’ anzjanità fil-grad neċessarji sabiex tkun tista’ tiġi promossa. Fil-fatt, il-kwistjoni tal-legalità tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, imqajma mir-rikorrenti b’mod sussidjarju, tkun rilevanti fil-kawża ineżami biss fil-każ li l-Kunsill ma wettaqx żball fl-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

49      Skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni biss it-termini tagħhom, iżda wkoll l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha u mill-kuntest tagħhom (sentenza Hoštická et, C‑561/13, EU:C:2014:2287, punt 29).

50      F’dan il-każ, l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li l-promozzjoni “għandha tkun esklussivament bl-għażla fost l-uffiċjali li għamlu perjodu minimu [li jkollhom anzjanità] ta’ sentejn fil-grad tagħhom”. Issa, bl-użu tal-espressjoni “perjodu minimu [anzjanità] [...] fil-grad tagħhom” u tal-pronom possessiv “tagħhom”, li jirreferi għall-“uffiċjali”, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tindika li l-Awtorità tal-Ħatra għandha tieħu inkunsiderazzjoni biss l-anzjanità miksuba fil-grad bħala uffiċjal.

51      Din l-interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal hija kkorroborata minn analiżi tar-Regolamenti tal-Persunal fl-intier tagħhom. Fil-fatt, jidher li, skont il-leġiżlatur, ma hemm ebda kontinwità legali fil-karriera ta’ membru tal-persunal temporanju li jsir uffiċjal (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Bellantone vs Il-Qorti tal-Awdituri, F‑85/06, EU:F:2007:171, punt 51; Toronjo Benitez vs Il-Kummissjoni, EU:F:2008:25, punt 87, u d-digriet Prieto vs Il-Parlament, F‑42/07, EU:F:2011:159, punt 61).

52      F’dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jikkonstata li, skont l-Artikolu 34 tar-Regolamenti tal-Persunal, “[l]-uffiċjali għandhom iservu perjodu ta’ prova ta’ disa’ xhur qabel ma jistgħu jkunu stabbiliti”. Din id-dispożizzjoni ma tagħmel ebda differenza bejn il-membri tal-persunal li jkunu maħtura uffiċjali bi prova wara li jkunu ħadmu bħala membri tal-persunal temporanju u l-membri tal-personal l-oħra, anki jekk ikunu eżerċitaw l-istess funzjonijiet taħt iż-żewġ sistemi. Jekk it-teżi tal-kontinwità legali proposta mir-rikorrenti titqies li hija fondata, tali dispożizzjoni tiċċaħħad minn kull effettività għall-uffiċjali maħtura wara li jkunu diġà ħadmu bħala membri tal-persunal temporanju.

53      Barra minn hekk, meta l-leġiżlatur xtaq jieħu inkunsiderazzjoni l-perijodi ta’ xogħol imwettqa minn membru tal-persunal bħala membru tal-persunal temporanju sabiex jislet minnhom konsegwenzi għall-karriera tiegħu ta’ uffiċjal, huwa għamel dan b’mod espliċitu. Dan huwa l-każ fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 32 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprovdi li “[m]embri tal-persunal temporanju ggradat skond il-kriterji li bih ikunu ggradati adottati mill-istituzzjoni għandhom iżommu s-senjorita’ fl-iskala akkwistata f’dik il-kapaċita’ jekk ikunu maħtura uffiċjali fl-istess grad immedjatament wara l-perjodu tas-servizz temporanju”, u dan b’deroga mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 32 li jipprovdi li l-uffiċjal irreklutat għandu jiġi kklassifikat fl-ewwel skala tal-grad tiegħu. Fl-istess sens, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg jipprovdi li “[k]ull perjodu tas-servizz tal-persunal temporanju [tal-Unjoni] għandu jkun ikkunsidrat bil-għan li jinħadmu s-snin tas-servizz tal-pensjoni kif ipprovdut fl-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal”.

54      Minn dan isegwi li l-Kunsill ma wettaqx żball meta interpreta l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal fis-sens li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ promozzjoni, tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni biss l-anzjanità fil-grad miksuba bħala uffiċjal, u dan iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li l-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma jipprovdux li dan l-artikolu, fi kwalunkwe każ, japplika, b’xi mod jew ieħor, għas-sitwazzjoni tal-membri tal-persunal temporanju.

55      Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-ilment ibbażat fuq żball fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal u għandha tiġi eżaminata l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma, b’mod sussidjarju, mir-rikorrenti u bbażata fuq l-argument li, billi jipprekludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ attività li uffiċjal ikun wettaq bħala membru tal-persunal temporanju, l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal jmur kontra l-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas.

56      Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami u għall-finijiet tal-ekonomija tal-ġudizzju, l-imsemmija eċċezzjoni ta’ illegalità għandha tiġi eżaminata fil-mertu mingħajr ma tingħata deċiżjoni minn qabel dwar l-ammissibbiltà tagħha, u dan peress li l-imsemmija eċċezzjoni hija, fi kwalunkwe każ u għar-raġunijiet esposti iktar ’il quddiem, infondata fid-dritt (sentenza ET vs EACEA, F‑113/10, EU:F:2012:20, punt 49).

57      L-ewwel nett, għandu jiġi ddeterminat jekk il-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas tapplikax għall-kawża ineżami u għalhekk jekk eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal tistax tkun ibbażata fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmija klawżola.

58      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jfakkar li, skont il-ġurisprudenza, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/70 u tal-Ftehim qafas li huwa anness magħha ma jistgħux jitqiesu li jimponu, bħala tali, obbligi fuq l-istituzzjonijiet fir-relazzjonijiet tagħhom mal-persunal tagħhom (sentenza Aayhan et vs Il-Parlament, EU:F:2009:43, punt 111).

59      Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu, b’mod partikolari, japplikaw indirettament għal istituzzjoni jekk jikkostitwixxu l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li din l-istituzzjoni tkun f’tali każ obbligata tapplika bħala tali (sentenzi Adjemian et vs Il-Kummissjoni, T‑325/09 P, EU:T:2011:506, punt 56; Aayhan et vs Il-Parlament, EU:F:2009:43, punt 113, u AI vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, F‑85/10, EU:F:2012:97, punt 134).

60      Il-punt 1 tal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas jistabbilixxi projbizzjoni li, fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-impjieg, il-ħaddiema għal żmien determinat jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema għal żmien indeterminat komparabbli fuq il-bażi biss li jaħdmu għal żmien determinat, sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat minn raġunijiet oġġettivi. Il-punt 4 ta’ din il-klawżola jistabbilixxi l-istess projbizzjoni fir-rigward tal-kriterji ta’ perijodi ta’ anzjanità marbuta ma’ kundizzjonijiet partikolari tal-impjieg (sentenzi Rosado Santana, EU:C:2011:557, punt 64, u Valenza et, C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 39).

61      Issa, il-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ugwaljanza fit-trattament, li jinsabu applikati fil-punt 1 tal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas, jikkostitwixxu prinċipji fundamentali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (sentenza Aayhan et vs Il-Parlament, EU:F:2009:43, punt 101) li fid-dawl tagħhom għandha tiġi evalwata l-legalità tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal.

62      Madankollu, għandu jiġi speċifikat li, meta kellha tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni tal-Ftehim qafas fil-kuntest ta’ tilwim bejn uffiċjali u l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-eventwali differenzi fit-trattament bejn il-persunal irregolat minn regolamenti tal-persunal u l-membri tal-persunal bil-kuntratt ma jaqgħux taħt il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fil-Ftehim qafas, peress li tali differenzi fit-trattament ma humiex ibbażati fuq iż-żmien determinat jew indeterminat tar-relazzjoni ta’ xogħol iżda fuq jekk din ir-relazzjoni hijiex rregolata minn regolamenti tal-persunal jew minn kuntratt (digriet Rivas Montes, EU:C:2013:150, punti 44 u 45).

63      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jagħmel ebda differenza fit-trattament bejn ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema għal żmien indeterminat. Fil-fatt, l-uniku element meħud inkunsiderazzjoni fl-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal huwa n-natura legali tar-reklutaġġ tal-membri tal-persunal ikkonċernati, fejn fil-fatt jistabbilixxi differenza fit-trattament bejn l-anzjanità miksuba minn uffiċjali u l-anzjanità miksuba mill-membri l-oħra tal-persunal. Issa, skont il-ġurisprudenza, tali differenza fit-trattament ma taqax taħt il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fil-Ftehim qafas (ara d-digriet Rivas Montes, EU:C:2013:150, punti 44 u 47).

64      Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma tistax tibbaża eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-punt 1 tal-Klawżola 4 tal-Ftehim qafas jew fuq in-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament kif applikat permezz ta’ din il-klawżola.

65      Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka l-prinċipji żviluppati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Rosado Santana (EU:C:2011:557). Fil-fatt, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali li wasslet għal dik is-sentenza kien qiegħed essenzjalment jikkontesta differenza fit-trattament li kienet tikkonsisti fit-teħid inkunsiderazzjoni, għall-finijiet ta’ proċedura ta’ selezzjoni interna, il-perijodi ta’ servizz imwettqa bħala impjegat permanenti taċ-ċivil u mhux dawk imwettqa bħala impjegat temporanju taċ-ċivil (sentenza Rosado Santana, EU:C:2011:557, punt 42). Fil-kawża ineżami, ir-rikorrenti qiegħda tikkontesta l-legalità tad-differenza fit-trattament bejn l-uffiċjali, li l-anzjanità tagħhom tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal, u l-membri tal-persunal temporanju, irrispettivament minn jekk ikunux irreklutati fil-kuntest ta’ kuntratt għal żmien indeterminat jew indeterminat.

66      Għalhekk, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu bħala infondat.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

67      Ir-rikorrenti tosserva li fil-lista tal-uffiċjali promossi huma inklużi l-ismijiet ta’ “diversi uffiċjali” li, bħalha, kienu membri tal-persunal temporanju fil-funzjoni ta’ tradutturi u li kellhom l-istess anzjanità “fil-funzjonijiet”, iżda li kienu maħtura uffiċjali permanenti qabilha. Hija targumenta li, meta stabbilixxiet il-lista tal-uffiċjali promossi f’dawn il-kundizzjonijiet, l-Awtorità tal-Ħatra ma wettqitx eżami komparattiv li, skont il-ġurisprudenza, għandu jitwettaq b’attenzjoni u b’imparzjalità, fl-interess tas-servizz u konformement mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, u b’mod partikolari, aġixxiet bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

68      Issa, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti ma tindikax liema huma l-uffiċjali li skontha kienu ġew promossi minħabba eżami komparattiv ivvizzjat bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ma tagħti lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ebda element li jista’ jippermettilu jivverifika l-eżattezza tal-argumenti tagħha. Huwa minnu li r-rikorrenti tipproponi li “tiżvela” l-ismijiet ta’ dawn l-uffiċjali fuq talba tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Madankollu, tali offerta ma hijiex suffiċjenti sabiex tirrimedja n-nuqqas ta’ preċiżjoni fir-rikors.

69      Minn dan isegwi li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tad-dmir ta’ premura

70      Ir-rikorrenti tqis li, meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, l-Awtorità tal-Ħatra ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-interess tagħha u b’hekk kisret id-dmir ta’ premura tagħha.

71      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku josserva li t-tielet motiv ma tqajjimx fl-ilment u ma huwa marbut ma ebda wieħed mill-motivi jew argumenti mqajma f’dan l-ilment, li jsemmi biss żball manifest ta’ evalwazzjoni u ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bejn ħaddiema għal żmien determinat u ħaddiema għal żmien indeterminat.

72      Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli peress li tqajjem għall-ewwel darba fir-rikors, bi ksur tar-regola ta’ konkordanza bejn l-ilment, fis-sens tal-Artikolu 91(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, u r-rikors sussegwenti, liema regola teżiġi, taħt piena ta’ inammissibbiltà, li l-motivi mressqa direttament kontra l-att li jikkawża preġudizzju mqajma quddiem il-qorti tal-Unjoni jkunu diġà tqajmu fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża, sabiex l-Awtorità tal-Ħatra jew l-Awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ ikunu f’pożizzjoni li jieħdu konjizzjoni tal-kritika li l-persuna kkonċernata tkun qiegħda tressaq fil-konfront tad-deċiżjoni kkontestata (sentenza Il-Kummissjoni vs Moschonaki, T‑476/11 P, EU:T:2013:557, punt 71).

73      Għaldaqstant, it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu miċħuda kollha kemm huma.

 Fuq it-talbiet għad-danni

74      Minn naħa, ir-rikorrenti ssostni li ġarrbet dannu materjali marbut mal-fatt li, li kieku l-Kunsill kien inkludiha fil-lista tal-uffiċjali li setgħu jiġu promossi, fid-dawl tat-tul medju fil-grad imsemmi fir-Regolamenti tal-Persunal, fid-dawl tal-anzjanità fil-funzjonijiet ta’ traduttur fi ħdan il-Kunsill, tan-natura eloġjuża tar-rapporti ta’ evalwazzjoni tagħha, kif ukoll tal-fatt li wħud mill-uffiċjali li kienu jeżerċitaw l-istess funzjonijiet bħar-rikorrenti kienu ġew promossi, hija kien ikollha ċans ta’ 90 % li tiġi promossa. Sussegwentement, ir-rikorrenti tistma d-dannu tagħha fis-somma ta’ EUR 30 000, fid-dawl tal-limitazzjoni fil-progress tal-karriera tagħha li hija allegatament ġarrbet u tal-impatt ta’ din il-limitazzjoni fil-progress fuq is-salarju u fuq id-drittijiet għal pensjoni tagħha.

75      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li ġarrbet dannu morali, li ma jistax jiġi kkumpensat bis-sempliċi annullament tad-deċiżjoni kkontestata minħabba li, għalkemm huwa possibbli li jiġu adottati l-miżuri kollha li jippermettu li tiġi rrettifikata l-illegalità mwettqa, ma jistax jiġi eskluż li l-Kunsill sempliċement jinkludi isem ir-rikorrenti fil-lista tal-uffiċjali li setgħu jiġu promossi mingħajr ma jieħu xi pass ieħor fid-dawl tas-sentenza ta’ annullament. Ir-rikorrenti tistma dan id-dannu morali fis-somma ta’ EUR 10 000.

76      It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, meta d-dannu invokat minn rikorrent ikun ikkawżat mill-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tkun is-suġġett ta’ talbiet għal annullament, iċ-ċaħda ta’ dawn it-talbiet għal annullament timplika, bħala prinċipju, iċ-ċaħda tat-talbiet għad-dannu, peress li dawn tal-aħħar ikunu marbutin mill-qrib mat-talbiet għal annullament (sentenza Arguelles Arias vs Il-Kunsill, F‑122/12, EU:F:2013:185, punt 127, u l-ġurisprudenza ċċitata).

77      Fil-kawża ineżami, għandu jiġi osservat li d-danni materjali u morali invokati mir-rikorrenti huma kkawżati mid-deċiżjoni tal-Kunsill li ma jinkludihiex fil-lista tal-uffiċjali li setgħu jiġu promossi. Issa, peress li t-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu miċħuda mingħajr ma t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jikkonstata irregolarità fl-aġir deċiżjonali tal-Kunsill, it-talbiet għad-danni tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda.

78      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

79      Skont l-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Kapitolu VIII tat-Titolu II tal-imsemmija Regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż tagħha u għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-parti l-oħra, jekk dawn ikunu ntalbu. Skont l-Artikolu 102(1) tal-istess Regoli, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi, meta jkun meħtieġ għal raġunijiet ta’ ekwità, li parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż tagħha iżda li għandha tiġi kkundannata biss parzjalment għall-ispejjeż sostnuti mill-parti l-oħra, jew saħansitra li ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan ir-rigward. Skont l-Artikolu 103(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

80      Mill-motivi msemmija f’din is-sentenza jirriżulta li r-rikorrenti tilfet ir-rikors tagħha. Barra minn hekk, fit-talbiet tiegħu, il-Kunsill talab espliċitament li r-rikorrenti tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Peress li ċ-ċirkustanzi tal-kawża ineżami ma jiġġustifikawx l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 102(1) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha u għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill.

81      Fl-aħħar nett, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 103(4) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Kummissjoni u l-Qorti tal-Awdituri għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IT‑TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU(It-Tieni Awla)

jaqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      V. Todorova Androva għandha tbati l-ispejjeż tagħha u hija kkundannata għall-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea u l-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Bradley

Kreppel

Rofes i Pujol

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-29 ta’ April 2015.

Reġistratur

 

      Il-President

W. Hakenberg

 

      K. Bradley


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.