Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Judicial da Comarca dos Açores (il-Portugall) fit-18 ta’ Ottubru 2019 – QE, RD vs SATA International - Serviços de Transportes Aéreos SA

(Kawża C-766/19)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Qorti tar-rinviju

Tribunal Judicial da Comarca dos Açores

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: QE, RD

Konvenuta: SATA International - Serviços de Transportes Aéreos SA

Parti oħra fil-proċedura: Ana – Aeroportos de Portugal SA

Domandi preliminari

Ġrajja bħal dik li seħħet fl-10 ta’ Mejju 2017 fl-ajruport ta’ Lisbona, li fiha seħħet interruzzjoni ġeneralizzata u kunsiderevoli fil-provvista ta’ kombustibbli, li ma ppermettietx ir-riforniment ta’ kombustibbli fl-ajruplani minħabba difett fis-sistema ta’ pompaġġ li pprekluda t-trasferiment ta’ kombustibbli lejn is-sistema ta’ riforniment, liema sistema hija responsabbiltà tal-entitajiet ta’ ġestjoni tal-infrastruttura tal-ajruport, u liema difett affettwa l-kontinwità tal-funzjonament u n-natura operattiva tal-ajruport imsemmi, bir-riżultat li nħoloq dewmien u kanċellazzjonijiet ta’ 473 titjira, li minnhom 12 ġew iddevjati, 98 ikkanċellati u 363 ġarrbu dewmien, fejn ġew affetwati iktar minn 41 000 passiġġier, għandha tiġi kklassifikata bħala “ċirkostanzi straordinarji” fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 1 li jeżenta lit-trasportatur bl-ajru mill-obbligu ta’ kumpens?

Kumpannija tal-ajru li, fid-dawl tal-impossibbiltà ta’ riforniment ta’ kombustibbli fl-ajruport ta’ Lisbona, għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq, iddeċidiet li twettaq il-provvista ta’ kombustibbli f’ajruport alternattiv viċin (Porto) u meta, minħabba d-dewmien dovut għall-ħruġ tardiv mill-ajruport ta’ Lisbona, kif ukoll minħabba r-riforniment ta’ kombustibbli f’ajruport ieħor, fejn il-membri tal-ekwipaġġ ta’ dan l-ajruplan ma kienx fadalilhom iżjed ħin ta’ servizz ta’ titjir disponibbli sabiex, skont it-termini legali applikabbli, tkun tista’ tiġi operata t-titjira li ġiet imdewma, ikkonkludiet kuntratt ta’ kiri operattiv (ACMI) ma’ kumpannija oħra tal-ajru sabiex twettaq l-imsemmija titjira, għandha titqies li użat il-mezzi u soluzzjonijiet alternattivi kollha li kellha għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tillimita d-dewmien tat-titjira?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10.