Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta’ April 2020 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-180/20)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Kellerbauer, T. Ramopoulos, aġenti)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/245 1 tas-17 ta’ Frar 2020 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill ta’ Sħubija stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill ta’ Sħubija u dawk tal-Kumitat ta’ Sħubija, is-sottokumitati speċjalizzati u korpi oħra stabbiliti mill-Kunsill ta’ Sħubija, u l-istabbiliment tal-lista ta’ Sottokumitati, għall-applikazzjoni ta’ dak il-Ftehim għajr it-Titolu II (id-“Deċiżjoni tal-Kunsill 2020/245”) u d-Deċiżjoni ta-Kunsill (UE) 2020/246 2 tas-17 ta’ Frar 2020 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill ta’ Sħubija stabbilit mill-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill ta’ Sħubija u dawk tal-Kumitat ta’ Sħubija, is-sottokumitati speċjalizzati u korpi oħra stabbiliti mill-Kunsill ta’ Sħubija, u l-istabbiliment tal-lista ta’ Sottokumitati, għall-applikazzjoni tat-Titolu II ta’ dak il-Ftehim (id-“Deċiżjoni tal-Kunsill 2020/246”);

tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni ssostni li i) l-esklużjoni tat-Titolu II mill-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2020/245; (ii) l-adozzjoni ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill 2020/246 distinta li tikkonċerna biss it-Titolu II tal-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ li huwa bbażat fuq il-bażi legali sostantiva tal–Artikolu 37 TFUE; u (iii) ż-żieda tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) TFUE li jipprevedi li l-Kunsill għandu jaġixxi b’mod unanimu meta l-ftehim ikopri qasam li għalih hija meħtieġa l-unamità, jiksru t-Trattat kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

Dan il-motiv huwa bbażat fuq l-argumenti li ġejjin.

L-ewwel nett, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-bażi legali sostantiva tad-deċiżjoni tal-Kunsill ibbażata fuq l-Artikolu 218(9) TFUE rigward il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fi ħdan korpi stabbiliti bi ftehim għandha tiġi ddeterminata konformement maċ-ċentru ta’ gravità tal-ftehim kollu kemm hu. Il-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ jikkonċerna prinċipalment il-kummerċ u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp kif ukoll il-kummerċ fis-servizzi tat-trasport filwaqt li r-rabta bejn il-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ u l-PESK ma humiex biżżejjed sinjifikattivi sabiex jiġġustifikaw bażi legali sostantiva bbażata fuq il-PESK għal dak li jikkonċerna l-ftehim kollu kemm hu. Għaldaqstant, il-Kunsill kien żbaljat meta inkluda l-Artikolu 37 TUE fil-bażi legali tad-Deċiżjoni 2020/246 u din id-deċiżjoni ġiet adottata b’mod żbaljat taħt ir-regola ta’ votazzjoni li teħtieġ l-unanimità.

It-tieni nett, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma għandhomx il-libertà li jiddividu b’mod artifiċjali att uniku f’diversi partijiet u b’hekk joħolqu partijiet li għandhom ċentri ta’ gravità distinti ħlief sabiex jawtorizzawhom jevitaw ir-rekwiżit impost mill-Artikolu 13 TUE li kull istituzzjoni għandha taġixxi fil-limiti tas-setgħet mogħtija lilha fit-Trattati u f’konformità mal-proċeduri, kundizzjonijiet u għanijiet previsti fihom. Meta l-Kunsill jistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fi ħdan wieħed mill-korpi maħluq minn ftehim skont l-Artikolu 218(9) TFUE għal dak li jikkonċerna r-regoli li jirregolaw il-funzjonament ta’ dan il-korp għad-dispożizzjonijiet kollha tal-ftehim, id-diviżjoni tad-deċiżjoni tal-Kunsill f’żewġ deċiżjonijiet ma tistax tiġi ġġustifikata. Peress li l-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ ma jagħmilx distinzjoni bejn ir-regoli ta’ proċedura li japplikaw meta l-korpi kkonċernati jaġixxu taħt it-Titolu II jew taħt titoli oħra tal-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ, il-Kunsill kien żbaljat meta adotta żewġ deċiżjonijiet distinti li waħda biss fosthom tikkonċerna t-Titolu II tal-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ.

____________

1     ĠU 2020, L 52, p. 3.

2     ĠU 2020, L 52, p. 5.