Language of document : ECLI:EU:F:2008:18

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

19 ta’ Frar 2008

Kawża F-49/07

R

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Rikors – Rikors għad-danni – Kundizzjonijiet ta’ żvolġiment ta’ perijodu ta’ prova – Estensjoni tal-perijodu ta’ prova – Ħatra bħala uffiċjal permanenti – Inammissibbiltà”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu R qed titlob lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, b’mod partikolari, fl-ewwel lok, jiddikjara ineżistenti jew jannulla l-perijodu kollu ta’ prova tagħha, kif ukoll l-atti kollha prodotti f’dawn iċ-ċirkustanzi, fit-tieni lok, jannulla parzjalment ir-rapport fi tmiem il-perijodu ta’ prova tagħha, kif iffinalizzat fit-18 ta’ Mejju 2004, fit-tielet lok, jannulla d-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali tad-DĠ ADMIN tal-20 ta’ Lulju 2005 li tiċħad it-talba għal għajnuna li r-rikorrenti ressqet fil-11 ta’ Novembru 2004, u fl-aħħar lok, jikkundanna lill-Kummissjoni tħallasha l-ammont EUR 2 500 000 bħala kumpens għad-dannu allegatament subit.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Proċedura – Ammissibbiltà tar-rikorsi – Evalwazzjoni fid-dawl tar-regoli fis-seħħ fil-mument tal-preżentata tar-rikors

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 78)

2.      Proċedura – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 44(1)(ċ))

3.      Uffiċjali – Rikors – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Att preparatorju

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 34, 90 u 91)

4.      Uffiċjali – Rikors – Ilment amministrattiv li għandu jitressaq qabel – Termini

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

1.      Jekk ir-regola stabbilita fl-Artikolu 78 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li tipprovdi li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’, permezz ta’ digriet, jiċħad rikors bħala inammissibbli, meta jkollu jiddeċiedi f’dan is-sens, fuq talba ppreżentata minn waħda mill-partijiet permezz ta’ att separat, hija regola ta’ proċedura applikabbli, bħala tali, mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha, għall-kawżi kollha quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, dan ma japplikax fir-rigward ta’ regoli li abbażi tagħhom it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jeżamina, b’applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, jekk rikors huwiex ammissibbli jew le u li għandhom ikunu applikabbli biss ir-regoli applikabbli fid-data tal-preżentata tar-rikors.

(ara l-punt 33)

2.       Skont l-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikors għandu jinkludi s-suġġett tat-tilwima, li jimplika li s-suġġett għandu jkun iddefinit b’biżżejjed preċiżjoni li jippermetti lill-konvenut isostni b’mod utli l-motivi tad-difiża tiegħu f’dan ir-rigward u jippermetti wkoll lill-Qorti tal-Prim’Istanza tifhem it-talbiet tar-rikorrenti.

Talbiet intiżi sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tiddikjara l-ineżistenza tal-perijodu kollu ta’ prova ta’ uffiċjali, kif ukoll l-atti kollha prodotti f’dawn iċ-ċirkustanzi, mingħajr ma dawn l-atti inkwistjoni jiġu identifikati, għandhom, fin-nuqqas ta’ preċiżjoni suffiċjenti, jiġu ddikjarati inammissibbli. In-numru kbir ta’ deċiżjonijiet ikkontestati ma teżentax, anzi dan imur kontra, lill-persuna li tressaq rikors mill-obbligi li tindika kull deċiżjoni li qed tikkontesta, b’mod biżżejjed preċiż li jippermetti l-identifikazzjoni tagħhom.

(ara l-punti 49 u 50)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 11 ta’ Lulju 1996, Bernardi vs Il‑Parlament, T‑146/95, Ġabra p. II‑769, punt 25; 14 ta’ Lulju 1998, Lebedef vs Il‑Kummissjoni, T‑192/96, ĠabraSP p. I‑A‑363 u II‑1047, punt 33

3.      Fil-każ ta’ atti jew deċiżjonijiet li l-adozzjoni tagħhom tinvolvi proċedura komposta minn diversi fażijiet, b’mod partikolari wara proċedura interna, huma biss dawk il-miżuri li jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-istituzzjoni fl-aħħar ta’ din il-proċedura, bl-esklużjoni tal-miżuri intermedji li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali, li jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati. Għaldaqstant, fir-rigward ta’ rikorsi ta’ uffiċjali, l-atti preparatorji ta’ deċiżjoni ma joħolqux preġudizzju skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

B’mod partikolari, il-miżuri meħudin matul il-perijodu ta’ prova ta’ uffiċjal, skont l-Artikolu 34 tar-Regolamenti tal-Persunal, huma intiżi biss li jippermettu lill-Awtorità tal-Ħatra tiddeċiedi, fl-għarfien tal-fatti u wara l-perijodu ta’ prova, jekk l-uffiċjal fuq perijodu ta’ prova għandux jinħatar bħala uffiċjal permanenti jew le. Għaldaqstant, dawn il-miżuri għandhom il-karatteristiċi ta’ atti preparatorji. B’mod partikolari, japplikaw bl-istess mod, ir-rapporti ta’ tmiem u r-rapport interim tal-perijodu ta’ prova. Dan huwa wkoll il-każ tad-deċiżjoni għall-estensjoni tal-perjodu ta’ prova.

(ara l-punti 54 u 55)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il‑Kummissjoni, 60/81, Ġabra p. 2639, punt 10; 22 ta’ Ġunju 2000, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C‑147/96, Ġabra p. I‑4723, punt 26; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 17 ta’ Diċembru 2003, McAuley vs Il‑Kunsill, T‑324/02, ĠabraSP p. I‑A‑337 u II‑1657, punt 28; 11 ta’ April 2006, Angeletti vs Il‑Kummissjoni, T‑394/03, ĠabraSP p.  I‑A‑2‑95 u II‑A‑2‑441, punt 36; It-Tribunal tas-Servizz Pubbliku 24 ta’ Mejju 2007, Lofaro vs Il‑Kummissjoni, F‑27/06 u F‑75/06, Ġabra p. I‑0000, punti 57 sa 61 u 68

4.      It-termini previsti mill-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, li huma intiżi li jiżguraw iċ-ċertezza legali, huma ta’ ordni pubbliku u jorbtu lill-partijiet u lill-qorti. Konsegwentement, uffiċjal ma jistax, meta jressaq talba quddiem l-Awtorità tal-Ħatra skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, joħloq mill-ġdid, għall-vantaġġ tiegħu, dritt ta’ appell kontra deċiżjoni li saret definittiva mal-iskadenza tat-termini għall-preżentata ta’ appell.

Ċertament, l-eżistenza ta’ fatt ġdid u sostanzjali jista’ jiġġustifika l-fatt li tiġi ppreżentata talba għall-eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni li saret definittiva. Il-fatt ikkonċernat għandu jkun tali li jista’ jbiddel b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni ta’ dak li għandu l-intenzjoni jikseb l-eżami mill-ġdid ta’ tali deċiżjoni. Dan ma jkunx il-każ meta huwa jsostni li komunikazzjoni, mill-amministrazzjoni, tad-dokumenti li jikkonċernawh, tikkostitwixxi fatt ġdid u sostanzjali mingħajr ma jindika l-kontenut ta’ dawn id-dokumenti u mingħajr ma juri kif il-komunikazzjoni tal-imsemmija dokumenti jistgħu jbiddlu s-sitwazzjoni tiegħu b’mod sostanzjali.

(ara l-punti 78 sa 80)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 26 ta’ Settembru 1985, Valentini vs Il‑Kummissjoni, 231/84, Ġabra p. 3027, punt 14; 13 ta’ Novembru 1986, Becker vs Il‑Kummissjoni, 232/85, Ġabra p. 3401, punt 10; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 22 ta’ Settembru 1994, Carrer et vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑495/93, ĠabraSP p. I‑A‑201 u II‑651, punt 20; 14 ta’ Lulju 1998, Lebedef vs Il‑Kummissjoni, T‑42/97, ĠabraSP p. I‑A‑371 u II‑1071, punt 25; 7 ta’ Frar 2001, Inpesca vs Il‑Kummissjoni, T‑186/98, Ġabra. p. II‑557, punt 51