Language of document : ECLI:EU:T:2012:20

Kawża T-289/11

Deutsche Bahn AG et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Intervent — Sistema lingwistika — Awtorità ta’ sorveljanza tal-EFTA — Kunfidenzjalità”

Sommarju tad-digriet

1.      Proċedura — Intervent — Persuni interessati — Talba għal intervent imressqa mill-Awtorità EFTA f’kawża li tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1/2003, tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem — Ammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 40; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 115)

2.      Proċedura — Sistema lingwistika — Derogi — Kundizzjonijiet

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 35)

1.      Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati partijiet għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (Ftehim ŻEE), minbarra l-Istati Membri, kif ukoll l-Awtorità ta’ sorveljanza tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Kummerċ Ħieles (Awtorità EFTA), jistgħu, mingħajr ħsara għat-tieni paragrafu tal-istess artikolu, jintervjenu fil-kawżi mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali meta dawn jirrigwardaw wieħed mill-oqsma ta’ applikazzjoni ta’ dan il-ftehim. Skont l-imsemmi tieni paragrafu, il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-Awtorità EFTA inkluża, jistgħu jintervjenu fil-kawżi mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali kemm-il darba dawn jistgħu juru li għandhom interess fl-eżitu tagħhom, minbarra l-kawżi bejn Stati Membri, bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jew bejn dawn tal-aħħar u l-Istati Membri.

Barra minn hekk, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut jippreċiża f’liema ċirkustanzi, minbarra dawk esklużi mit-tieni paragrafu tal-istess artikolu, l-Istati partijiet għall-Ftehim ŻEE, minbarra l-Istati Membri, kif ukoll l-Awtorità EFTA, għandhom interess preżunt fl-eżitu ta’ kawża, jiġifieri meta din il-kawża tirrigwarda wieħed mill-oqsma ta’ applikazzjoni ta’ dan il-ftehim. L-Awtorità EFTA għandha interess sabiex tintervjeni f’kawża li tirrigwarda b’mod partikolari l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1/2003, tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

(ara l-punti 6, 7, 9-12)

2.      Skont il-ħames subparagrafu tal-Artikolu 35(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-Awtorità ta’ sorveljanza tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles tista’ tiġi awtorizzata tuża lingwa oħra minn fost dawk imsemmija fil-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu meta din tintervjeni f’kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. Din id-dispożizzjoni tapplika kemm għad-dokumenti bil-miktub kif ukoll għad-dikjarazzjonijiet orali.

(ara l-punt 15)