Language of document : ECLI:EU:C:2008:179

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

1 ta’ April 2008 (*)

“Trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol – Direttiva 2000/78/KE – Benefiċċji lis-superstiti previsti minn skema ta’ sigurtà soċjali professjonali obbligatorja – Kunċett ta’ ‘paga’ – Rifjut ta’ għoti għaliex ma hemmx ir-rabta taż-żwieġ – Imsieħba ta’ l-istess sess – Diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali”

Fil-kawża C‑267/06,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bayerisches Verwaltungsgericht München (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-1 ta’ Ġunju 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Ġunju 2006, fil-proċeduri

Tadao Maruko

vs

Versorgungsanstalt der deutschen Bühnen,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas, K. Lenaerts u L. Bay Larsen, Presidenti ta’ Awla, K. Schiemann, J. Makarczyk, P. Kūris, J. Klučka (Relatur), A. Ó Caoimh, P. Lindh u J.-C. Bonichot, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: D. Ruiz-Jarabo Colomer,

Reġistratur: J. Swedenborg, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Ġunju 2007,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal T. Maruko, minn H. Graupner, R. Wintemute u M. Bruns, Rechtsanwälte,

–        għall-Versorgungsanstalt der deutschen Bühnen, minn C. Draws u P. Rammert, bħala aġenti, assistiti minn A. Bartosch u T. Grupp, Rechtsanwälte,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn V. Jackson, bħala aġent, assistita minn T. Ward, barrister,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn J. Enegren u I. Kaufmann-Bühler, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Settembru 2007,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 1, 2(2)(a) u (b)(i) kif ukoll 3(1)(c) u (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU L 303, p. 16).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn T. Maruko u l-Versorgungsanstalt der deutschen Bühnen (istituzzjoni tas-sigurtà soċjali tal-ħaddiema tat-teatri Ġermaniżi, iktar’il quddiem il-“VddB”) dwar ir-rifjut ta’ din ta’ l-aħħar li tagħtih id-dritt għal pensjoni ta’ armel li jirriżulta mill-benefiċċji tas-superstiti previsti mill-iskema ta’ sigurtà soċjali professjonali obbligatorja li magħha kien affiljat is-sieħeb tul il-ħajja tiegħu, illum mejjet.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        It-tlettax-il premessa u t-tnejn u għoxrin premessa tad-Direttiva 2000/78 jipprovdu:

“(13) Din id-Direttiva ma tapplikax għas-sigurtà soċjali u għal skemi ta’ protezzjoni soċjali li l-benefiċċji tagħhom mhumiex ittrattati bħala qligħ fis-sens mogħti lil dik l-espressjoni fl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 141 ta’ t-Trattat tal-KE, lanqas għal ebda tip ta’ pagament mill-Istat bl-iskop li jipprovdi aċċess għall-impjieg jew li jżomm l-impjieg.

[…]

(22)      Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-liġijiet nazzjonali dwar l-istat ċivili u d-drittijiet li jiddependu minnhom.”

4        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 jipprovdi:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”

5        Skond l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva:

“1.      Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.      Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

a)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

b)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

i)      meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji, […]

[…]”

6        L-Artikolu 3 ta’ l-istess direttiva jipprovdi kif ġej:

“1.      Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

[…]

c)      il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga;

[…]

3.      Din id-Direttiva ma tapplikax għall-ħlasijiet ta’ kull tip magħmula minn skemi statali jew simili, inklużi skemi ta’ sigurtà soċjali jew ta’ protezzjoni soċjali.

[…]”

7        Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 18 tad-Direttiva Nru 2000/78, l-Istati Membri kellhom jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ruħhom ma’ din id-direttiva sa mhux aktar tard mit-2 ta’ Diċembru 2003 jew setgħu jafdaw lill-imsieħba soċjali l-kompitu ta’ l-implementazzjoni ta’ din id-direttiva fir-rigward ta’ dispożizzjonijet dwar ftehim kollettivi. Madankollu, f’dan il-każ, l-Istati Membri kellhom jiżguraw illi, mhux aktar tard mit-2 ta’ Diċembru 2003, l-imsieħba soċjali kienu implementaw il-miżuri neċessarji bi ftehim, u l-Istati Membri kkoncernati kienu meħtieġa jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex fi kwalunkwe ħin ikunu f’pożizzjoni li jiggarantixxu r-riżultati imposti minn din id-direttiva. Barra minn hekk, kellhom jinfurmaw immedjatament lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej b’dawn il-miżuri.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

 Il-liġi dwar l-unjonijiet tul il-ħajja rreġistrati

8        L-Artikolu 1 tal-liġi dwar l-unjonijiet tul il-ħajja rreġistrati (Gesetz über die Eingetragene Lebenspartnerschaft), tas-16 ta’ Frar 2001, (BGBl. 2001 I, p. 266), kif emendata bil-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 2004, (BGBl. 2004 I, p. 3396, iktar ’il quddiem l-“LPartG”), jipprovdi:

“(1)      Żewġ persuni ta’ l-istess stess jistabbilixxu unjoni meta huma jiddikjaraw reċiprokament, personalment u quddiem xulxin, li huma jixtiequ li jkollhom unjoni tul il-ħajja (imsieħba tul il-ħajja). Id-dikjarazzjonijiet ma jistgħux ikunu suġġetti għal kundizzjoni jew terminu ta’ żmien. Id-dikjarazzjonijiet ikollhom effett meta jsiru quddiem l-awtorità kompetenti.

(2)      Ma tistax titwaqqaf unjoni valida:

1.      ma’ persuna li hija minuri jew miżżewġa jew li diġà għandha unjoni ma’ terza persuna;

2.      bejn axxendenti u dixxendenti;

3.      bejn aħwa, sew jekk mill-istess missier u omm, sew jekk mill-istess missier jew omm biss;

4.      jekk fil-mument meta tiġi stabbilita l-unjoni, l-imsieħba jirrifjutaw li jassumu l-obbligi skond l-Artikolu 2.

[…]”

9        L-Artikolu 2 ta’ l-LPartG jipprovdi:

“L-imsieħba matul il-ħajja għandhom jagħtu għajnuna u assistenza lil xulxin u jobbligaw ruħhom reċiprokament għal unjoni tul il-ħajja. Huma jassumu responsabbilitajiet fil-konfront ta’ xulxin.”

10      Skond l-Artikolu 5 ta’ din il-liġi:

“L-imsieħba tul il-ħajja huma reċiprokament obbligati jikkontribwixxu b’mod xieraq għall-bżonnijiet ta’ l-unjoni tul il-ħajja permezz tax-xogħol u tal-patrimonju tagħhom. It-tieni sentenza ta’ l-Artikolu 1360, l-Artikoli 1360(a) u 1360(b) tal-Kodiċi Ċivili, kif ukoll it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 16 japplikaw b’analoġija.”

11      L-Artikolu 11(1) ta’ l-istess liġi jipprovdi:

“Salv għal dispożizzjoni kuntrarja, is-sieħeb tul il-ħajja huwa kkunsidrat bħala parti mill-familja tas-sieħeb l-ieħor.”

 Il-leġiżlazzjoni dwar il-pensjonijiet tar-romol

12      Permezz ta’ l-LPartG, il-leġiżlatur Ġermaniż emenda l-Ktieb VI tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali - Skema statutorja ta’ assigurazzjoni ta’ l-irtirar (Sozialgesetzbuch VI – Gesetzliche Rentenversicherung).

13      L-Artikolu 46 tal-Ktieb VI ta’ dan il-Kodiċi, fil-verżjoni fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2005 (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Soċjali”) jipprovdi:

“(1)      Ir-romol li ma jkunux reġgħu żżewġu għandhom dritt, wara l-mewt tal-konjuġi assigurat, għal pensjoni żgħira tar-romol, bil-kundizzjoni li l-konjuġi assigurat ikun ikkompleta l-perijodu minimu ta’ assigurazzjoni ġeneralment mitlub. Dan id-dritt huwa limitat għal perijodu massimu ta’ 24 xahar tal-kalendarju li jibdew jiddekorru mix-xahar ta’ wara l-mewt tal-persuna assigurata.

[…]

(4)      Huwa mifhum li, għall-finijiet tad-determinazzjoni tad-dritt għal pensjoni tar-romol, it-twaqqif ta’ unjoni tul il-ħajja huwa meqjus bħala żwieġ, li sieħeb superstiti huwa meqjus bħala armla jew armel u li sieħeb tul il-ħajja huwa meqjus bħala konjuġi. Ix-xoljiment jew id-dikjarazzjoni ta’ nullità ta’ żwieġ ġdid jikkorrispondu rispettivament għat-terminazzjoni jew għax-xoljiment ta’ unjoni ġdida”.

14      L-istess Ktieb VI fih dispożizzjonijiet oħra simili dwar l-assimilazzjoni ta’ l-unjoni tul il-ħajja maż-żwieġ, partikolarment l-Artikoli 47(4), 90(3), 107 (3) u 120(d)(1).

 Il-ftehim kollettiv tat-teatri Ġermaniżi

15      L-Artikolu 1 tal-ftehim kollettiv tat-teatri Ġermaniżi (Tarifordnung für die deutschen Theater), tas-27 ta’ Ottubru 1937 (Reichsarbeitsblatt 1937 VI, p. 1080, iktar ’il quddiem il-“ftehim kollettiv”), jipprovdi:

“1)      Kull persuna ġuridika li topera teatru fi ħdan ir-Reich (operatur ta’ teatru) hija obbligata tkopri l-persunal artistiku li jaħdem ma’ l-impriża teatrali tagħha b’assigurazzjoni ta’ l-irtirar u tas-superstiti, skond id-dispożizzjonijiet li ġejjin, u tinforma bil-miktub lil kull membru tal-persunal artistiku b’din l-assigurazzjoni.

(2)      Bi ftehim mal-Ministri tar-Reich ikkonċernati, il-Ministru ta’ l-Informazzjoni u l-Propoganda għandu jappunta l-istituzzjoni ta’ assigurazzjoni u jiddeċiedi dwar il-kundizzjonijiet ta’ l-assigurazzjoni (l-istatut). Hu għandu jiffissa wkoll id-data minn meta l-assigurazzjoni għandha tibda skond dan il-ftehim.

(3)      Għall-finijiet ta’ dan il-ftehim, persunal artistiku jfisser dawk il-persuni li, skond il-liġi dwar il-Kamra tal-Kultura tar-Reich u r-regolamenti relattivi li jimplementaw din il-liġi, huma affiljati b’mod obbligatorju mal-Kamra tat-Teatru tar-Reich (sezzjoni tax-xenarju), partikolarment: produtturi, atturi, diretturi ta’ l-orkestra, reġisti, konsulenti artistiċi, diretturi ta’ kor, kowċes, diretturi tal-palk, suġġerituri u persuni li jokkupaw pożizzjoni simili, persuni responsabbli mill-aspett tekniku (bħal dawk responsabbli mill-makkinarju, dawk responsabbli mix-xenarju u mill-kostumi u l-persuni li jokkupaw pożizzjoni simili, safejn ikunu responsabbli mis-setturi tagħhom), kif ukoll diretturi artistiċi, membri tal-kor, żeffiena u parrukkiera.”

16      Skond l-Artikolu 4 tal-ftehim kollettiv:

“Il-kontribuzzjonijiet ta’ l-assigurazzjoni jitħallsu nofs minn min iħaddem u nofs mill-membru tal-persunal artistiku. L-operatur tat-teatru huwa obbligat iħallas il-kontribuzzjonijiet ta’ l-assigurazzjoni lill-istituzzjoni ta’ l-assigurazzjoni.”

 L-istatut tal-VddB

17      L-Artikoli 27, 32 u 34 ta’ l-istatut tal-VddB jipprovdu:

“Artikolu 27 – It-tip ta’ sigurtà soċjali u kundizzjonijiet ġenerali

(1)      L-avvenimenti li jagħtu lok għall-għoti tal-benefiċċji huma l-eżistenza ta’ inkapaċità għax-xogħol jew ta’ invalidità, l-irtirar kmieni, il-wasla għall-età normali ta’ irtirar u l-mewt.

(2)      Fuq talba, l-istituzzjoni tħallas […] bħala benefiċċji lis-superstiti […] pensjoni ta’ armla (artikoli 32 u 33), pensjoni ta’ armel (artikolu 34) […] jekk, minnufih qabel ma jiġi l-avveniment li jagħti lok għall-għoti tal-benefiċċju, il-persuna assigurata kienet assigurata b’mod obbligatorju, volontarju, jew kompliet l-assigurazzjoni, u jekk il-perijodu minimu ta’ assigurazzjoni jkun rispettat […].

[…]

Artikolu 32 – Pensjoni ta’ armla

(1)      Il-konjuġi tar-raġel assigurat jew irtirat għandha dritt għal pensjoni ta’ armla jekk iż-żwieġ ikun għadu fis-seħħ sal-ġurnata tal-mewt tar-raġel assigurat jew irtirat.

[…]

Artikolu 34 – Pensjoni ta’ armel

(f1)      Il-konjuġi tal-mara assigurata jew irtirata għandu dritt għal pensjoni ta’ armel jekk iż-żwieġ ikun għadu fis-seħħ sal-ġurnata tal-mewt tal-mara assigurata jew irtirata.

[…]”

18      L-Artikolu 30(5) ta’ l-istess statut jistabbilixxi l-modalitajiet sabiex jiġi ffissat l-ammont tal-pensjoni ta’ l-irtirar li abbażi tagħha jiġi kkalkulat il-benefiċċju tas-superstiti.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19      Fit-8 ta’ Novembru 2001, skond l-Artikolu 1 tal-LPartG fil-verżjoni oriġinali tagħha, T. Maruko stabbilixxa unjoni tul il-ħajja ma’ raġel li kien jiddisinja l-kostumi teatrali.

20      Dan kien ilu affiljat mal-VddB mill-1 ta’ Settembru 1959 u baqa’ jħallas b’mod volontarju l-kontribuzzjonijiet lil din l-istituzzjoni matul il-perijodi li fihom huwa ma kienx affiljat magħha b’mod obbligatorju.

21      Is-sieħeb tul il-ħajja ta’ T. Maruku miet fit-12 ta’ Jannar 2005.

22      Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Frar 2005, T. Maruko talab il-pensjoni ta’ armel mill-VddB. Permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Frar 2005, din ta’ l-aħħar ċaħdet it-talba minħabba li l-istatut tagħha ma kienx jipprovdi għad-dritt għal tali benefiċċju għall-imsieħba tul il-ħajja superstiti.

23      T. Maruko ppreżenta rikors quddiem il-qorti tar-rinviju. Skond hu, ir-rifjut tal-VddB jikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali, peress li, mill-1 ta’ Jannar 2005, il-leġiżlatur Ġermaniż stabbilixxa ugwaljanza bejn l-unjoni tul il-ħajja u ż-żwieġ, billi introduċa b’mod partikolari l-Artikolu 46(4) fil-Kodiċi Soċjali. Il-fatt li persuna ma tingħatax, wara l-mewt tas-sieħeb tul il-ħajja tagħha, id-dritt għall-benefiċċji tas-superstiti taħt l-istess kundizzjonijiet bħal konjuġi superstiti jikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali ta’ din il-persuna. Skond T. Maruko, l-imsieħba tul il-ħajja huma trattati b’mod inqas favorevoli mill-miżżewġin, minkejja li, bħalhom, huma għandhom jagħtu għajnuna u assistenza lil xulxin, jobbligaw ruħhom reċiprokament għal unjoni tul il-ħajja u jassumu responsabbilitajiet fil-konfront ta’ xulxin. Il-leġiżlazzjoni li tirregola l-patrimonju ta’ l-imsieħba tul il-ħajja fil-Ġermanja hija l-istess bħal dik tal-miżżewġin.

24      Fl-ewwel lok, filwaqt li tistaqsi jekk l-iskema tas-sigurtà soċjali amministrata mill-VddB hijiex skema li tista’ tiġi assimilata ma’ skema statali ta’ sigurtà soċjali, skond l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2000/78, u jekk din l-iskema taqax barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, il-qorti tar-rinviju tindika li l-fatt li l-affiljazzjoni mal-VddB hija obbligatorja skond il-liġi u li m’hu previst l-ebda negozjar dwar l-affiljazzjoni in kwistjoni fi ħdan l-impriżi teatrali, jimmilita favur tali assimilazzjoni. Madankollu, hija żżid li, minbarra l-perijodi ta’ impjieg, il-persunal tat-teatru għandu l-possibbiltà li volontarjament ikompli jkun affiljat ma’ l-iskema ta’ sigurtà soċjali in kwistjoni fil-kawża prinċipali, li din l-iskema hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ kapitalizzazzjoni, li l-kontribuzzjonjiet jitħallsu nofs mill-impriżi teatrali, minn naħa waħda, u nofs mill-persuni assigurati, min-naħa l-oħra, u li l-VddB tamministra u tirregola l-attivitajiet tagħha b’mod awtonomu mingħajr l-intervent tal-leġiżlatur federali.

25      Fid-dawl ta’ l-istruttura tal-VddB u ta’ l-influwenza deċiżiva ta’ l-impriżi teatrali u l-persuni assigurati fuq l-operat tagħha, il-qorti tar-rinviju tistqarr li hija inklinata li taħseb li din l-istituzzjoni ma tamministrax skema assimilabbli ma’ skema statali ta’ sigurtà soċjali, skond l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2000/78.

26      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fit-tieni lok, jekk il-benefiċċju tas-superstiti in kwistjoni fil-kawża prinċipali jistax jiġi kkunsidrat bħala “paga”, skond l-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva 2000/78/KE, biex b’hekk tista’ tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Il-qorti tar-rinviju tispjega li, bħala regola, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-benefiċċji lis-superstiti jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-kunċett ta’ “paga”. Skond il-qorti tar-rinviju, din l-interpretazzjoni m’hiex affettwata mill-fatt li l-benefiċċju tas-superstiti in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma jitħallasx lill-ħaddiem, iżda lill-konjuġi superstiti tiegħu, għax id-dritt għal tali benefiċċju huwa vantaġġ li joriġina mill-affiljazzjoni tal-ħaddiem ma’ l-iskema tas-sigurtà soċjali amministrata mill-Vddb, b’tali mod li dan il-benefiċċju huwa akkwistat mill-konjuġi superstiti tiegħu fil-kuntest tar-relazzjoni ta’ impjieg bejn min iħaddem u l-istess ħaddiem.

27      Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikoli 1 u 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78 moqrija flimkien jipprekludux dispożizzjonijiet fi statut bħal dawk tal-VddB, li permezz tagħhom, wara l-mewt tas-sieħeb tul il-ħajja tagħha, persuna ma tirċeviex benefiċċji tas-superstiti bħal dawk mogħtija lill-konjuġi superstiti, minkejja li, bħall-miżżewġin, l-imsieħba tul il-ħajja jkunu għexu f’unjoni ta’ assistenza u għajnuna tul il-ħajja kkostitwita formalment.

28      Skond il-qorti tar-rinviju, peress li din il-kawża taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 u teżisti diskriminazzjoni, T. Maruko jista’ jinvoka d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.

29      Il-qorti tar-rinviju żżid li, kuntrarjament għall-koppji eterosesswali li jistgħu jiżżewġu u, jekk ikun il-każ, jibbenefikaw minn benefiċċju tas-superstiti, l-assigurat u r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma setgħux, fi kwalunkwe każ, minħabba l-orjentazzjoni sesswali tagħhom, jissodisfaw il-kundizzjoni taż-żwieġ li għaliha l-iskema ta’ sigurtà soċjali amministrata mill-VddB tissuġġetta l-għoti ta’ dan il-benefiċċju. Issa, skond il-qorti tar-rinviju, id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 1 u 2(2)(a) tad-direttiva 2000/78 moqrija flimkien jistgħu jipprekludu li dispożizzjonijiet, bħal dawk ta’ l-istatut tal-VddB, jillimitaw id-dritt għal dan il-benefiċċju lill-konjuġi superstiti.

30      F’każ li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 1 u 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78 moqrija flimkien jipprekludu d-dispożizzjonijiet ta’ l-istatut bħal dawk tal-VddB, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fir-raba’ lok, jekk diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali hijiex permissibli, fid-dawl tat-tnejn u għoxrin premessa ta’ din id-direttiva.

31      Hija tinnota li din il-premessa ma ġietx riprodotta fil-korp ta’ din id-direttiva. Hija tistaqsi jekk premessa bħal din tistax tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78. Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, fid-dawl ta’ l-importanza tal-prinċipju Komunitarju tat-trattament ugwali, m’għandhiex tingħata interpretazzjoni estensiva lill-premessi ta’ din id-direttiva. Hija tistaqsi, f’dan ir-rigward, jekk fil-kawża prinċipali, ir-rifjut tal-VddB li jagħti benefiċċju tas-superstiti lil persuna li s-sieħeb tagħha tul il-ħajja miet, jikkostitwixxiex diskriminazzjoni permissibbli minkejja li bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali.

32      Fil-ħames lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, jekk, skond is-sentenza tas-17 ta’ Mejju 1990, Barber (C-262/88, Ġabra p. I-1889), id-dritt għall-benefiċċju tas-superstiti huwiex limitat għall-perijodi wara s-17 ta’ Mejju 1990. Hija tindika li d-dispożizzjonijiet nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu taħt l-Artikolu 141 KE u li l-effett dirett ta’ dan l-artikolu ma jistax jiġi invokat ħlief fir-rigward tal-benefiċċji dovuti għall-perijodi ta’ impjieg wara s-17 ta’ Mejju 1990. F’dan ir-rigward, hija tiċċita s-sentenza tat-28 ta’ Settembru 1994, Coloroll Pension Trustees (C-200/91, Ġabra p. I‑4389).

33      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bayerisches Verwaltungsgericht München iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Skema tas-sigurtà soċjali professjonali obbligatorja – bħal dik amministrata f’dan il-każ mill-VddB – hi skema li tista’ tiġi assimilata ma’ skema statali skond l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2000/78 […]?

2)      Il-benefiċċji lis-superstiti f’forma ta’ ħlas lir-romol magħmul minn istituzzjoni tas-sigurtà soċjali obbligatorja professjonali għandhom jiġu kkunsidrati bħala paga skond l-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78/KE […]?

3)      L-Artikoli 1 u 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78/KE moqrija flimkien jipprekludu d-dispożizzjonijiet ta’ l-istatut ta’ skema ta’ sigurtà soċjali supplementari […], li jipprovdu li meta jmut is-sieħeb tiegħu, sieħeb ta’ unjoni rreġistrata m’għandu dritt jirċievi l-ebda benefiċċju tas-superstiti bħal dak stabbilit għall-miżżewġin, minkejja l-fatt li huwa wkoll jgħix f’unjoni bbażata fuq l-assistenza u l-għajnuna reċiproka kkostitwita formalment għal tul il-ħajja, simili għaż-żwieġ?

4)      Fil-każ li dawn id-domandi jingħataw risposta fl-affermattiv, hu permess li ssir diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali fid-dawl tat-tnejn u għoxrin premessa tad-Direttiva 2000/78 […]?

5)      Id-dritt għall-benefiċċji tas-superstiti hu limitat għall-perijodi ta’ wara s-17 ta’ Mejju 1990 abbażi tas-sentenza Barber, [iċċitata aktar’il fuq]”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel, it-tieni u r-raba’ domandi

34      Permezz ta’ l-ewwel, it-tieni u r-raba’ domandi, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, sostanzjalment, jekk benefiċċju tas-superstiti mogħti fil-kuntest ta’ skema ta’ sigurtà soċjali professjonali bħal dik amministrata mill-VddB, jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78.

 Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

35      Fir-rigward ta’ l-ewwel u t-tieni domandi magħmula, il-VddB tikkunsidra li l-iskema amministrata minnha hija skema statutorja ta’ sigurtà soċjali u li l-benefiċċju tas-superstiti in kwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistax jiġi kkunsidrat bħala “paga” skond l-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva 2000/78. Dan il-benefiċċju għalhekk jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

36      In sostenn ta’ din il-pożizzjoni, il-VddB tenfasizza, partikolarment, li hija korp regolat mid-dritt pubbliku li jifforma parti mill-amministrazzjoni federali u li l-iskema ta’ sigurtà soċjali in kwistjoni fil-kawża prinċipali hija skema obbligatorja, ibbażata fuq il-liġi. Hija żżid li l-ftehim kollettiv għandu valur leġiżlattiv u ġie integrat, flimkien ma’ l-istatut tal-VddB, fit-trattat ta’ unifikazzjoni tal-31 ta’ Awwissu 1990 u li l-obbligu ta’ affiljazzjoni jeżisti għal kategoriji ta’ ħaddiema ddefiniti b’mod ġenerali. Il-benefiċċju tas-superstiti in kwistjoni fil-kawża prinċipali mhuwiex marbut direttament ma’ impjieg speċifiku, iżda ma’ kunsiderazzjonijiet ġenerali ta’ politika soċjali. Ma jiddependix direttament mill-perijodi ta’ impjieg kompletati u l-ammont ma jiġix ikkalkulat abbażi ta’ l-aħħar salarju.

37      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tikkunsidra li, l-benefiċċju tas-superstiti in kwistjoni fil-kawża prinċipali jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, peress li jitħallas minħabba r-relazzjoni ta’ impjieg bejn persuna u min iħaddimha, liema relazzjoni għandha bħala konsegwenza l-affiljazzjoni obbligatorja tal-ħaddiem mal-VddB. L-ammont ta’ tali benefiċċju jiġi ddeterminat skond il-perijodu ta’ assigurazzjoni u l-kontribuzzjonijiet imħallsa.

38      Fir-rigward tar-raba’ domanda magħmula, kemm T. Maruko kif ukoll il-Kummissjoni jenfasizzaw li t-tnejn u għoxrin premessa tad-Direttiva 2000/78 m’hi riprodotta fl-ebda artikolu ta’ din id-direttiva. Skond T. Maruko, li kieku l-leġiżlatur Komunitarju ried iħalli barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva l-benefiċċji kollha marbuta ma’ l-istat ċivili, il-kontenut ta’ din il-premessa kien jiġi inkluż f’dispożizzjoni partikolari fil-korp ta’ din id-direttiva. Skond il-Kummissjoni, din il-premessa m’hi xejn ħlief l-espressjoni tan-nuqqas ta’ kompetenza ta’ l-Unjoni Ewropea fi kwistjonijiet ta’ stat ċivili.

39      Il-VddB u l-Gvern tar-Renju Unit jikkunsidraw, partikolarment, li t-tnejn u għoxrin premessa tad-direttiva tinkludi esklużjoni ċara u ġenerali u li tiddelimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. Id-direttiva ma tapplikax għad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali dwar l-istat ċivili u lanqas ma tapplika għall-benefiċċji li jiddependu fuqu, bħall-benefiċċju tas-superstiti in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

 Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

40      Mill-Artikolu 3(1)(c) u (3) tad-Direttiva 2000/78 jirriżulta li d-direttiva tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda, partikolarment, il-kundizzjonijiet ta’ paga u li ma tapplikax għal ħlasijiet ta’ kull tip magħmula minn skemi statali jew simili, inklużi skemi statali ta’ sigurtà soċjali jew ta’ protezzjoni soċjali.

41      Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 għandu jinftiehem, fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien mat-tlettax-il premessa ta’ din id-direttiva, li ma jkoprix l-iskemi ta’ sigurtà soċjali u ta’ protezzjoni soċjali li l-benefiċċji tagħhom m’humiex meqjusa bħala paga skond it-tifsira mogħtija lil dan it-terminu għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 141 KE u lanqas bħala ħlasijiet ta’ kull tip magħmula mill-Istat li għandhom bħala għan l-aċċess għall-impjieg jew iż-żamma ta’ l-impjieg.

42      Għalhekk għandu jiġi ddeterminat jekk benefiċċju tas-superstiti mogħti permezz ta’ skema ta’ sigurtà soċjali professjonali bħal dik amministrata mill-VddB jistax jitqies bħala “paga” skond l-Artikolu 141 KE.

43      Dan l-Artikolu jipprovdi li paga għandha tfisser il-paga jew is-salarju komuni bażiku jew minimu, u kwalunkwe remunerazzjoni oħra, direttament jew indirettament, sew jekk fi flus jew in natura, li min iħaddem jagħti lill-ħaddiem minħabba l-impjieg tiegħu.

44      Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet (ara s-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 1993, Ten Oever, C-109/91, Ġabra p. I-4879, punt 8, u tat-28 ta’ Settembru 1994, Beune, C-7/93, Ġabra p. I‑4471, punt 21), il-fatt li xi benefiċċji jingħataw wara li tispiċċa r-relazzjoni ta’ impjieg ma jeskludix li jistgħu jitqiesu bħala “paga” skond l-Artikolu 141 KE.

45      B’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li pensjoni tas-superstiti prevista minn skema tal-pensjonijiet professjonali, stabbilita permezz ta’ ftehim kollettiv, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu. Dwar dan, hija ppreċiżat li l-fatt li din il-pensjoni, minnha nfisha, ma titħallasx lill-ħaddiem, iżda lis-superstiti tiegħu, ma taffettwax din l-interpretazzjoni, peress li dan il-benefiċċju huwa vantaġġ li joriġina mill-affiljazzjoni tal-konjuġi tas-superstiti ma’ l-iskema, b’tali mod li l-pensjoni hija akkwistata minn dan ta’ l-aħħar fil-kuntest tar-relazzjoni ta’ impjieg bejn min iħaddem u dan il-konjuġi u tingħatalu minħabba l-impjieg tiegħu (ara s-sentenzi Ten Oever, iċċitata iktar ’il fuq, punti 12 u 13; Coloroll Pension Trustees, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18; tas-17 ta’ April 1997, Evrenopoulos, C-147/95, Ġabra p. I‑2057, punt 22, u tad-9 ta’ Ottubru 2001, Menauer, C-379/99, Ġabra p. I‑7275, punt 18).

46      Barra minn hekk, biex jiġi evalwat jekk pensjoni ta’ irtirar, li abbażi tagħha huwa kkalkulat, jekk ikun il-każ, il-benefiċċju tas-superstiti bħal fil-kawża prinċipali, taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 141 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, fost il-kriterji li hija qieset f’sitwazzjonijiet fejn intalbet tikkwalifika skema ta’ pensjoni, huwa biss il-kriterju li jirriżulta mill-konstatazzjoni li l-pensjoni ta’ rtirar tingħata lill-ħaddiem minħabba r-relazzjoni ta’ impjieg li torbtu ma’ min kien iħaddmu preċedentement, jiġifieri, il-kriterju ta’ l-impjieg, ibbażat fuq il-kliem stess ta’ dan l-Artikolu, li jista’ jkun determinanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Beune, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43; Evrenopoulos, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19; tad-29 ta’ Novembru 2001, Griesmar, C-366/99, Ġabra p. I‑9383, punt 28; tat-12 ta’ Settembru 2002, Niemi, C-351/00, Ġabra p. I‑7007, punti 44 u 45, kif ukoll tat-23 ta’ Ottubru 2003, Schönheit u Becker, C-4/02 u C-5/02, Ġabra p. I‑12575, punt 56).

47      Ċertament, dan il-kriterju ma jistax jitqies bħala esklużiv, peress li l-pensjonijiet imħallsa mill-iskemi statutorji ta’ sigurtà soċjali jistgħu, totalment jew parzjalment, jieħdu in kunsiderazzjoni l-paga fir-rigward tax-xogħol (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Beune, punt 44; Evrenopoulos, punt 20; Griesmar, punt 29; Niemi, punt 46, kif ukoll Schönheit et Becker, punt 57).

48      Madankollu, il-kunsiderazzjonijiet ta’ politika soċjali, ta’ organizzazzjoni ta’ l-Istat, ta’ etika jew anke l-preokkupazzjonijiet ta’ natura finanzjarja li kellhom jew li seta’ kellhom rwol fit-tfassil ta’ skema mil-leġiżlatur nazzjonali ma jistgħux jieħdu preċedenza jekk il-pensjoni taffettwa biss kategorija partikolari ta’ ħaddiema, jekk hija direttament relatata mal-perijodu ta’ servizz mogħti u jekk l-ammont tagħha huwa kkalkulat abbażi ta’ l-aħħar salarju (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Beune, punt 45; Evrenopoulos, punt 21; Griesmar, punt 30; Niemi, punt 47, kif ukoll Schönheit u Becker, punt 58).

49      Fir-rigward ta’ l-iskema ta’ sigurtà soċjali professjonali obbligatorja amministrata mill-VddB, għandu jiġi rrelevat, fl-ewwel lok, li din toriġina minn ftehim kollettiv li għandu bħala għan, skond l-informazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju, li jissupplimenta l-benefiċċji soċjali dovuti skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ applikazzjoni ġenerali.

50      Fit-tieni lok, huwa paċifiku li din l-iskema hija ffinanzjata esklużivament mill-ħaddiema u minn min iħaddem fis-settur in kwistjoni, bl-esklużjoni ta’ kull intervent finanzjarju pubbliku.

51      Fit-tielet lok, mill-proċess jirriżulta li l-istess skema, hija intiża, skond l-Artikolu 1 tal-ftehim kollettiv, għall-persunal artistiku li jaħdem f’xi wieħed mill-impriżi teatrali li joperaw fil-Ġermanja.

52      Kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, sabiex id-dritt għal benefiċċju tas-superstiti jkun rikonoxxut, jeħtieġ li l-konjuġi tal-benefiċjarju ta’ dan il-benefiċċju kien affiljat mal-VddB qabel ma miet/et. Din l-affiljazzjoni tirrigwarda b’mod obbligatorju l-persunal artistiku impjegat mit-teatri Ġermaniżi. Tikkonċerna wkoll ċertu numru ta’ persuni li jiddeċiedu li jaffiljaw ruħhom volontarjament mal-VddB, peress li tali affiljazzjoni hija possibbli sakemm il-persuni in kwistjoni jistgħu jiġġustifikaw li qabel kienu ħadmu għal ċertu numru ta’ xhur ma’ teatru Ġermaniż.

53      Dawn il-persuni affiljati b’mod obbligatorju jew volontarju għalhekk jiffurmaw kategorija partikolari ta’ ħaddiema.

54      Barra minn hekk, fir-rigward tal-kriterju li l-pensjoni għandha tkun relatata direttament mal-perijodu tas-servizz, għandu jiġi rrelevat li, skond l-Artikolu 30(5) ta’ l-istatut tal-VddB, l-ammont tal-pensjoni ta’ rtirar, li abbażi tiegħu jiġi kkalkulat il-benefiċċju tas-superstiti, huwa ffissat skond il-perijodu ta’ affiljazzjoni tal-ħaddiem, soluzzjoni li hi konsegwenza loġika ta’ l-istruttura ta’ l-iskema ta’ sigurtà soċjali professjonali in kwistjoni li tkopri żewġ tipi ta’ affiljazzjoni, kif ġie enfasizzat fil-punti 52 u 53 ta’ din is-sentenza.

55      Fir-rigward ukoll ta’ l-ammont ta’ l-istess pensjoni ta’ rtirar, din mhijiex iffissata mil-liġi iżda, skond l-Artikolu 30(5) ta’ l-istatut tal-VddB, hija kkalkulata abbażi ta’ l-ammont tal-kontribuzzjonijiet kollha mħallsa mill-ħaddiem matul l-affiljazzjoni u li għalihom jiġi applikat fattur ta’ aġġornament.

56      Jirriżulta li, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 72 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-benefiċċju tas-superstiti in kwistjoni fil-kawża prinċipali jiddependi mir-relazzjoni ta’ impjieg tas-sieħeb ta’ T. Maruko u li, għalhekk, għandu jiġi kklassifikat bħala “paga” skond l-Artikolu 141 KE.

57      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata minħabba l-fatt li l-VddB hija korp pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Evrenopoulos, iċċitata iktar ’il fuq, punti 16 u 23) u lanqas minħabba n-natura obbligatorja ta’ l-affiljazzjoni ma’ l-iskema li tagħti d-dritt għall-benefiċċju tas-superstiti in kwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Mejju 2000, Podesta, C-50/99, Ġabra p. I‑4039, punt 32).

58      F’dak li jirrigwarda l-portata tat-tnejn u għoxrin premessa tad-Direttiva 2000/78, din tistipula li din id-direttiva hija bla ħsara għal-liġijiet nazzjonali dwar l-istat ċivili u l-benefiċċji li jiddependu minnu.

59      Ċertament, l-istat ċivili u l-benefiċċji li jiddependu minnu huma kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ l-Istati Membri u l-liġi Komunitarja ma tippreġudikax din il-kompetenza. Madankollu, għandu jiġi mfakkar li l-Istati Membri għandhom, fl-eżerċizzju ta’ tali kompetenza, jirrispettaw il-liġi Komunitarja, partikolarment id-dispożizzjonijiet dwar il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-16 ta’ Mejju 2006, Watts, C-372/04, Ġabra p. I‑4325, punt 92, u tad-19 ta’ April 2007, Stamatelaki, C-444/05, Ġabra p. I‑3185, punt 23).

60      Peress li benefiċċju tas-superstiti bħal dak in kwistjoni fil-kawża prinċipali ġie kkwalifikat bħala “paga” skond l-Artikolu 141 KE u peress li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 49 sa 57 ta’ din is-sentenza, it-tnejn u għoxrin premessa tad-Direttiva 2000/78 ma tistax tpoġġi fid-dubbju l-applikazzjoni ta’ din id-direttiva.

61      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-ewwel, it-tieni u r-raba’ domandi għandha tkun li benefiċċju tas-superstiti mogħti fil-kuntest ta’ skema ta’ sigurtà soċjali professjonali bħal dik amministrata mill-VddB jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78.

 Fuq it-tielet domanda

62      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2000/78 moqrija flimkien jipprekludux leġiżlazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali li permezz tagħha, wara l-mewt tas-sieħeb tul il-ħajja tiegħu, is-sieħeb superstiti ma jirċevix benefiċċju tas-superstiti bħal dak mogħti lil konjuġi superstiti, minkejja li, bħall-miżżewġin, l-imsieħba tul il-ħajja jkunu għexu f’unjoni ta’ assistenza u għajnuna tul il-ħajja kkostitwita formalment.

 Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

63      T. Maruko u l-Kummissjoni jikkunsidraw li r-rifjut li jingħata benefiċċju tas-superstiti in kwistjoni fil-kawża prinċipali lill-imsieħba tul il-ħajja superstiti huwa diskriminazzjoni indiretta skond id-Direttiva 2000/78, peress li żewġ persuni ta’ l-istess sess ma jistgħux jiżżewġu fil-Ġermanja u, konsegwentement, ma jistgħux jibbenefikaw minn dan il-benefiċċju li huwa riżervat għall-konjuġi superstiti. Skond huma, il-miżżewġin u l-imsieħba tul il-ħajja huma f’sitwazzjoni legali paragunabbli li tiġġustifika l-għoti ta’ dan il-benefiċċju lill-imsieħba superstiti.

64      Skond il-VddB, ma jeżisti l-ebda obbligu kostituzzjonali biex iż-żwieġ u l-unjoni tul il-ħajja jiġu ttrattati bl-istess mod, mill-perspettiva tal-liġi soċjali jew tas-sigurtà soċjali. L-unjoni tul il-ħajja hija istituzzjoni sui generis u stat ġdid ta’ persuni. Mhuwiex possibbli li mil-leġiżlazzjoni Ġermaniża jiġi dedott xi obbligu ta’ trattament ugwali ta’ l-imsieħba tul il-ħajja u l-miżżewġin.

 Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

65      Skond l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 200/78 għandha bħala għan li tikkumbatti fil-qasam ta’ l-impjiegi u tax-xogħol, ċerti tipi ta’ diskriminazzjoni, fosthom dik ibbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali, bl-iskop li l-prinċipju ta’ trattament ugwali jiġi implementat fl-Istati Membri.

66      Skond l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, “il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament” għandu jfisser li m’għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ l-istess direttiva. Skond l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78, ikun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva. L-Artikolu 2(2)(b)(i) jipprovdi li għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali twassal għal żvantaġġ partikolari għal persuni li għandhom reliġjon jew twemmin, diżabilità, età, jew orjentazzjoni sesswali partikolari a paragun ma’ persuni oħra, ħlief jekk dik id-dispożizzjoni, dak il-kriterju jew dik il-prattika ma jkunux oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi użati biex jintlaħaq ikunu xierqa u neċessarji.

67      Mill-informazzjoni mogħtija fid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, mill-2001, is-sena meta daħlet fis-seħħ l-LPartG, fil-verżjoni inizjali tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja adattat is-sistema legali tagħha biex tippermetti lill-persuni ta’ l-istess sess jgħixu f’unjoni ta’ assistenza u għajnuna tul il-ħajja kkostitwita formalment. Billi għażel li ma jippermettix li dawn il-persuni jiżżewġu, peress li ż-żwieġ baqa’ riżervat biss għal persuni ta’ sess differenti, dan l-Istat Membru ħoloq sistema distinta għall-persuni ta’ l-istess sess, l-unjoni tul il-ħajja, li l-kundizzjonijiet tagħha ġew progressivament assimilati ma’ dawk applikabbli għaż-żwieġ.

68      Il-qorti tar-rinviju tirrileva f’dan ir-rigward li l-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 2004 ikkontribwixxiet għall-approssimazzjoni progressiva tas-sistema adottata għall-unjoni tul il-ħajja ma’ dik applikabbli għaż-żwieġ. B’din il-liġi, il-leġiżlatur Ġermaniż emenda l-Ktieb VI tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali - Skema statutorja ta’ assigurazzjoni ta’ l-irtirar, billi żied, partikolarment, il-paragrafu 4 ma’ l-Artikolu 46 ta’ dan il-ktieb, li minnu jirriżulta li l-unjoni tul il-ħajja hija assimilata maż-żwieg f’dak li jirrigwarda l-pensjoni ta’ armla jew armel imsemmija f’din id-dispożizzjoni. Emendi simili saru f’dispożizzjonijiet oħra ta’ l-istess Ktieb VI.

69      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, fid-dawl ta’ din l-approssimazzjoni bejn iż-żwieġ u l-unjoni tul il-ħajja, li hija tikkunsidra bħala assimilazzjoni progressiva, u li skond hi, tirriżulta mis-sistema stabbilita mil-LPartG, u partikolarment, mill-emendi li saru bil-Liġi tal-15 ta’ Diċembru 2004, l-unjoni tul il-ħajja, mingħajr ma hija identika għaż-żwieġ, tpoġġi lill-persuni ta’ l-istess sess f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik tal-miżżewġin f’dak li jirrigwarda l-benefiċċju tas-superstiti in kwistjoni fil-kawża prinċipali.

70      Madankollu, hija tikkonstata li, bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ l-istatut tal-VddB, id-dritt għal dan il-benefiċċju tas-superstiti huwa limitat biss għall-konjuġi superstiti u huwa rifjutat fil-konfront ta’ l-imsieħba tul il-ħajja superstiti.

71      F’dan il-każ, dawn l-imsieħba tul il-ħajja qed jiġu għalhekk ittrattati b’mod inqas favoreveoli mill-konjuġi superstiti fir-rigward tad-dritt għal dan il-benefiċċju tas-superstiti.

72      Kieku l-qorti tar-rinviju tiddeċiedi li l-konjuġi superstiti u l-imsieħba tul il-ħajja superstiti huma f’sitwazzjoni paragunabbli f’dak li jirrigwarda dan l-istess benefiċċju tas-superstiti, leġiżlazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali għandha, għalhekk, tkun ikkunsidrata bħala li tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali, skond l-Artikoli 1 u 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78.

73      Minn dak li ntqal aktar’il fuq, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2000/78 moqrija flimkien jipprekludu leġiżlazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali li permezz tagħha, wara l-mewt tas-sieħeb tul il-ħajja tiegħu, is-sieħeb superstiti ma jirċevix benefiċċju tas-superstiti bħal dak mogħti lil konjuġi superstiti, minkejja li, skond il-liġi nazzjonali, l-unjoni tul il-ħajja tpoġġi lill-persuni ta’ l-istess sess f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik tal-miżżewġin f’dak li jirrigwarda dan il-benefiċċju tas-superstiti. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk sieħeb tul il-ħajja superstiti huwiex f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ konjuġi superstiti benefiċjarju tal-benefiċċju tas-superstiti previst mill-iskema ta’ sigurtà soċjali professjonali amministrata mill-VddB.

 Fuq il-ħames domanda

74      Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, f’każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li d-Direttiva 2000/78 tipprekludi leġiżlazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, il-benefiċċju tas-superstiti in kwistjoni fil-kawża prinċipali għandux ikun limitat fiż-żmien u partikolarment għall-perijodi ta’ wara s-17 ta’ Mejju 1990 abbażi tas-sentenza Barber, iċċitata iktar ’il fuq.

 Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja

75      Il-VddB tikkunsidra li l-kawża li tat lok għas-sentenza Barber, iċċitata iktar ’il fuq, hija differenti, fil-fatt u fid-dritt, mill-kawża prinċipali u li d-Direttiva 2000/78 ma tistax tingħata effett retroattiv billi jiġi deċiż li din id-direttiva għandha tapplika għal data li tiġi qabel id-data ta’ l-iskadenza tat-terminu mogħti lill-Istati Membri biex jittrasponuha.

76      Il-Kummissjoni hija tal-fehma li mhuwiex meħtieġ li tingħata risposta għall-ħames domanda. Hija tikkunsidra li l-kawża li tat lok għas-sentenza Barber, iċċitata iktar ’il fuq, hija differenti, fil-fatt u fid-dritt, mill-kawża prinċipali u tenfasizza li d-Direttiva 2000/78 ma tinkludi ebda dispożizzjoni li tidderoga mill-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni minħabba l-orjentazzjoni sesswali. Hija tippreċiża li, bid-differenza tal-kawża prinċipali, fil-kawża li tat lok għas-sentenza Barber, iċċitata iktar ’il fuq, kienet inġibdet l-attenzjoni għall-konsegwenzi finanzjarji li interpretazzjoni ġdida ta’ l-Artikolu 141 KE seta’ jkollha. F’dan ir-rigward hija tindika li, peress li l-LPartG daħlet fis-seħħ biss fl-1 ta’ Awwissu 2001 u peress li l-leġiżlatur Ġermaniż, mill-1 ta’ Jannar 2005, kien stabbilixxa, fir-rigward ta’ l-iskema ta’ assigurazzjoni soċjali, ugwaljanza fit-trattament bejn l-unjoni tul il-ħajja u ż-żwieġ, il-fatt li tali ugwaljanza tittieħed in kunsiderazzjoni fl-iskemi ta’ sigurtà soċjali professjonali ma jpoġġihomx f’diffikultà finanzjara.

 Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja

77      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, b’mod eċċezzjonali, filwaqt li tikkunsidra l-konsegwenzi serji li d-deċiżjoni tagħha jista’ jkollha għall-passat, tiġi indotta li tillimita l-possibbiltà għal kull min hu kkonċernat li jinvoka l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti, meta tiġi mitluba tagħmel dan permezz ta’ domanda preliminari. Tali limitazzjoni ma tistax tiġi permessa ħlief mill-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza stess li tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni mitluba (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Barber, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41, u tas-6 ta’ Marzu 2007, Meilicke et, C-292/04, Ġabra p. I‑1835, punt 36).

78      Mill-proċess ma jirriżultax li l-bilanċ finanzjarju ta’ l-iskema bħal dik amministrata mill-VddB jirriskja li jiġi pperturbat retroattivament jekk l-effetti ta’ din is-sentenza ma jiġux limitati fiż-żmien.

79      Minn dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li m’hemmx lok li l-effetti ta’ din is-sentenza jkunu limitati fiż-żmien.

 Fuq l-ispejjeż

80      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (L-Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Benefiċċju tas-superstiti mogħti fil-kuntest ta’ skema ta’ sigurtà soċjali professjonali bħal dik amministrata mill-Versorgungsanstalt der deutschen Bühnen jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol.

2)      Id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 2000/78 moqrija flimkien jipprekludu leġiżlazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali li permezz tagħha, wara l-mewt tas-sieħeb tul il-ħajja tiegħu, is-sieħeb superstiti ma jirċevix benefiċċju tas-superstiti bħal dak mogħti lil konjuġi superstiti, minkejja li, skond il-liġi nazzjonali, l-unjoni tul il-ħajja tpoġġi lill-persuni ta’ l-istess sess f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik tal-miżżewġin f’dak li jirrigwarda dan il-benefiċċju tas-superstiti. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk sieħeb tul il-ħajja superstiti huwiex f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ konjuġi superstiti benefiċjarju tal-benefiċċju tas-superstiti previst mill-iskema ta’ sigurtà soċjali professjonali amministrata mill-Versorgungsanstalt der deutschen Bühnen.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.