Language of document :

Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Novembru 2019 – Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Ungerija

(Kawża C-821/19)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Condou-Durande, J. Tomkin, u A. Tokár, aġenti)

Konvenuta: L-Ungerija

Talbiet

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li l-Ungerija

naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali peress li introduċiet motiv ġdid ta’ inammissibbiltà minbarra dawk espressament previsti f’din id-direttiva b’rabta mal-inammissibbiltà ta’ applikazzjonijiet għall-ażil;

naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 8(2), 12(1)(c) u 22(1) tad-Direttiva 2013/32, kif ukoll l-Artikolu 10(4) tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali meta adottat miżuri li jikkriminalizzaw l-attività li torganizza proċedura ta’ ażil għal persuni li ma jissodisfawx il-kriterji stabbiliti mid-dritt nazzjonali fil-qasam tal-ażil u li permezz tagħha ġew adottati miżuri restrittivi fir-rigward ta’ persuni akkużati jew misjuba ħatja ta’ tali reat;

b)    tikkundanna lill-Ungerija għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Peress li fl-2015 l-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-ażil żdied f’daqqa, l-Ungerija mmodifikat repetutament is-sistema ta’ ażil tagħha. Fl-2018, il-leġiżlazzjoni Ungeriża dwar id-dritt għall-ażil ġiet immodifikata sostanzjalment. Fl-20 ta’ Ġunju 2018, il-Parlament Ungeriż approva l-az egyes törvényeknek a jogellenes bevándorlás elleni intézkedésekkel kapcsolatos módosításáról szóló, 2018. Évi VI. törvény (il-Liġi VI tal-2018, li temenda ċerti liġijiet b’rabta ma’ miżuri kontra l-immigrazzjoni illegali) u s-seba’ emenda għall-Kostituzzjoni Ungeriża. Dan is-sett ta’ miżuri leġiżlattivi huwa magħruf ukoll bħala l-Liġi “Stop Soros”. Permezz ta’ dawn il-modifiki, iċ-ċirku ta’ nies li jistgħu jibbenefikaw mid-dritt għall-ażil kien iktar ristrett, peress li, skont il-modifika għall-Liġi dwar id-dritt għall-ażil, l-applikazzjoni titqies inammissibbli meta l-applikant jasal fit-territorju tal-Ungerija minn pajjiż fejn ma kienx espost għal persekuzzjoni jew għar-riskju dirett li jiġi ppersegwitat. Il-Büntető Törvénykönyv (il-Kodiċi Kriminali) ġie wkoll modifikat bl-istess mod. Għalhekk, ġiet ikkriminalizzata l-attività li torganizza proċedura ta’ ażil għal persuni li ma humiex ippersegwitati fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, fil-pajjiż tar-residenza abitwali tagħhom jew f’pajjiż ta’ passaġġ [fl-Ungerija] għal raġunijiet ta’ razza, nazzjonalità, sħubija fi grupp soċjali partikolari, reliġjon jew opinjonijiet politiċi, jew li ma għandhomx biża’ fondata li jiġu ppersegwitati direttament.

Wara li kkunsidrat li l-leġiżlazzjoni adottata fl-2018 tmur kontra d-dritt tal-Unjoni, il-Kummissjoni tat bidu għal proċedura ta’ ksur kontra l-Ungerija. Peress li l-allegazzjonijiet magħmula mill-Ungerija matul il-proċedura amministrattiva preliminari ma jiċċarawx id-dubji tal-Kummissjoni, hija ddeċidiet li tirreferi l-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja.

____________