Language of document :

Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Marzu 2016 – Il-Belġju vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-131/16)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Ir-Renju tal-Belġju (rappreżentanti: C. Pochet u J. Halleux, bħala aġenti, assistiti minn M. Segura Catalán u M. Clayton, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tilqa’ il-motivi għall-annullament invokati fir-rikors;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Jannar 2016 dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat permezz ta’ eżenzjoni għall-profitt eċċessiv SA.37667 (2015/C) (ex 2015/NN) implementata mir-Renju tal-Belġju safejn din ma tidentifikax adegwatament il-miżura ta’ għajnuna mill-Istat, tikklassifika s-sistema ta’ deċiżjonijiet dwar profitt eċċessiv bħala skema, u tikkunsidraha bħala għanjuna mill-Istat inkompatibbli fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE;

alternattivament, tannulla l-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni kkontestata safejn dawn jikkunsidraw is-sistema ta’ deċiżjonijiet dwar profitt eċċessiv bħala inkompatibbli mas-suq intern u tordna l-irkupru tal-allegata għajnuna mill-Istat mill-gruppi ta’ kumpanniji li huma proprjetarji tar-reċipjenti bi ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 2(6) TFUE u tal-Artikolu 5(1) u (2) TUE permezz tal-użu tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat sabiex unilateralment tiġi ddefinita il-ġurisdizzjoni fiskali tal-Istat Belġjan.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni ta’ żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-identifikazzjoni tal-allegata miżura ta’ għajnuna mill-Istat u fil-klassifikazzjoni tagħha bħala skema ta’ għajnuna mill-Istat li ma tirrikjedix miżuri implementattivi ulterjuri fis-sens tal-Artikolu 1(d) tar-Regolament Nru 2015/1589 u l-Artikolu 107 TFUE.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni ta’ ksur tal-Artikolku 107 TFUE safejn ġie kkunsidrat li s-sistema ta’ deċiżjonijiet dwar profitt eċċessiv tikkostitwixxi miżura ta’ għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni ma pproduċietx prova tar-riżorsi Statali li huma involuti, ma identifikatx l-eżistenza ta’ vantaġġ u evalwat b’mod żbaljat is-selettività u d-distorzjoni tal-kompetizzjoni.

Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-identifikazzjoni bħala benefiċċjarji tal-għajnuna allegata mhux biss l-entitajiet Belġjani taxxabbli fil-Belġju iżda wkoll il-gruppi multinazzjonali li huma l-proprjetarji tagħhom.

Sussidjarjament, il-ħames motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni ta’ ksur tal-prinċipju ġenerali tal-legalità u tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 2015/1589, tat-13 ta’ Lulju 2015, li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea 1 peress li l-irkupru jista’ jintalab mill-gruppi multinazzjonali li huma l-proprjetarji tal-entitajiet Belġjani li ngħataw deċiżjoni.

____________

1 Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589, tat-13 ta’ Lulju 2015, li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 248, p. 9).