Language of document : ECLI:EU:T:2016:427

DIGRIET TAL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI

19 ta’ Lulju 2016 (*)

“Proċeduri għal miżuri provviżorji – Għajnuna mill-Istat – Sistema fiskali ta’ eżenzjoni ta’ profitt eċċessiv ta’ ċerti impriżi multinazzjonali – Eżenzjoni mogħtija fuq il-bażi ta’ deċiżjonijiet fiskali antiċipati (tax rulings) – Deċiżjoni li tiddikjara s-sistema ta’ għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru tal-għajnuna – Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Nuqqas ta’ urġenza”

Fil-Kawża T‑131/16 R,

Ir-Renju tal-Belġju, irrappreżentat minn C. Pochet u J.-C. Halleux, bħala aġenti, assistiti minn M. Segura Catalán u M. Clayton, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P.-J. Loewenthal u B. Stromsky, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikoli 278 u 279 TFUE u intiża sabiex jinkiseb l-għoti ta’ miżuri provviżorji għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-Artikoli 2, 3 u 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2015) 9887 finali, tal-11 ta’ Jannar 2016, dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat permezz ta’ eżenzjoni għall-profitt eċċessiv SA.37667 (2015/C) (ex 2015/NN) implementata mill-Belġju,

IL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI

jagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

1        It-tilwima preżenti tirrigwarda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2015) 9887 finali, tal-11 ta’ Jannar 2016, dwar l-iskema ta’ għajnuna mill-Istat permezz ta’ eżenzjoni għall-profitt eċċessiv SA.37667 (2015/C) (ex 2015/NN) implementata mill-Belġju (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni kkontestata”), li tirreferi għal leġiżlazzjoni speċifika tad-dritt fiskali Belġjan, jiġifieri l-iskema ta’ eżenzjoni ta’ ċerti profitti magħmula minn kumpanniji Belġjani li jagħmlu parti minn gruppi ta’ impriżi multinazzjonali. L-element essenzjali ta’ din l-iskema huwa s-sistema ta’ deċiżjonijiet fiskali antiċipati dwar il-profitt eċċessiv (iktar ’il quddiem, is-“sistema ta’ profitt eċċessiv”), li tippermetti lil kumpannija Belġjana li tagħmel parti minn grupp multinazzjonali tagħmel aġġustamenti għall-bażi taxxabbli tagħha.

2        Skont ir-Renju tal-Belġju, is-sistema ta’ profitt eċċessiv tistrieħ fuq il-prinċipju ta’ kompetizzjoni sħiħa, applikat b’mod wiesa’ fil-qasam tat-tassazzjoni internazzjonali u rrikonoxxut mill-mudell ta’ Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni għall-kooperazzjoni u għall-iżvilupp ekonomiku (OECD). Dan il-prinċipju huwa intiż sabiex jiggarantixxi li l-valur mogħti lit-tranżazzjonijiet transkonfinali fi ħdan grupp multinazzjonali jkun jirrifletti l-valur ekonomiku reali tagħhom, jiġifieri dak li jirriżulta mit-termini u l-kundizzjonijiet li kienu jkunu applikabbli, kieku dawn it-tranżazzjonijiet ma kinux saru bejn partijiet relatati, li jippermetti li kull waħda mill-kumpanniji li tagħmel parti mill-istess grupp titqies li hija entità taxxabbli separata.

3        Ir-Renju tal-Belġju jispeċifika li, skont l-iskema ta’ eżenzjoni inkwistjoni, l-awtoritajiet tat-taxxa kompetenti Belġjani jeżaminaw is-sitwazzjoni ta’ kull kumpannija individwalment u jadottaw deċiżjoni li tiddetermina l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-imsemmija skema. F’deċiżjoni bħal din, l-ewwel nett, il-prezzijiet ta’ kompetizzjoni sħiħa applikati għat-tranżazzjonijiet konklużi bejn il-kumpannija Belġjana u l-kumpanniji li magħhom hija konnessa jiġu ffissati fuq il-bażi ta’ rapport fil-qasam tal-prezz ta’ trasferiment. Ladarba dawn il-prezzijiet ta’ trasferiment jiġu applikati għat-tranżazzjonijiet, l-entità Belġjana li għandha rwol ċentrali fil-grupp multinazzjonali żżomm, fil-prinċipju, il-profitt residwali magħmul fuq dawn it-tranżazzjonijiet. Barra minn hekk, fuq il-bażi ta’ tieni rapport dwar il-prezz ta’ trasferiment, jiġi stabbilit il-“profitt eċċessiv” potenzjali. Għal dan il-għan, jitqies il-fatt li parti mill-profitt residwali jirriżulta mill-valur miżjud maħluq mill-attivitajiet eżerċitati mill-entità Belġjana u parti oħra minn dan il-profitt residwali jirriżulta mill-effetti tal-grupp, bħas-sinerġija tal-grupp jew l-ekonomiji ta’ skala. Fi ħdan il-profitt residwali, il-profitt eċċessiv jikkorrispondi għall-profitti li kumpannija ma kinitx tkun tista’ tikseb li kieku kienet awtonoma. Dan huwa profitt tal-entità Belġjana li jeċċedi l-profitt ta’ kompetizzjoni sħiħa.

4        Ir-Renju tal-Belġju jenfasizza li huwa biss il-profitt eċċessiv li, fuq il-bażi ta’ rapporti fil-qasam tal-prezz ta’ trasferiment, ma għandux jiġi attribwit għat-tranżazzjonijiet Belġjani tal-kumpannija taxxabbli Belġjana u għaldaqstant ma jagħmilx parti mill‑profitt ta’ kompetizzjoni sħiħa ta’ din il-kumpannija, li jista’ jiġi eskluż mill-bażi taxxabbli taħt l-iskema ta’ eżenzjoni inkwistjoni. Fil-fehma tiegħu, il-profitt li jibqa’ huwa r-rifless tal-profitti ġġenerati mill-entità Belġjana, u dan il-profitt huwa ntaxxat mill-awtoritajiet Belġjani skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi fiskali Belġjana, filwaqt li l-profitt li huwa r-riżultat ta’ appartenenza fi grupp multinazzjonali ma jaqax taħt il-kompetenza fiskali tal-Belġju.

5        Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni Ewropea kkonkludiet li s-sistema ta’ profitt eċċessiv kienet tagħti għajnuna mill-Istat lid-destinatarji tagħha. Fil-fatt, din is-sistema tidderoga mir-regola ġenerali prevista fid-dritt fiskali Belġjan skont liema l-kumpanniji residenti jew li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom permezz ta’ stabbiliment permanenti fil-Belġju huma ntaxxati fuq id-dħul taxxabbli totali tagħhom, ikkalkolat bħala punt tat-tluq fuq il-bażi tal-profitt realment irreġistrat tagħhom. B’dan il-mod, parti mill-profitt irreġistrat mill-entitajiet Belġjani ta’ gruppi multinazzjonali, hija eżenti mit-taxxa fuq il-kumpanniji Belġjana, li jwassal għal inugwaljanza fit-trattament bejn il-kumpanniji li jkunu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika simili fid-dawl tal-għan tar-regola ġenerali msemmija hawn fuq, li huwa li jiġi ntaxxat il-profitt tal-kumpanniji kollha li huma suġġetti għat-taxxa fil-Belġju.

6        Sussidjarjament, il-Kummissjoni indikat fid-deċiżjoni kkontestata, li, irrispettivament minn jekk is-sistema ta’ referenza tista’ tingħad li tinkludi regola ġenerali li l-entitajiet Belġjani ta’ gruppi multinazzjonali ma għandhomx ikunu ntaxxati fuq l-ammont ta’ profitt li jeċċedi l-profitt imsejjaħ “ta’ kompetizzjoni sħiħa”, is-sistema ta’ profitt eċċessiv tikkostitwixxi applikazzjoni żbaljata tal-prinċipju ta’ kompetizzjoni sħiħa u, għalhekk, deroga minn dan il-prinċipju. Fil-fatt, din id-deroga tikkonsisti f’li tagħti lill-entitajiet Belġjani ta’ gruppi multinazzjonali eżenzjoni fiskali ta’ parti mill-profitt tagħhom ta’ kompetizzjoni sħiħa, li jwassal għal inugwaljanza fit-trattament bejn il-kumpanniji li jkunu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika simili fid-dawl tal-għan segwit mis-sistema normali ta’ tassazzjoni tal-profitt tal-kumpanniji fil-Belġju.

7        Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata tipprovdi, fl-Artikolu 1 tagħha, li l-iskema ta’ eżenzjoni ta’ profitt eċċessiv tikkostitwixxi għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, li hija inkompatibbli mas-suq intern u li ġiet implementata illegalment mir-Renju tal-Belġju bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE. L-Artikolu 2(1) sa (4) tagħha jordna lir-Renju tal-Belġju jirkupra mingħand il-benefiċjarji l-għajnuna inkompatibbli u illegali mogħtija filwaqt li jispeċifika li l-ammonti li għandhom jiġu rkuprati jipproduċu interessi fuq bażi komposta, u li kull somma li għadha ma tradditx lura mill-benefiċjarji għandha tiġi rkuprata mill-grupp ta’ kumpanniji li l-benefiċjarju jagħmel parti minnu. L-Artikolu 3 tagħha jipprovdi li l-irkupru għandu jkun immedjat u effettiv u li r-Renju tal-Belġju għandu jiżgura li d-deċiżjoni tkun implementata kompletament fi żmien erba’ xhur min-notifika tagħha. L-Artikolu 4 tagħha jordna lir-Renju tal-Belġju, minn naħa, li jikkomunika, fi żmien xahrejn minn din in-notifika, lill-Kummissjoni, b’mod partikolari, il-lista ta’ benefiċjarji tal-għajnuna u l-ammont totali (kapital u interessi) li għandu jiġi rkuprat mingħand kull benefiċjarju u, min-naħa l-oħra, biex iżomm lill-Kummissjoni informata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali meħuda biex tiġi implementata d-deċiżjoni kkontestata sakemm l-għajnuna kollha tiġi rkuprata.

8        Fl-istqarrija għall-istampa tagħha tal-11 ta’ Jannar 2016 dwar id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-irkupru tal-għajnuna kien ser ikun ta’ madwar EUR 700 miljun u li, min-naħa tal-benefiċjarji, l-awtoritajiet Belġjani kien ser ikollhom jindirizzaw madwar 35 kumpannija multinazzjonali.

9        B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Marzu 2016, ir-Renju tal-Belġju ppreżenta rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

10      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-26 ta’ April 2016, ir-Renju tal-Belġju ressaq din it-talba għal miżuri provviżorji, li fiha huwa jitlob, essenzjalment, li l-President tal-Qorti Ġenerali jogħġbu:

–        jissospendi l-eżekuzzjoni tal-Artikoli 2, 3 u 4 tad-deċiżjoni kkontestata sakemm il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi r-rikors fuq il-mertu;

–        jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

11      Fl-osservazzjonijiet tagħha dwar it-talba għal miżuri provviżorji, ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Mejju 2016, il-Kummissjoni titlob li l-President tal-Qorti Ġenerali jogħġbu:

–        jiċħad din it-talba;

–        jikkundanna lir-Renju tal-Belġju għall-ispejjeż.

 Id-dritt

12      Minn qari flimkien tal-Artikoli 278 u 279 TFUE, minn naħa, u tal-Artikolu 256(1) TFUE, min-naħa l-oħra, jirriżulta li l-qorti għal miżuri provviżorji tista’, jekk tqis li ċ-ċirkustanzi jkunu jeżiġu dan, tordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni kkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali jew tippreskrivi l-miżuri provviżorji neċessarji. Madankollu, l-Artikolu 278 TFUE jistabbilixxi l-prinċipju tan-natura mhux sospensiva tar-rikorsi, peress li l-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ legalità. Għalhekk, huwa biss f’każijiet eċċezzjonali li l-qorti għal miżuri provviżorji tista’ tordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ att ikkontestat quddiem il-Qorti Ġenerali jew tippreskrivi miżuri provviżorji (ara d-digriet tal-11 ta’ Novembru 2013, CSF vs Il-Kummissjoni, T-337/13 R, mhux ippubblikat, EU:T:2013:599, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

13      Barra minn hekk, l-Artikolu 156(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprovdi li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jispeċifikaw is-suġġett tal-kawża, iċ-ċirkustanzi li jistabbilixxu l-urġenza kif ukoll il-motivi ta’ fatt u ta’ dritt li jiġġustifikaw prima facie l-għoti tal-miżura provviżorja mitluba minnhom. Għalhekk, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni u miżuri provviżorji oħra jistgħu jiġu ordnati mill-qorti għal miżuri provviżorji jekk jiġi stabbilit li l-għoti tagħhom ikun iġġustifikat prima facie fil-fatt u fid-dritt (fumus boni juris) u li huwa urġenti fis-sens li huwa meħtieġ, sabiex jiġi evitat dannu serju u irreparabbli għall-interessi tal-parti li titlobhom, li jingħataw u li jipproduċu l-effetti tagħhom qabel id-deċiżjoni fuq ir-rikors prinċipali. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, b’tali mod li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jiġu miċħuda meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet tkun nieqsa (ara d-digriet tal-11 ta’ Novembru 2013, CSF vs Il-Kummissjoni, T-337/13 R, mhux ippubblikat, EU:T:2013:599, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

14      Fil-kuntest ta’ dan l-eżami ġenerali, il-qorti għal miżuri provviżorji għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa u tibqa’ libera li tiddetermina, fid-dawl tal-aspetti partikolari tal-każ, il-mod kif dawn il-kundizzjonijiet differenti għandhom jiġu vverifikati kif ukoll l-ordni ta’ dan l-eżami, ladarba l-ebda dispożizzjoni legali ma timponilha skema ta’ analiżi stabbilita minn qabel sabiex tevalwa l-ħtieġa li tiddeċiedi b’mod provviżorju. Il-qorti għal miżuri provviżorji għandha twettaq ukoll, jekk ikun il-każ, ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni (ara d-digriet tal-11 ta’ Novembru 2013, CSF vs Il-Kummissjoni, T-337/13 R, mhux ippubblikat, EU:T:2013:599, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

15      Fid-dawl tal-elementi tal-proċess, il-qorti għal miżuri provviżorji tqis li għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tiddeċiedi dwar din it-talba għal miżuri provviżorji, mingħajr ma hemm bżonn li jinstemgħu, minn qabel, l-ispjegazzjonijiet orali tal-partijiet.

16      Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, qabelxejn għandu jiġi evalwat jekk il-kundizzjoni relatata mal-urġenza hijiex issodisfatta.

17      F’dan il-kuntest, ir-Renju tal-Belġju jikkritika l-inċertezza legali li tirriżulta mill-approċċ il-ġdid tal-Kummissjoni rigward id-definizzjoni tal-kompetenza fiskali ta’ Stat Membru u d-definizzjoni l-ġdida tagħha tal-“prinċipju ta’ kompetizzjoni sħiħa”. Minħabba din l-inċertezza legali ta’ skala mingħajr preċedent, huwa probabbli ħafna li xi kumpanniji jiddeċiedu li jitilqu mill-Belġju jew li ma jinvestux iktar hemmhekk, li jwassal għal dannu irreparabbli lill-ekonomija Belġjana.

18      Ir-Renju tal-Belġju jibża’, barra minn hekk, li l-implementazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tikkawżalu dannu irreparabbli, peress li l-awtoritajiet fiskali Belġjani jkollhom jiġbru d-data kollha mill-kumpanniji, jeżaminaw mill-ġdid u jikkalkolaw mill-ġdid it-taxxa li kull kumpannija kien ikollha tħallas fl-assenza tas-sistema ta’ profitt eċċessiv u jeżiġu l-ħlas lura tal-għajnuna miżjuda bl-interessi. Dawn l‑awtoritajiet ikollhom ukoll jikkuntattjaw l-kontropartijiet tagħhom fl-Istati Membri l-oħra u f’ċerti pajjiżi terzi biex jiddeterminaw jekk il-parti ta’ profitt eċċessiv li kienet is-suġġett ta’ rapport fil-Belġju kinitx imposta jew hijiex ser tiġi imposta xi mkien ieħor. Dan ix-xogħol jippreżupponi piż amministrattiv enormi għall-amministrazzjoni ta’ pajjiż relattivament żgħir li għandu inqas riżorsi umani għad-dispożizzjoni tiegħu. Ir-Renju tal-Belġju jsostni li, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ikollu jaffaċċja dannu serju u irreparabbli minħabba l-piż amministrattiv enormi li jkollu jimplementa, inizjalment sabiex jiddetermina l-ammont li għandu jiġi rkuprat abbażi tad-deċiżjoni kkontestata, li hija nieqsa minn ċarezza u mbagħad sabiex irodd lura l-ammonti rkuprati.

19      Ir-Renju tal-Belġju jżid li jekk l-irkupru ta’ somom ikklassifikati bħala għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern jiġi implementat, il-kumpanniji minn fejn tali għajnuna għandha tiġi rkuprata jressqu kawżi. Il-qrati nazzjonali, kif ukoll il-qrati ta’ arbitraġġ internazzjonali għalhekk ikunu kkonfrontati b’diversi kawżi assorbenti u kumplessi, mibdija minn kumpanniji li jitolbu kumpens u danni.

20      F’dan il-kuntest, ir-Renju tal-Belġju jfakkar li, skont il-ġurisprudenza, jista’ jkun hemm raġunijiet sabiex tiġi reża inqas stretta f’ċerti każijiet, il-kundizzjoni dwar l-urġenza peress li l-fumus boni juris stabbilit huwa partikolarment serju. Għalhekk, il-qorti għal miżuri provviżorji diġà qieset id-diffikultà eċċessiva li tintwera n-natura irreparabbli tad-dannu allegat u rrikonoxxiet li d-dritt primarju, jiġifieri l-Artikoli 278 u 279 tat-TFUE, jipprevali fuq kwalunkwe leġiżlazzjoni sekondarja. Għalhekk ma hemm xejn li jżomm lill-qorti għal miżuri provviżorji milli tapplika direttament dawn l-artikoli u li tordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni jekk hija tqis li “ċ-ċirkustanzi hekk jeħtieġu” jew li tippreskrivi l-miżuri provviżorji “meħtieġa”, u dan minħabba l-illegalità manifesta tal-miżura kkontestata, meta din tkun, pereżempju, nieqsa saħansitra minn apparenza ta’ legalità.

21      Il-Kummissjoni tqis, min-naħa l-oħra, li l-kundizzjoni dwar l-urġenza ma ġietx issodisfatta.

22      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, in-natura urġenti ta’ talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi evalwata fid-dawl tan-neċessità ta’ deċiżjoni provviżorja sabiex jiġi evitat li jiġi kkawżat dannu serju u irreparabbli lill-parti li qiegħda titlob il-miżura provviżorja. Hija din il-parti li għandha tipproduċi l-prova solida li hija ma tistax tistenna l-eżitu tal-proċedura relatata mar-rikors prinċipali mingħajr ma jkollha ġġarrab personalment dannu ta’ din in-natura (digrieti tad-19 ta’ Settembru 2012, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni, T‑52/12 R, EU:T:2012:447, punt 36; tas-17 ta’ Jannar 2013, Is-Slovenja vs Il-Kummissjoni, T‑507/12 R, mhux ippubblikat, EU:T:2013:25, punt 14, u tas-27 ta’ Frar 2015, Spanja vs Il-Kummissjoni, T‑826/14 R, EU:T:2015:126, punt 24).

23      Għal dak li jirrigwarda l-provi neċessarji għal dan il-għan, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-parti li titlob l-għoti ta’ miżura provviżorja għandha tippreżenta lill-qorti għal miżuri provviżorji, indikazzjonijiet konkreti u preċiżi, sostnuti b’dokumenti ddettaljati li juru s-sitwazzjoni invokata u li jippermettu li jiġu eżaminati l-konsegwenzi li probabbilment jirriżultaw fl-assenza tal-miżura mitluba. Din il-parti hija għalhekk obbligata li tipprovdi, dokumenti ta’ sostenn, informazzjoni li tista’ tistabbilixxi stampa vera u globali tas-sitwazzjoni li hija tallega li tiġġustifika l-għoti tal-imsemmija miżura (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-17 ta’ Jannar 2013, Is-Slovenja vs Il-Kummissjoni, T‑507/12 R, mhux ippubblikat, EU:T:2013:25, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Peress li t-talba preżenti għal miżuri provviżorji tressqet mir-Renju tal-Belġju, għandu jiġi rrilevat li l-Istati Membri huma responsabbli għall-interessi meqjusa li huma interessi ġenerali fuq il-livell nazzjonali. Konsegwentement, huma jistgħu jiżguraw il-protezzjoni tagħhom fil-kuntest ta’ proċedura għal miżuri provviżorji u jitolbu l-għoti ta’ miżuri provviżorji billi jallegaw, b’mod partikolari, li l-miżura kkontestata għandha mnejn tikkomprometti serjament it-twettiq tal-missjonijiet Statali tagħhom u l-ordni pubbliku. L-Istati Membri jistgħu, barra minn hekk, jinvokaw li danni li jaffettwaw settur tal-ekonomija tagħhom, b’mod partikolari meta l-miżura kkontestata jista’ jkollha konsegwenzi sfavorevoli fuq il-livell tal-impjieg u fuq l-għoli tal-ħajja. Min-naħa l-oħra, ma huwiex biżżejjed għalihom li jinvokaw id-dannu li jġarrab numru limitat ta’ impriżi meta dawn tal-aħħar, meħuda individwalment, ma jirrappreżentawx settur sħiħ tal-ekonomija nazzjonali (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-27 ta’ Frar 2015, Spanja vs Il-Kummissjoni, T‑826/14 R, EU:T:2015:126, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      F’dan il-każ, f’dak li jirrigwarda l-allegazzjoni tar-Renju tal-Belġju fis-sens li huwa probabbli, fil-każ tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li wħud mill-impriżi benefiċjarji tas-sistema ta’ profitt eċċessiv jittrasferixxu l-attivitajiet tagħhom ’il barra mill-Belġju jew jiddeċiedu li ma jinvestux iktar fil-Belġju, għandu jiġi kkonstatat li r-Renju tal-Belġju ma jallegax, u lanqas a fortiori ma juri, li dawn l-impriżi, li lanqas ma indika n-numru tagħhom, huma rappreżentattivi ta’ settur partikolari tal-ekonomija Belġjana u li l-assenjazzjoni tagħhom, minħabba d-deċiżjoni kkontestata, għandha mnejn ikollha konsegwenzi sfavorevoli fuq il-livell tal-impjieg u fuq l-għoli tal-ħajja f’qasam tal-ekonomija jew f’reġjun speċifiku tal-Belġju (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet tas-27 ta’ Frar 2015, Spanja vs Il-Kummissjoni, T‑826/14 R, EU:T:2015:126 punt 31).

26      B’dan il-mod, ir-Renju tal-Belġju ma stabbilixxiex stampa vera u globali, kif mitlub mill-ġurisprudenza, tas-sitwazzjoni ekonomika invokata sabiex tiġġustifika l-urġenza. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti għal miżuri provviżorji ma tistax taċċetta l-urġenza invokata, billi tikkuntenta ruħha bl-affermazzjoni sempliċi mhux sostnuta tar-Renju tal-Belġju dwar l-imġiba temuta ta’ ċerti impriżi. Fil-fatt, fid-dawl tan-natura strettament eċċezzjonali tal-għoti ta’ miżuri provviżorji (ara l-punt 12 iktar ’il fuq), tali miżura tista’ tingħata biss jekk l-imsemmija affermazzjoni tkun akkumpanjata b’indikazzjonijiet li jagħtu stampa vera u globali tas-sitwazzjoni inkwistjoni u jekk tkun ibbażata fuq provi (ara, f’dan is‑sens, id-digriet tas-17 ta’ Jannar 2013, Is-Slovenja vs Il-Kummissjoni, T‑507/12 R, mhux ippubblikat, EU:T:2013:25, punti 18 u 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      L-istess japplika għall-affermazzjoni tar-Renju tal-Belġju fis-sens li l-awtoritajiet fiskali tiegħu, peress li huma “ta’ pajjiż relattivament żgħir li għandu inqas riżorsi umani għad-dispożizzjoni tiegħu”, jiġu esposti għal piż amministrattiv eċċessiv, jekk ikollhom jiddeterminaw l-ammont ta’ għajnuna li għandha tiġi rkuprata u, fil-każ ta’ annullament ulterjuri tad-deċiżjoni kkontestata, l-ammonti rkuprati li għandhom jitħallsu lura. Fil-fatt, ir-Renju tal-Belġju sempliċement elenka l-allegati diffikultajiet amministrattivi purament astratti, mingħajr ma speċifika l-istruttura tar-riżorsi umani disponibbli fl-amministrazzjoni tat-taxxa tiegħu, mingħajr ma speċifika l-ispejjeż allegatament eċċessivi li għalihom din tal-aħħar hija esposta u mingħajr ma kkontesta, abbażi ta’ argumenti konkreti ta’ natura fiskali, il-premessi 205 sa 211 tad-deċiżjoni kkontestata, iddedikati speċifikament għall-metodu ta’ rkupru ta’ somom ikklassifikati bħala għajnuna illegali u inkompatibbli mas-suq intern.

28      Ir-Renju tal-Belġju lanqas ma kkontesta t-teżi tal-Kummissjoni, espressa fil-premessa 202 tad-deċiżjoni kkontestata li kwantifikazzjoni tal-ammonti li għandhom jiġu rkuprati hija faċli li ssir: l-eżenzjoni tal-profitt eċċessiv tikkorrispondi ma’ perċentwali tal-profitt qabel it-taxxa applikata għall-profitt realment irreġistrat mill-entità Belġjana ta’ grupp, ikun biżżejjed, sabiex jitneħħa l-vantaġġ selettiv ikkawżat mill-miżura, li jsir rimbors tad-differenza bejn it-taxxa dovuta fuq il-profitt effettivament irreġistrat u t-taxxa effettivament imħallsa taħt is-sistema kkontestata, flimkien mal-interessi akkumulati fuq dan l-ammont mid-data tal-għoti tal-għajnuna.

29      Barra minn hekk, fin-nuqqas li r-Renju tal-Belġju jispeċifika n-numru ta’ impriżi kkonċernati minn eventwali rkupru, il-qorti għal miżuri provviżorji tista’ biss toqgħod fuq il-figura li tirriżulta mill-anness għad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri madwar ħamsin impriża, jew fuq il-figura ddikjarata pubblikament mill-Kummissjoni fl-istqarrija għall-istampa tagħha tal-11 ta’ Jannar 2016, ta’ madwar 35 impriża. Issa, l-ipproċessar ta’ tali numru ta’ fajls ta’ rkupru mill-awtoritajiet kompetenti ma tantx jidher li jaffettwa l-funzjonament tal-awtoritajiet fiskali Belġjani (ara, b’analoġija, id-digriet tas-27 ta’ Frar 2015, Spanja vs Il-Kummissjoni, T‑826/14 R, EU:T:2015:126, punti 48 u 49), anki jekk wieħed jassumi li din l-amministrazzjoni hija effettivament obbligata li twettaq il-kompiti kollha ta’ eżami mill-ġdid, ta’ kalkolu mill-ġdid u ta’ kuntatt ma’ amministrazzjonijiet oħra, ikkritikati mir-Renju tal-Belġju (ara l-punt 18 hawn fuq).

30      Bl-istess mod, jekk ir-Renju tal-Belġju jibża’ li l-kumpanniji li għandha tiġi rkuprata l-għajnuna mingħandhom jadixxu lill-qrati li b’hekk jiġu kkonfrontati b’bosta kawżi assorbenti u kumplessi, biżżejjed jiġi kkonstatat li r-Renju tal-Belġju naqas milli juri li jeżisti r-riskju li l-qrati Belġjani jiġu mgħarrqa b’rikorsi diretti kontra eventwali ordnijiet ta’ rkupru maħruġa mill-awtoritajiet fiskali, tant li l-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja Belġjana tista’ tiġi kompromessa serjament. B’mod partikolari, għandu jitfakkar li, peress li r-Renju tal-Belġju naqas milli jispeċifika n-numru ta’ impriżi kkonċernati minn eventwali rkupru, il-qorti għal miżuri provviżorji għandha titlaq mill-premessa li l-qrati Belġjani ser jiġu kkonfrontati b’madwar ħamsin rikors bħala massimu (ara l-punt 29 iktar ’il fuq). Issa, it-trattament ta’ tali numru ta’ rikorsi ma tantx jidher li jista’ jaffettwa l-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja Belġjana (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-27 ta’ Frar 2015, Spanja vs Il-Kummissjoni, T‑826/14 R, EU:T:2015:126, punti 48 u 49).

31      Sa fejn ir-Renju tal-Belġju jirreferi għad-digriet tad-19 ta’ Settembru 2012, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni (T‑52/12 R, EU:T:2012:447), sabiex isostni l-argument tiegħu rigward ir-riskju ta’ funzjonament ħażin tal-amministrazzjoni fiskali tiegħu u s-sistema ġudizzjarja tiegħu, għandu jitfakkar li r-rikonoxximent ta’ urġenza fil-kawża li tat lok għal dan id-digriet kien ibbażat fuq sett ta’ ċirkustanzi għalkollox partikolari li kienu preżenti fil-Greċja fl-2012 (iktar ’il quddiem il-“kawża Griega”).

32      Fil-fatt, fil-kawża Griega, f’dak li jirrigwarda r-riskju għar-Repubblika Ellenika li tara li jiġi kompromess t-twettiq tal-missjonijiet Statali tagħha, il-President tal-Qorti Ġenerali qies, b’mod partikolari, il-fatt li n-numru ta’ benefiċjarji tas-sistema ta’ għajnuna, jiġifieri bdiewa Griegi, li l-awtoritajiet Griegi kellhom jirkupraw l-għajnuna mingħandhom kien jammonta għal bosta mijiet ta’ eluf, u dawn kienu jirrappreżentaw, flimkien mal-familji tagħhom, parti kbira mill-popolazzjoni totali tal-Greċja. Skont il-President tal-Qorti Ġenerali, tali rkupru massiv ikollu konsegwenzi negattivi għall-awtoritajiet fiskali, imsejħa sabiex jiddedikaw ruħhom għal prijorità assoluta, jiġifieri l-ġlieda kontra l-frodi fiskali u t-tfittxija “tal-evażuri kbar tat-taxxa” sabiex jiġbru somom ta’ iktar minn EUR 20 biljun, jiġifieri kważi ħamsin darba iktar mill-għajnuna li għandha tiġi rkuprata fis-settur agrikolu, iktar u iktar minħabba li kien prevedibbli ħafna li parti kbira mill-mijiet ta’ eluf ta’ bdiewa jirrifjutaw li jħallsu l-ammonti mitluba, li kien ikun jeħtieġ intervent massiv mill-uffiċjali tal-amministrazzjoni fiskali, li n-numru tagħhom madankollu ma żdiedx, bl-għan li jipproċedu bl-irkupru infurzat (ara, f’dan is-sens, id-digriet tad-19 ta’ Settembru 2012, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni T‑52/12 R, EU:T:2012:447, punti 44 sa 47).

33      Miżjud ma’ dan kien hemm, fil-kawża Griega, ir-riskju ta’ disturb tal-ordni pubbliku. F’dan il-kuntest, il-President tal-Qorti Ġenerali qies li l-klima soċjali fil-Greċja kienet ikkaratterizzata minn deterjorament tal-fiduċja fl-awtoritajiet pubbliċi, minn skuntentizza mifruxa u b’sens ta’ inġustizzja, filwaqt li enfasizza li l-protesti vjolenti kontra miżuri ta’ awsterità ħorox meħuda mill-awtoritajiet pubbliċi Griegi kienu qegħdin jiżdiedu b’mod kostanti, b’tali mod li l-irkupru tal-ħlasijiet kontenzjużi fis-settur kollu agrikolu kellu mnejn jiżviluppa fi vjolenza u f’avvenimenti drammatiċi, li kienu jikkawżaw dannu serju u irreparabbli li r-Repubblika Ellenika setgħet leġittimament tinvoka (ara, f’dan is-sens, id-digriet tad-19 ta’ Settembru 2012, Il-Greċja vs Il-Kummissjoni T‑52/12 R, EU:T:2012:447, punti 48 u 49).

34      Issa, huwa evidenti li r-Renju tal-Belġju, sabiex jistabbilixxi l-urġenza f’dan il-każ, ma jista’ bl-ebda mod jinvoka ċirkustanzi analogi għal dawk li kkaratterizzaw il-kawża Griega.

35      Fl-aħħar nett, sa fejn ir-Renju tal-Belġju jqis li huwa xieraq li jirrendi inqas stretta l-kundizzjoni rigward l-urġenza ladarba l-fumus boni juris stabbilit huwa partikolarment serju, għandu jiġi kkonstatat li t-talba għal miżuri provviżorji, ’il bogħod milli tinvoka każ ta’ fumus boni juris ta’ din in-natura, tirreferi għall-ġurisprudenza skont liema l-kundizzjoni rigward il-fumus boni juris tkun issodisfatta jekk għall-inqas wieħed mill-motivi insostenn tar-rikors prinċipali jidher prima facie rilevanti jew, fi kwalunkwe każ, mhux infondat, sa fejn juri li hemm kwistjoni legali delikata, li s-soluzzjoni tagħha ma hijiex ovvja u li għalhekk teħtieġ eżami dettaljat li għandu jkun is-suġġett tal-kawża prinċipali. Barra minn hekk, dejjem fil-proċeduri għal miżuri provviżorji, wara sommarju tal-ħames motivi invokati insostenn tar-rikors prinċipali, ir-Renju tal-Belġju jqis li t-tweġiba għall-kwistjonijiet legali mqajma ma hijiex immedjatament ovvja u teħtieġ eżami ddettaljat, li jaqa’ taħt il-proċedura fil-mertu, filwaqt illi talab li l-President tal-Qorti Ġenerali “jikkunsidra r-rikors bħala mhux manifestament infondat peress li l-kwistjonijiet li huma s-suġġett ta’ dan ir-rikors huma rilevanti u serji biżżejjed sabiex jistabbilixxu fumus boni juris”.

36      Minn dan isegwi li, skont it-teżi tar-Renju tal-Belġju nnifsu, il-premessa li allegatament kien hemm iktar flessibbiltà, jiġifieri l-eżistenza ta’ fumus boni juris partikolarment serju, tidher li hija nieqsa f’dan il-każ.

37      Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li l-fatt li l-kundizzjonijiet applikabbli sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ urġenza ġew reżi inqas stretti ġie ammess biss fi tliet kawżi li fihom jidher eċċessivament diffiċli, jekk mhux impossibbli, għal raġunijiet sistemiċi, biex jiġu ssodisfatti dawk il-kundizzjonijiet, kif previsti fir-Regoli tal-Proċedura u tradizzjonalment interpretati fil-ġurisprudenza.

38      F’dan il-kuntest, għandu jissemma, l-ewwel nett, il-kontenzjuż tal-miżuri restrittivi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li kwalunkwe talba għal sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ miżura restrittiva hija, fil-prinċipju, miċħuda, għar-raġuni li tali sospensjoni tista’ tfixkel l-effett sħiħ ta’ dawn il-miżuri fl-ipoteżi li r-rikors prinċipali intiż sabiex jikseb l-annullament tagħhom jiġi miċħud. Fil-fatt, tali sospensjoni tippermetti, pereżempju, lill-entità li hija s-suġġett tal-imsemmija miżuri li tipproċedi immedjatament għall-irtirar tal-fondi tagħha miżmuma f’banek li huma obbligati jiżguraw l-iffriżar tagħhom u li tiżbanka l-kontijiet bankarji tagħha qabel ma tingħata d-deċiżjoni fuq il-mertu. B’dan il-mod, hija tkun tista’ tevita l-għan tal-miżuri restrittivi meħuda kontriha, meta fil-fatt il-miżura provviżorja mitluba mill-qorti għall-miżuri provviżorji ma għandhiex tinnewtralizza minn qabel il-konsegwenzi tad-deċiżjoni li għandha tingħata sussegwentement fil-kawża prinċipali [ara d-digrieti tal-14 ta’ Ġunju 2012, Qualitest FZE vs Il-Kunsill, C‑644/11 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2012:354, punti 73 sa 77 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-11 ta’ Marzu 2013, Iranian Offshore Engineering & Construction vs Il-Kunsill, T‑110/12 R, EU:T:2013:118, punt 34 u ġurisprudenza ċċitata].

39      Barra minn hekk, huwa stabbilit sew fil-ġurisprudenza li l-interess ta’ persuna jew ta’ entità li tingħata r-rilaxx provviżorju tal-fondi tagħha jirreferi għall-għoti ta’ benefiċċju li hija ma setgħetx lanqas tikseb permezz ta’ sentenza ta’ annullament. Fil-fatt, tali sentenza tipproduċi l-effetti prattiċi mixtieqa minn dik il-persuna jew entità, jiġifieri r-rilaxx tal-fondi tagħha, biss f’data sussegwenti għal dik ta’ din is-sentenza meta, f’din id-data, il-qorti għal miżuri provviżorji tal-ewwel istanza tkun tilfet kull kompetenza ratione temporis u meta, fi kwalunkwe każ, l-iffriżar tal-fondi jista’ jinżamm minħabba li miżura restrittiva ġdida, li, fil-perijodu stipulat fit-tieni sentenza tal-Artikolu 60, tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, issostitwixxiet l-att annullat. Konsegwentement, l-interess tal-persuna jew tal-entità inkwistjoni intiża sabiex tikseb, permezz tal-miżura provviżorja, ir-rilaxx provviżorju tal-fondi tagħha ma jistax jiġi protett mill-qorti għal miżuri provviżorji (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-16 ta’ Lulju 2015, National Iranian Tanker Company vs Il-Kunsill, T‑207/15 R, EU:T:2015:535, punti 55 sa 58 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Huwa fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni partikolari tal-kontenzjuż tal-miżuri restrittivi li l-qorti għal miżuri provviżorji kkunsidrat, f’każijiet eċċezzjonali ħafna, il-possibbiltà li jiġi kkunsidrat li l-urġenza tista’ tiġi kkostitwita mill-ħtieġa urġenti biex tiġi rrimedjata mill-iktar fis possibbli illegalità flagranti u serja ħafna jew għall-applikazzjoni diretta tal-Artikolu 278 TFUE, dispożizzjoni tad-dritt primarju u, għalhekk, ta’ grad ogħla mir-Regoli tal-Proċedura (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-24 ta’ Frar 2014, HTTS u Bateni vs Il-Kunsill, T‑45/14, mhux ippubblikat, EU:T:2014:85, punti 50 u 51).

41      It-tieni nett, għandu jissemma l-kontenzjuż tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi. Filwaqt li tinnota li l-ġurisprudenza applikata sa dak iż-żmien kellha bħala effett sistemiku li tagħmilha prattikament impossibbli għal offerent eskluż, li juri li ċ-ċaħda tal-offerta tiegħu kienet tista’ tikkawżalu dannu irreparabbli, il-qorti għal miżuri provviżorji kkunsidrat li tali riżultat ma kienx konsistenti mal-imperattivi li jirriżultaw mill-protezzjoni ġudizzjarja provviżorja effettiva, iggarantita mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Għal din ir-raġuni, issa huwa rikonoxxut li, meta l-offerent eskluż jirnexxilu jipprova l-eżistenza ta’ każ partikolarment serju ta’ fumus boni juris, ma jistax jintalab minnu li huwa jistabbilixxi li hemm riskju li jista’ jsofri dannu irreparabbli, sakemm huwa jressaq it-talba għal miżuri provviżorji tiegħu fit-termini meħtieġa [ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-23 ta’ April 2015, Il-Kummissjoni vs Vandreba Risk & Benefits, C‑35/15 P(R), EU:C:2015:275, punti 30 u 57].

42      It-tielet u l-aħħar nett, wieħed għandu jsemmi l-kontenzjuż tal-aċċess għad-dokumenti. Rigward il-protezzjoni tad-dokumenti allegatament kunfidenzjali, il-qorti għal miżuri provviżorji ħadet ħsieb li tirrileva li, anki jekk in-natura irreparabbli tad-dannu invokat ma setgħetx tiġi stabbilita, in-natura aċċessorja u għalhekk limitata tal-kompetenza tagħha, kif ukoll in-natura aċċessorja u provviżorja tal-proċedura għal miżuri provviżorji fir-rigward tal-kawża prinċipali, jipprevjenuha milli tawtorizza l-iżvelar ta’ ċerta data personali li tinsab f’dawn id-dokumenti, meta ma setax jiġi eskluż li l-qrati fuq il-mertu jippreferu, min-naħa tagħhom, jeżaminaw jekk id-dokumenti inkwistjoni kellhomx, minħabba n-natura tagħhom stess, jibbenefikaw minn preżunzjoni ġenerali ta’ kunfidenzjalità, preżunzjoni li teskludi l-imsemmija dokumenti mill-obbligu ta’ żvelar parzjali. Fil-prinċipju, il-qorti għal miżuri provviżorji, filwaqt li tqis il-kompetenzi purament aċċessorji tagħha, ma tistax għalhekk tawtorizza aċċess parzjali mingħajr ma ċċaħħad minn effett utli tali deċiżjoni tal-qorti fuq il-mertu. Madankollu, peress li dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu man-natura tal-proċedura sommarja huma deċiżivi għar-riżultat finali ta’ din il-proċedura bħala tali, dawn ma jistgħux jiġu applikati biss għall-oqsma tal-fumus boni juris u tal-ibbilanċjar tal-interessi, iżda għandhom ukoll jippermettu lill-qorti għal miżuri provviżorji tapplika, fejn xieraq, direttament l-Artikoli 278 u 279 TFUE, dispożizzjonijiet tad-dritt primarju, li jawtorizzawha li tordna s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni jekk temmen “li ċ-ċirkostanzi hekk jeħtieġu” u jippreskrivu miżuri provviżorji “meħtieġa” (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-25 ta’ Lulju 2014, Deza vs ECHA, T‑189/14 R, mhux ippubblikat, EU:T:2014:686, punti 99 sa 101, 104, u 105, u tal-1 ta’ Settembru 2015, Pari Pharma vs EMA, T‑235/15 R, EU:T:2015:587, punti 104 sa 106, 109 u 110).

43      Issa, peress li l-każ inkwistjoni ma jista’ jintrabat mal-ebda wieħed mill-kontenzjużi msemmija fil-punti 38 sa 42 hawn fuq, għandhom jiġu applikati l-kundizzjonijiet rigward il-fumus boni juris u l-urġenza, kif interpretati tradizzjonalment fil-ġurisprudenza (ara l-punt 13 iktar ’il fuq), b’tali mod li r-Renju tal-Belġju kellu juri l-imminenza ta’ dannu serju u irreparabbli, filwaqt li fumus boni juris, ikun hemm ikun b’saħħtu, ma jistax jagħmel tajjeb għall-assenza ta’ urġenza (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-27 ta’ Frar 2015, Spanja vs Il-Kummissjoni, T‑826/14, EUT:2015:126, punt 23).

44      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-qorti għal miżuri provviżorji tista’ biss tikkonkludi li r-Renju tal-Belġju ma stabbilixxiex li, fin-nuqqas tal-għoti tas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni mitluba, kien hemm ir-riskju li huwa jsostni dannu serju u irreparabbli. Konsegwentement, il-kundizzjoni rigward l-urġenza ma hijiex issodisfatta.

45      Din is-soluzzjoni hija koerenti mal-ibbilanċjar tal-interessi differenti preżenti, li fil-kuntest tagħhom il-qorti għal miżuri provviżorji għandha tiddetermina, b’mod partikolari, jekk l-interess tar-Renju tal-Belġju sabiex jikseb il-miżura provviżorja mitluba jipprevalix jew le fuq l-interess li tippreżenta l-applikazzjoni immedjata tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-26 ta’ Ġunju 2003, Belgique et Forum 187 vs Il-Kummissjoni, C‑182/03 R u C‑217/03 R, EU:C:2003:385, punt 142).

46      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 108(2) TFUE tipprevedi li jekk il-Kummissjoni tikkonstata li għajnuna mill-Istat hija inkompatibbli mas-suq intern, hija tiddeċiedi li l-Istat ikkonċernat għandu jħassarha jew jibdilha f’terminu ddeterminat minnha. Minn dan isegwi li l-interess ġenerali li fl-isem tiegħu l-Kummissjoni teżerċita l-funzjonijiet assenjati lilha skont l-Artikolu 108(2) TFUE sabiex tiżgura li s-suq intern ma jiġix distort mill-għajnuna mill-Istat ta’ ħsara għall-kompetizzjoni, huwa ta’ importanza partikolari. Fil-fatt, l-obbligu għall-Istat Membru kkonċernat biex iħassar għajnuna inkompatibbli mas-suq intern huwa intiż għall-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni preċedenti (ara d-digriet tal-20 ta’ Awwissu 2014, Gmina Kosakowo vs Il-Kummissjoni, T‑217/14 R, mhux ippubblikat, EU:T:2014:734, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Konsegwentement, ġie deċiż li, fil-kuntest ta’ talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-obbligu impost mill-Kummissjoni ta’ rimbors tal-għajnuna mogħtija illegalment iddikjarata inkompatibbli mas-suq intern, l-interess tal-Unjoni normalment jipprevali fuq dak tal-benefiċjarji tal-għajnuna, jiġifieri dak sabiex tiġi evitata l-eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ rimbors qabel l-għoti tas-sentenza fil-kawża prinċipali. Huwa biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali u fl-ipoteżi fejn, b’mod partikolari, il-kundizzjoni relatata mal-urġenza hija ssodisfatta li l-benefiċjarji ta’ tali għajnuna jistgħu jiksbu l-għoti ta’ miżuri provviżorji (ara d-digriet tal-20 ta’ Awwissu 2014, Gmina Kosakowo vs Il-Kummissjoni, T‑217/14 R, mhux ippubblikat, EU:T:2014:734, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Issa, hekk kif għadu kif ġie deċiż, ir-Renju tal-Belġju ma jissodisfax ir-rekwiżit ta’ urġenza f’dan il-każ, b’tali mod li l-interessi tal-Unjoni jgħaddu qabel tiegħu.

49      Fir-rigward ta’ eventwali ċirkustanzi eċċezzjonali, għandu jiġi nnotat li r-Renju tal-Belġju, essenzjalment, sempliċement jenfasizza l-eżistenza ta’ fumus boni juris u l-fatt li l-Kummissjoni naqset, għal żmien twil, milli teżamina s-sistema ta’ profitt eċċessiv, mingħajr ma t-talba għal miżuri provviżorji ssemmi ċirkustanza eċċezzjonali li tista’ topponi l-irkupru tal-allegata għajnuna mill-Istat.

50      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi miċħuda, mingħajr ma huwa meħtieġ li tiġi eżaminata l-kundizzjoni rigward il-fumus boni juris [digriet tal-25 ta’ Ottubru 2012, Hassan vs Il-Kunsill, C‑168/12 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2012:674, punt 31].

Għal dawn il-motivi,

IL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI

jordna:

1)      It-talba għal miżuri provviżorji hija miċħuda.

2)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Magħmul fil-Lussemburgu, fid-19 ta’ Lulju 2016.

E. Coulon

 

      M. Jaeger

Reġistratur

 

       President



* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.