Language of document : ECLI:EU:C:2019:3

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fid-9 ta’ Jannar 2019 (1)

Kawża C620/16

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

“Ksur — Artikolu 258 TFUE – Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/699/UE – Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali – Artikolu 4(3) TUE – Ammissibbiltà – Aġir tal-passat –Rifjut tar-Repubblika Federal tal-Ġermanja li tivvota, fil-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF, skont id-deċiżjoni tal-Kunsill”






I.      Introduzzjoni

1.        Kemm l-Unjoni kif ukoll 26 mill-Istati Membru huma parti mill-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata mill-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999 (iktar ’il quddiem il-“COTIF”), li hija amministrata mill-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF), organizzazzjoni internazzjonali li tinsab f’Berna. Bi preparazzjoni għas-seduta ta’ din l-organizzazzjoni, il-Kunsill, fl-24 ta’ Ġunju 2014, adotta d-Deċiżjoni 2014/699/UE (2), li tistabbilixxi it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha rigward l-eżerċizzju tad-dritt tal-vot fis-seduta imsemmija.

2.        Il-ġrajjiet li segwew wasslu għal żewġ rikorsi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja: l-ewwel nett, rikors għal annullament ippreżentat mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kontra l-Kunsill ibbażat, prinċipalment, fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Unjoni li tadotta d-deċiżjoni (dan ir-rikors ġie miċħud mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kunsill) (3); it-tieni nett, rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu mressaq mill-Kummissjoni kontra r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li huma s-suġġett tal-kawża inkwistjoni.

3.        Bir-rikors tagħha taħt l-Artikolu 258 TFUE, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Deċiżjoni 2014/699 u l-Artikolu 4(3) TUE billi ma vvotatx skont din id-deċiżjoni u esprimiet pubblikament id-diżapprovazzjoni tagħha fir-rigward tal-kontenut ta’ din id-deċiżjoni fil-kuntest tas-seduta.

4.        Dan il-każ iqajjem kwistjonijiet fundamentali dwar l-ammissibbiltà ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fejn l-allegat aġir abbużiv seħħ fil-passat u l-effetti legali tiegħu ġew allegatament eżawriti. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ngħatat l-opportunità li tiċċara iktar il-ġurisprudenza tagħha dwar l-ammissibbiltà ta’ rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

5.        Barra minn hekk, dwar is-sustanza, il-każ preżenti jesponi l-importanza tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali skont l-Artikolu 4(3) TUE fil-kuntest tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari, is-sitwazzjonijiet li fihom dan il-prinċipju jwassal għal effetti legali distinti minn dawk li jinsabu fid-dritt sekondarju. F’dan ir-rigward, dawn il-proċeduri juru l-fatt li, kif ġie irrimarkat f’kitbiet legali, fil-prattika ma huwiex dejjem faċli li wieħed “jiżola” l-prinċipju ta’ għoti tal-kompetenzi (4) minn oħrajn, bħal pereżempju l-applikazzjoni tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali stipulat fl-Artikolu 4(3) TUE. (5)

6.        L-evalwazzjoni ta’ dan il-każ ser twassalni sabiex nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li ssib li r-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tal-Kummissjoni huwa kemm ammissibbli kif ukoll fondat fis-sustanza.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt internazzjonali

1.      Il-COTIF

7.        Il-COTIF daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2006. Id-disgħa u erbgħin Stat, fosthom l-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni tar-Repubblika ta’ Ċipru u r-Repubblika ta’ Malta, li huma parti fil-COTIF, jikkostitwixxu l-OTIF. L-Unjoni Ewropea ngħaqdet mal-COTIF b’effett mill-1 ta’ Lulju 2011.

8.        Skont l-Artikolu 2(1) tal-COTIF, l-għan tal-OTIF huwa li tippromwovi, ittejjeb u tiffaċilita, f’kull rigward, it-trasport internazzjonali bil-ferrovija, b’mod partikolari billi tistabbilixxi sistemi ta’ liġijiet uniformi f’diversi oqsma tad-dritt dwar it-trasport internazzjonali bil-ferrovija.

9.        Il-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF, fil-prinċipju, huwa magħmul mill-partijiet kollha tal-COTIF. Skont l-Artikolu 17(1)(a) u (b) tal-COTIF, il-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF għandu jiddeċiedi, fil-limiti tal-kompetenzi tiegħu, fuq il-proposti intiżi li jemendaw il-COTIF u jeżamina, barra minn hekk, il-proposti li għandhom jiġu sottomessi għad-deċiżjoni fl-Assemblea Ġenerali tal-OTIF. Il-kompetenzi rispettivi ta’ dawn iż-żewġ korpi tal-OTIF fil-qasam tal-emenda tal-COTIF huma stabbiliti fl-Artikolu 33 ta’ din il-konvenzjoni.

10.      Taħt it-Titolu VI tal-COTIF, intitolat “L-emenda tal-[COTIF]”, l-Artikolu 33, intitolat “Kompetenza”, jipprovdi kif ġej:

“[…]

(2)      L-Assemblea Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar il-proposti intiżi li jemendaw il-Konvenzjoni sa fejn il-paragrafi 4 sa 6 ma jipprovdux għall-kompetenza oħra.

[…]

(4)      Mingħajr ħsara għad-deċiżjonijiet tal-Assemblea Ġenerali skont l-ewwel sentenza tal-paragrafu 3, il-Kumitat tar-Reviżjoni għandu jiddeċiedi dwar il-proposti intiżi li jemendaw

(a)      l-Artikoli 9 u 27(2) sa (5);

[…]

d)      ir-Regoli Uniformi CUV ħlief l-Artikoli 1, 4, 5 u 7 sa 12;

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11.      Skont l-Artikolu 35 tal-COTIF (intitolat “Deċiżjonijiet tal-Kumitati”)

“(1)      L-emendi tal-Kovenzjoni, kif deċiżi mill-Kumitati, għandhom jiġu nnotifikati mis-Segretarju Ġenerali lill-Istati Membri.

(2)      L-emendi tal-Konvenzjoni stess, kif deċiżi mill-Kumitat tar-Reviżjoni, jidħlu fis-seħħ għall-Istati Membri kollha fl-ewwel jum tat-tnax –il xahar wara dak li matulu s-Segretarju Ġenerali jkun innotifikahom lill-Istati Membri. L-Istati Membri jistgħu jressqu oġġezzjoni f’erba’ xhur mid-data tan-notifika. Fil-każ ta’ oġġezzjoni minn kwart mill-Istati Membri, l-emenda ma tidħolx fis-seħħ. Jekk Stat Membru jagħmel oġġezzjoni kontra deċiżjoni tal-Kumitat tar-Reviżjoni fit-terminu ta’ erba’ xhur u jiċħad il-Konvenzjoni, iċ-ċaħda jkollha effett mid-data prevista għad-dħul fis-seħħ ta’ dik id-deċiżjoni.

(3)      L-emendi tal-Appendiċijiet tal-Konvenzjoni, kif deċiżi mill-Kumitat tar-Reviżjoni, jidħlu fis-seħħ għall-Istati Membri fl-ewwel jum tat-tnax –il xahar wara dak li matulu s-Segretarju Ġenerali jkun innotifikahom lill-Istati Membri. L-emendi kif deċiżi mill-Kumitat tal-Esperti tar-Regolament li jirrigwarda t-trasport internazzjonali bil-ferrovija tal-merkanzija perikoluża jew mill-Kumitat tal-Esperti Tekniċi jidħlu fis-seħħ għall-Istati Membri kollha fl-ewwel jum tas-sitt xahar wara dak li matulu s-Segretarju Ġenerali jkun innotifikahom lill-Istati Membri.

(4)      L-Istati Membri jistgħu jressqu oġġezzjoni f’terminu ta’ erba’ xhur mid-data tan-notifika msemmija fil-paragrafu 3. Fil-każ ta’ oġġezzjoni minn kwart mill-Istati Membri, l-emenda ma tidħolx fis-seħħ. Fl-Istati Membri li ressqu oġġezzjoni kontra deċiżjoni fit-termini imposti, l-applikazzjoni tal-Appendiċi tiġi sospiża, kollu kemm hu, għat-traffiku ma’ u bejn l-Istati Membri mill-mument li fih jidħlu fis-seħħ id-deċiżjonijiet. Madankollu, fil-każ ta’ oġġezzjoni kontra l-validazzjoni ta’ regola teknika jew kontra l-adozzjoni ta’ rekwiżit tekniku uniformi, huma dawn biss li jiġu sospiżi għal dak li jikkonċerna t-traffiku ma’ u bejn l-Istati Membri mill-mument li fih jidħlu fis-seħħ id-deċiżjonijiet; dan japplika wkoll fil-każ ta’ oġġezzjoni parzjali.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12.      Isegwi mill-Artikolu 38(2) tal-COTIF li l-Unjoni Ewropea, bħala organizzazzjoni reġjonali li ngħaqdet mal-COTIF, tista’ teżerċita d-drittijiet li huma disponibbli għall-Istati Membri tagħha taħt il-COTIF sa fejn dawn ikopru materji li jaqgħu fil-kompetenza tagħha. Il-paragrafu 3 ta’ din id-dispożizzjoni juri li, sabiex teżerċita d-dritt tal-vot u d-dritt ta’ oġġezzjoni previsti fl-Artikolu 35(2) u (4), hija għandha l-istess għadd ta’ voti daqs l-Istati Membri tagħha li huma wkoll membri tal-OTIF. Dawn tal-aħħar jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom, b’mod partikolari d-dritt tal-vot, biss sa fejn dan huwa awtorizzat mill-paragrafu 2 ta’ din l-istess dispożizzjoni.

2.      Il-Ftehim ta’ Adeżjoni

13.      Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-[OTIF] dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-[COTIF] tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata mill-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999 (ĠU 2013 L 51, p. 8; iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Adeżjoni”), iffirmat fit-23 ta’ Ġunju 2011 f’Berna, daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2011 skont l-Artikolu 9 tiegħu.

14.      L-Artikolu 6 ta’ dan il-ftehim jipprovdi:

“1.      Għal deċiżjonijiet fi kwistjonijiet fejn l-Unjoni għandha kompetenza esklussiva, l-Unjoni għandha teżerċita d-drittijiet ta’ votazzjoni tal-Istati Membri tagħha taħt il-[COTIF].

2.      Għal deċiżjonijiet fi kwistjonijiet fejn l-Unjoni taqsam il-kompetenza mal-Istati Membri tagħha, għandhom jivvotaw jew l-Unjoni jew l-Istati Membri tagħha.

3.      Suġġett għall-paragrafu 7 tal-Artikolu 26 tal-[COTIF], l-Unjoni għandha jkollha l-istess għadd ta’ voti daqs l-Istati Membri tagħha li huma wkoll partijiet għall-[COTIF]. Meta l-Unjoni tivvota, l-Istati Membri tagħha ma għandhomx jivvutaw.

4.      L-Unjoni għandha, għal kull każ, tgħarraf lill-Partijiet l-oħra għall-[COTIF] bil-każijiet fejn, fir-rigward tad-diversi punti fuq l-aġendi tal-Assemblea Ġenerali u tal-korpi ta’ deliberazzjoni l-oħra, hija ser teżerċita d-drittijiet tal-votazzjoni previsti fil-paragrafi 1 sa 3. Dak l-obbligu għandu japplika wkoll meta d-deċiżjonijiet jittieħdu permezz ta’ korrispondenza. Dik l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta lis-Segretarju Ġenerali tal-OTIF kmieni biżżejjed sabiex tkun tista’ tiġi ċċirkolata flimkien mad-dokumenti tal-laqgħa jew ma’ deċiżjoni li għandha tittieħed [jew sabiex tkun tista’ tittieħed deċiżjoni] permezz ta’ korrispondenza.”

B.      Id-dritt tal-Unjoni

15.      Il-Ftehim ta’ Adeżjoni ġie approvat f’isem l-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE (6).

16.      L-Artikolu 5 ta’ din id-deċiżjoni tipprovdi li “[l]-arranġamenti interni għat-tħejjijiet għal-laqgħat tal-OTIF, u għar-rappreżentanza u l-votazzjoni f’dawn il-laqgħat huma stipulati fl-Anness III ma’ din id-Deċiżjoni.”

17.      L-Anness III, intitolat “Arranġamenti Interni għall-Kunsill, l-Istati Membri u l-Kummissjoni fi proċediment taħt l-OTIF” jaqra kif ġej:

“B’kont meħud tar-rekwiżit ta’ unità fir-rappreżentanza internazzjonali tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha skont it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea anki fl-istadju tal-implimentazzjoni ta’ obbligi internazzjonali, il-Kunsill, l-Istati Membri u l-Kummissjoni ser japplikaw l-arranġamenti interni li ġejjin:

1.      Kamp ta’ applikazzjoni

Dawn l-arranġamenti interni ser japplikaw għal kwalunkwe laqgħa ta’ kwalunkwe wieħed mill-korpi stabbiliti taħt l-OTIF. Kwalunkwe referenza għal “laqgħa” f’dawn l-arranġamenti tinftiehem li tinkludi mutatis mutandis referenza għal proċedimenti oħra wkoll, bħal proċedura bil-miktub.

2.      Proċedura ta’ koordinazzjoni

2.1.      Għat-tħejjija għal kwalunkwe laqgħa tal-OTIF, inkluż iżda mhux limitat għal-laqgħat tal-Assemblea Ġenerali, il-Kumitat Amministrattiv u Kumitati oħra, ser isiru laqgħat ta’ koordinazzjoni:

–        fi Brussell, fi ħdan il-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill (normalment il-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport fuq l-Art), kmieni kemm jista’ jkun, u kemm-il darba jkun hemm bżonn qabel il-laqgħa tal-OTIF, u, barra minn hekk,

–        fuq il-post, partikolarment fil-bidu u, jekk meħtieġ, matul u fl-aħħar ta’ laqgħa tal-OTIF.

2.2.      Il-laqgħat ta’ koordinazzjoni ser jaqblu dwar pożizzjonijiet f’isem l-Unjoni biss jew, fejn rilevanti, f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Il-pożizzjonijiet tal-Istati Membri relatati mal-kompetenza esklussiva tagħhom jistgħu jkunu suġġetti għall-koordinazzjoni f’dawn il-laqgħat jekk ikun hemm qbil dwar dan mill-Istati Membri.

2.3.      Il-laqgħat ta’ kordinazzjoni ser jiddeċiedu dwar l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet fir-rigward ta’ dikjarazzjonijiet u votazzjoni ta’ kull punt fl-aġenda tal-laqgħa tal-OTIF, li fuqha tista’ ssir dikjarazzjoni jew jista’ jkun mistenni vot.

2.4.      Għat-tħejjija tal-laqgħat ta’ koordinazzjoni msemmijin fil-punt 2.1, inkluż l-abbozz ta’ dikjarazzjonijiet u d-dokumenti dwar il-pożizzjonijiet, ser isiru, jekk meħtieġ, diskussjonijiet preliminari fil-Kumitat adatt maħluq mil-leġiżlazzjoni ferrovjarja tal-Unjoni rilevanti, jiġifieri:

–        il-Kumitat dwar it-trasport ta’ oġġetti perikolużi għall-punti koperti mill-Appendiċi C mal-Konvenzjoni; jekk dawn l-elementi jaffettwaw lill-interoperabbiltà ferrovjarja, jew lill-approċċ ta’ sigurtà komuni żviluppat skont id-Direttiva 2004/49/KE, il-Kumitat dwar l-interoperabbiltà ferrovjarja u s-sigurtà għandu jkun involut ukoll;

–        il-Kumitat dwar l-iżvilupp tal-linji ferrovjarji tal-Unjoni għall-punti koperti bl-Appendiċi A, B, D jew E mal-Konvenzjoni u għal sistemi oħra ta’ liġi uniformi elaborata mill-OTIF;

–        il-Kumitat dwar l-interoperabbiltà u s-sigurtà tal-ferroviji għall-punti koperti mill-Appendiċi F jew G mal-Konvenzjoni.

2.5.      Qabel kwalunkwe laqgħa tal-OTIF il-Kummissjoni ser tindika liema punti tal-aġenda huma suġġetti għal koordinazzjoni tal-Unjoni u ser tħejji abbozz ta’ dikjarazzjonijiet u dokumenti dwar il-pożizzjonijiet biex jiġu diskussi fil-laqgħat ta’ koordinazzjoni.

2.6.      Jekk fíl-laqgħat ta’ koordinazzjoni l-Kummissjoni u l-Istati Membri ma jkunux jistgħu jaqblu dwar pożizzjoni komuni, inkluż minħabba nuqqas ta’ qbil dwar it-tqassim ta’ kompetenzi, il-kwistjoni tiġi riferita lill-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti u/jew lill-Kunsill.

3.      Dikjarazzjonijiet u votazzjoni fil-laqgħat tal-OTIF

3.1.      Meta punt fl-aġenda jittratta kwistjonijiet ta’ kompetenza tal-Unjoni esklussiva, il-Kummissjoni għandha titkellem u tivvota għall-Unjoni. Wara li ssir il-kordinazzjoni meħtieġa, l-Istati Membri jistgħu wkoll jitkellmu sabiex jappoġġjaw u/jew jiżviluppaw il-pożizzjoni tal-Unjoni.

3.2.      Meta punt fl-aġenda jittratta kwistjonijiet ta’ kompetenza nazzjonali esklussiva, l-Istati Membri jitkellmu u jivvutaw.

3.3.      Meta punt fl-aġenda jittratta kwistjonijiet li jkun fihom elementi ta’ kompetenza kemm nazzjonali kif ukoll dik tal-Unjoni, il-Presidenza u l-Kummissjoni għandhom jesprimu l-pożizzjoni komuni. Wara li tkun saret il-kordinazzjoni meħtieġa, l-Istati Membri jistgħu jitkellmu sabiex jappoġġjaw u/jew jiżviluppaw il-poizzjoni komuni. L-Istati Membri jew il-Kummissjoni, kif adatt, għandhom jivvotaw f’isem l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha skont il-pożizzjoni komuni. Id-deċiżjoni dwar min ikun ser jivvota tittieħed fid-dawl tal-prevalenza tal-kompetenza (eż. jekk hijiex prinċipalment kompetenza nazzjonali jew tal-Unjoni).

3.4.      Meta punt fl-aġenda jittratta kwistjonijiet li jkun fihom elementi ta’ kompetenza kemm nazzjonali kif ukoll tal-Unjoni u l-Kummissjoni u l-Istati Membri ma jkunx irnexxilhom jaqblu dwar pożizzjoni komuni kif msemmija fil-punt 2.6, l-Istati Membri u l-Kummissjoni jistgħu jitkellmu u jivvutaw dwar kwistjonijiet li jaqgħu b’mod ċar taħt il-kompetenza rispettiva tagħhom.

3.5.      F’każ ta’ kwistjonijiet li għalihom m’hemmx qbil bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar il-qsim tal-kompetenzi, jew fejn ma kienx possibbli li tinkiseb il-maġġoranza meħtieġa għal pożizzjoni tal-Unjoni, għandu jsir sforz massimu sabiex tiġi ċċarata s-sitwazzjoni jew tinkiseb pożizzjoni tal-Unjoni. Sakemm iseħħ dan, u wara li tkun saret il-koordinazzjoni meħtieġa, l-Istati Membri u/jew il-Kummissjoni, kif adatt, ikunu intitolati li jitkellmu bil-kondizzjoni li l-pożizzjoni li jesprimu ma tippreġudikax pożizzjoni futura tal-Unjoni, tkun koerenti mal-linji ta’ politika tal-Unjoni u pożizzjonijiet preċedenti tal-Unjoni, u konformi mal-liġi tal-Unjoni.

3.6.      Ir-rappreżentanti tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni jistgħu jipparteċipaw fil-gruppi ta’ ħidma tal-OTIF li jħejju l-kumitati tekniċi tal-OTIF, jiġifieri l-Kumitat ta’ Esperti dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi (RID) u l-Kumitat ta’ Esperti Tekniċi (TEC). Matul il-parteċipazzjoni f’dawn il-gruppi ta’ ħidma r-rappreżentanti tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni jistgħu jippreżentaw kontributi tekniċi u jipparteċipaw bis-sħiħ fid-diskussjonijiet tekniċi abbażi tal-konoxxenza teknika tagħhom. Dawn id-diskussjonijiet mhux ser jorbtu lill-Unjoni.

Ir-rappreżentanti tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni ser jagħmlu sforzi serji biex jilħqu pożizzjoni komuni u biex jiddefenduha matul id-diskussjonijiet fil-gruppi ta’ ħidma tal-OTIF.

[…]”

III. L-isfond tat-tilwima

A.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

18.      Fl-24 ta’ Ġunju 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/699.

19.      L-Artikolu 1(1) ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi li “[l]-pożizzjoni li għandha [tiġi adottata] f’isem l-Unjoni fil-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni stabbilit mill-[COTIF] għandha tkun skont l-Anness ta’ din id-Deċiżjoni”. Skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni, “[i]r-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat tar-Reviżjoni jistgħu jaqblu ma’ tibdiliet żgħar fid-dokumenti msemmija fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.”

20.      It-Taqsima 3 tal-Anness tal-imsemmija deċiżjoni tistabbilixxi, f’dak li jikkonċerna d-diversi punti tal-aġenda tal-25 seduta tal-Kumitat ta’ Reviżjoni tal-OTIF, it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-votazzjoni, kif ukoll il-pożizzjoni kkoordinata rrakkomandata.

21.      Il-punt 4, b’mod parzjali, kif ukoll il-punti 5, 7 u 12 tal-imsemmija aġenda jirrigwardaw l-emendi kontenzjużi.

22.      Waqt il-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF, il-Kummissjoni ppreżentat il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea, kif iddefinita fl-anness tad-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja żammet pożizzjoni awtonoma fir-rigward tal-emendi proposti li jirrigwardaw l-Artikolu 12 tal-COTIF kif ukoll l-appendiċijiet B (CIM), D (CUV) u E (CUI) u talbet li teżerċita hija stess id-dritt tal-vot fuq dawn is-suġġetti. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vvotat kontra l-pożizzjoni ppreżentata mill-Unjoni fir-rigward tal-emendi proposti għall-Artikolu 12 tal-COTIF u għall-Appendiċi D (CUV). Peress li dawn il-proposti kellhom l-maġġoranza meħtieġa, l-emendi inkwistjoni ġew adottati mill-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF.

B.      Il-proċedura prekontenzjuża

23.      Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Awwissu 2014, il-Kummissjoni stiednet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tispjega l-aġir tagħha fil-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF.

24.      Fit-tweġiba tagħha tat-12 ta’ Novembru 2014, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja qieset li l-aġir tagħha kien kompletament leġittimu u legali minħabba li l-emendi inkwistjoni ma kinux jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni Ewropea, peress li din tal-aħħar ma eżerċitatx il-kompetenza interna tagħha fl-oqsma inkwistjoni.

25.      Fit-22 ta’ Diċembru 2014, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ressqet rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li bih talbet l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni 2014/699, sa fejn din tirrigwarda l-emendi kontenzjużi. Il-motivi tagħha kienu bbażati fuq l-allegat ksur (i) tal-prinċipju ta’ għoti tal-kompetenzi (l-Artikolu 5(2) TUE) minħabba n-nuqqas ta’ kompetenza tal-Unjoni Ewropea, (ii) tal-obbligu ta’ motivazzjoni (l-Artikolu 296 TFUE), u (iii) il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali (l-Artikolu 4(3) TUE) flimkien mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva. (7)

26.      Fid-29 ta’ Mejju 2015, il-Kummissjoni fetħet proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258(1) TFUE billi bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li fiha hija sostniet li dan l-Istat Membru, bl-aġir tiegħu fil-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF, naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont id-Deċiżjoni 2014/699 u l-Artikolu 4(3) TUE. Il-Kummissjoni kkonstatat ukoll li jista’ jiġi dedott, fuq il-bażi tal-fatt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kkunsidrat b’mod espliċitu, skont id-dikjarazzjonijiet tagħha stess, li l-aġir tagħha kien leġittimu, li dan l-Istat Membru x’aktarx li jadotta aġir simili fil-futur taħt ċirkustanzi simili.

27.      Fit-tweġiba tagħha tas-7 ta’ Lulju 2015, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ċaħdet it-talbiet tal-Kummissjoni.

28.      Fil-11 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni ppreżentat opinjoni motivata li fiha tenniet il-pożizzjoni tagħha fl-ittra ta’ intimazzjoni tagħha. Il-Kummissjoni talbet lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tikkonforma ruħha mal-opinjoni motivata fi żmien xahrejn mid-data li fiha tirċievi l-opinjoni, u b’mod partikolari ttemm l-allegati prattiki ta’ ksur deskritti fiha.

29.      Permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Frar 2016, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja wieġbet għal din l-opinjoni motivata, billi tenniet il-pożizzjoni tagħha espressa fit-tweġiba tagħha għall-ittra ta’ intimazzjoni.

C.      Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

30.      Il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma adottatx miżuri sabiex tirrimedja l-konsegwenzi tal-allegat aġir ta’ ksur jew, fi kwalunkwe każ, tillimita dawn il-konsegwenzi u telimina kull dubju fir-rigward tal-aġir futur tagħha. Il-Kummissjoni ddikjarat ukoll li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma rrikonoxxietx l-illegalità tal-aġir tagħha fil-konfront tal-OTIF jew il-Kummissjoni u, għall-kuntrarju, issostni l-legalità tal-aġir tagħha.

31.      Peress li l-Kummissjoni ma qisitx it-tweġiba tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja tal-1 ta’ Frar 2016 suffiċjenti, hija ddeċidiet li tressaq dan ir-rikors.

32.      Fil-5 ta’ Diċembru 2017, wara li ngħalqet il-fażi tal-proċedura bil-miktub fil-kawża preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza tagħha fil-kawża Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, (8) li fiha hija ċaħdet ir-rikors tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja billi ċaħdet it-tliet motivi kollha invokati minn dan l-Istat Membru.

33.      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Frar 2017, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ressqet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà. Fl-10 ta’ Mejju 2017, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, irriżervat id-deċiżjoni tagħha sakemm tiġi biex tagħti d-deċiżjoni tagħha fuq il-mertu tal-kawża.

34.      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Diċembru 2017, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea talab li jintervjeni insostenn tal-Kummissjoni. B’deċiżjoni tat-3 ta’ Jannar 2018, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ dan ir-rikors.

35.      Il-Gvern Ġermaniż, il-Kummissjoni u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ppreżentaw sottomissjonijiet orali fis-seduta tal-4 ta’ Lulju 2018.

IV.    Evalwazzjoni

A.      L-ammissibbiltà tar-rikors

1.      L-argumenti tal-partijiet

(a)    Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

36.      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li r-rikors huwa inammissibbli. Hija tissottometti li l-effetti tal-aġir inkwistjoni f’din il-kawża ġew eżawriti sal-aħħar tal-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF, jiġifieri qabel it-tmiem tat-terminu stabbilit mill-Kummissjoni fl-opinjoni motivata. F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tinnota li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni ma tistax tressaq rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-Istat Membru kkonċernat ikun waqqaf il-ksur qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u, barra minn hekk, ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jkun inammissibbli meta l-aġir ikkritikat tal-Istat Membru ma jkunx għadu jipproduċi effetti legali qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu (9).

37.      Dan l-Istat Membru jsostni wkoll li l-eżerċizzju tad-dritt tal-vot tiegħu ma kellu l-ebda effett fuq ir-riżultat tad-deċiżjonijiet li ttieħdu fil-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF, kif ikkonfermat ukoll mill-Kummissjoni, u lanqas ma kkawża dannu lir-reputazzjoni, il-kredibbiltà u r-rappreżentanza unitarja tal-Unjoni fost il-membri tal-komunità internazzjonali. Fi kwalunkwe każ, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tallega li l-proċeduri li ħadet l-Unjoni ttieħdu b’tali mod li jipprekludi lir-Repubblika Federali tal-Ġenerali milli tikseb protezzjoni ġudizzjarja kontra d-Deċiżjoni 2014/699, li wasslet għall-kontroversja f’din is-seduta.

38.      Fl-aħħar nett, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-allegat dannu lid-dehra tal-Unjoni Ewropea ma jistax jiġi rrimedjat iktar. Hija tikkontesta l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li hija la ħadet il-miżuri sabiex tirrimedja l-konsegwenzi tal-aġir tagħha inkwistjoni f’dawn il-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, u lanqas sabiex tneħħi d-dubji dwar il-miżuri futuri tagħha. Fil-fatt, fl-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1734 (10), ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għamlet dikjarazzjoni (iktar ’il quddiem id-“Dikjarazzjoni tas-17 ta’ Settembru 2015”) li tidher fil-minuti tal-Kunsill, li fiha, filwaqt li rrimarkat li din id-deċiżjoni kienet illegali, hija speċifikat li, sakemm tingħata d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (C-600/14), hija ma kinitx ser teżerċita d-dritt tal-vot tagħha dwar dawn il-kwistjonijiet b’mod li jvarja mill-pożizzjonijiet tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, dan l-Istat Membru kien diġà waqqaf il-prattika kkritikata mill-Kummissjoni fl-opinjoni motivata tagħha, sa minn qabel beda jiddekorri t-terminu indikat fiha.

39.      Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, sa fejn il-Kummissjoni stenniet li hija tesprimi d-dispjaċir tagħha u tabbanduna l-analiżi ġuridika tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta l-bażi ta’ tali obbligu u tistaqsi sa fejn din id-dikjarazzjoni tista’ x’aktarx telimina a posteriori l-allegat dannu lir-reputazzjoni u l-kredibbiltà tal-Unjoni. Fi kwalunkwe każ, la fl-ittra ta’ intimazzjoni u lanqas fl-opinjoni motivata, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tkun meqjusa li kisret id-dritt tal-Unjoni minħabba n-nuqqas li tissottometti tali dikjarazzjoni. Barra minn hekk, sabiex rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jkun ammissibbli, ma jkunx biżżejjed, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jippersistu d-diverġenzi legali fl-opinjoni bejn l-Istat Membru u l-Kummissjoni kemm-il darba, dan l-Istat Membru jikkonforma xorta waħda mal-analiżi tal-Kummissjoni. Dan japplika iktar u iktar meta l-kwistjoni legali li tinvolvi dawn id-diverġenzi tkun diġà suġġetta għall-proċeduri ġudizzjarji quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kif hu dan il-każ.

40.      Ma nistax ma niftakarx fl-espressjoni “pociąg odjechał” (11) - li tiġbor l-argument Ġermaniż fi frażi waħda.

(b)    Il-Kummissjoni

41.      Filwaqt li l-Kummissjoni taċċetta li rikors skont l-Artikolu 258 TFUE dwar nuqqas li l-effetti kollha tiegħu jkunu ġew eżawriti qabel l-iskadenza tat-terminu previst fl-opinjoni motivata, huwa inammissibbli, hija tenfasizza li dan il-prinċipju ma huwiex mingħajr eċċezzjoni.

42.      Skont il-Kummissjoni, jista’ jiġi dedott mis-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1992, Il-Kummissjoni vs L-Italja (12) li, għalkemm in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma jibqax ikollu effett fl-aħħar tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, ir-rikors jibqa’ ammissibbli meta, għalkemm tkun aġixxiet fi żmien xieraq, il-Kummissjoni ma kellhiex iż-żmien meħtieġ sabiex tikkonkludi l-proċedura prekontenzjuża qabel il-ksur twaqqaf. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm l-interess pubbliku għall-Qorti tal-Ġustizzja li tiċċara s-sitwazzjoni legali sabiex tevita d-dubji minn naħa tal-Istat Membru kkonċernat jew minn naħa tal-Istati Membri l-oħra. Dan l-interess ikun iktar u iktar ovvju meta jkun hemm kwistjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat dwar il-legalità tal-aġir ta’ dan tal-aħħar.

43.      Il-Kummissjoni tirrimarka li, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, hija ma setgħetx tikkonkludi l-proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu fi żmien xieraq.

44.      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma huwiex meħtieġ li wieħed juri li hemm riskju ta’ repetizzjoni tal-allegat aġir.

45.      Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, previst fl-Artikolu 4(3) TFUE, il-Kummissjoni taċċetta li d-dannu li ġie kkawżat ma setax iktar jiġi rrimedjat fl-intier tiegħu, anki jekk dan id-dannu seta’ jiġi limitat permezz ta’ kjarifiki f’laqgħa sussegwenti tal-OTIF. Fi kwalunkwe każ, peress li kien impossibbli għall-Kummissjoni li tipprekludi l-okkorrenza ta’ tali dannu irreparabbli permezz ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, dan l-ilment għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

46.      Fir-rigward tal-argument li l-aġir tal-Unjoni Ewropea wassal għal sitwazzjoni ta’ preġudizzju għall-kredibbiltà u r-reputazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tqis li, filwaqt li l-effetti tal-aġir tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienu inkontestabbli, l-effetti tal-aġir tal-Kummissjoni u tal-Kunsill setgħu, l-iktar l-iktar, jiġu diskussi fil-kuntest tal-mertu tal-kawża. Fi kwalunkwe każ, dan l-argument huwa infondat. Dan ir-raġunament japplika wkoll għall-argument imressaq minn dan l-Istat Membru bbażat fuq il-fatt li huwa ma kellux protezzjoni ġudizzjarja.

47.      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li ssostni li hija għamlet dak kollu possibbli sabiex tneħħi d-dubji dwar l-aġir futur tagħha u anki sabiex telimina, sa fejn huwa possibbli, il-konsegwenzi tan-nuqqas tat-twettiq tal-obbligi tagħha fis-sens tad-dannu li setgħet ikkawżat lid-dehra tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, dan l-Istat Membru ma kienx jirrikonoxxi fil-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF li kien għamel żball.

2.      Analiżi

48.      Il-kwistjoni mqajma fil-kawża preżenti hija dwar jekk ir-rikors tal-Kummissjoni huwiex inammissibbli għaliex l-effetti legali kollha tal-allegat ksur ġew allegatament eżawriti qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-opinjoni motivata tal-Kummissjoni.

(a)    Il-formulazzjoni tat-Trattat

49.      Il-punt tat-tluq huwa l-formulazzjoni tal-Artikolu 258 TFUE.

50.      Skont din id-dispożizzjoni, jekk il-Kummissjoni tqis li l-Istat Membru naqas li jwettaq obbligu taħt it-Trattati (jiġifieri, obbligu li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni), hija għandha tagħmel opinjoni motivata dwar il-kwistjoni wara li tkun tat lill-Istat Membru kkonċernat l-opportunità li jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu. Jekk l-Istat Membru kkonċernat ma jikkonformax mal-opinjoni fit-terminu stabbilit mill-Kummissjoni, din tal-aħħar tista’ tressaq il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

51.      Fil-fatt wieħed jista’ jitħajjar li jiddeduċi mill-formulazzjoni tal-Artikolu 258 TFUE li din id-dispożizzjoni, loġikament, tippreżupponi li hemm ksur pendenti li l-Istat Membru jista’ jwaqqaf matul il-proċeduri. Wieħed jista’ jargumenta li sabiex l-Istat Membru jkun jista’ jikkonforma mal-opinjoni motivata, il-ksur irid ikun għadu pendenti, għaliex jekk ikun mod ieħor huwa impossibbli għall-Istat Membru li jikkonforma mal-opinjoni motivata.

52.      Madankollu, tali affermazzjoni kategorika, għalkemm tista’ tkun ta’ tentazzjoni, għandha tiġi rreżistita.

(b)    Il-ġurisprudenza relatata

53.      Bħala materja preliminari, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma tappoġġax din l-affermazzjoni.

54.      Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod konsistenti li l-Kummissjoni ma tistax tressaq rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu meta l-Istat Membru kkonċernat ikun ikkonforma l-aġir tiegħu mad-dritt tal-Unjoni qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-Kummissjoni għal dan il-għan fl-opinjoni motivata (13).

55.      Madankollu, id-drabi li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi għal raġunijiet ta’ ammissibbiltà kienu pjuttost rari.

56.      Fis-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, (14) kawża dwar l-għoti ta’ kuntratt pubbliku, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li meta l-effetti ta’ avviż ta’ kuntratt ikunu ġew eżawriti qabel ma ngħatat l-opinjoni motivata, il-ksur ikkontestat ma jkunx baqa’ jeżisti mal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata u r-rikors tal-Kummissjoni għandu għalhekk jiġi ddikjarat inammissibbli (15).

57.      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ir-raġunament tagħha fuq il-fatt li “l-Kummissjoni la aġixxiet fi żmien xieraq sabiex tevita, permezz ta’ proċeduri għad-dispożizzjoni tagħha, l-effetti tal-ksur ikkontestat u lanqas ma invokat l-eżistenza ta’ ċirkustanzi li ma jippermettux il-konklużjoni tal-proċedura prekontenzjuża stabbilita fl-Artikolu [258 TFUE] qabel il-ksur ikun waqaf milli jeżisti” (16). B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja, “sostanzjalment segwiet” (17) il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz, li skonthom hemm eċċezzjonijiet għar-regola (18) fil-każijiet ta’ “ksur staġonali […] fejn, minħabba l-għan u n-natura ġuridika tiegħu, il-ksur tat-Trattat huwa ristrett għal perjodu limitat (bħal per eżempju fil-każ tar-restrizzjonijiet fl-importazzjoni u l-esportazzjoni introdotti fuq bażi staġonali għall-protezzjoni tal-operaturi nazzjonali) u fejn, minħabba dan, it-tnedija tal-proċedura preċedenti tar-rikorsi għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu issir, fis-sens ta’ żmien biss, iktar diffiċli, jekk mhux impossibbli għalkollox” (19).

58.      Jiena nissottometti li dan l-aspett kien kruċjali għar-raġunament tal-Qorti tal-Ġustizzja: peress li l-Kummissjoni la aġixxiet meta hija setgħet u lanqas ma pprovdiet ġustifikazzjoni xierqa għal tali nuqqas ta’ azzjoni, hija ma tistax tkun tista’ tressaq rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra Stat Membru iktar tard jekk l-allegat ksur ma jkunx għadu jeżisti.

59.      Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk tapplika fil-ġurisprudenza tagħha test b’żewġ partijiet (kumulattivi): l-ewwel nett, sabiex rikors ikun inammissibbli, il-ksur irid ikun waqaf milli jeżisti qabel l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, u t-tieni nett, il-Kummissjoni riedet tkun f’pożizzjoni li taġixxi sabiex tevita l-effetti tal-allegat ksur. Jekk xi wieħed minn dawn l-istadji ma jirriżultax, ir-rikors ma jistax ikun inammissibbli.

60.      Meta jiġi applikat dan it-test għall-kawża preżenti, jirriżulta li r-rikors tal-Kummissjoni huwa ammissibbli, għaliex kien impossibbli għall-Kummissjoni li tipprekludi lill-Ġermanja milli twettaq l-allegat ksur (20).

61.      Barra minn hekk, kif jirrimarka b’mod ċar l-Avukat Ġenerali Mengozzi, filwaqt li fil-prinċipju l-Kummissjoni ma hijiex awtorizzata li tressaq proċeduri ta’ ksur li ntemm, “dan m’għandux jipprekludilha l-possibbiltà li tibda proċedimenti kontra nuqqasijiet ta’ twettiq ta’ obbligi li jkunu seħħew matul perijodi qosra, li fil-konfront tagħhom, anki jekk tkun aġixxiet tempestivament hija ma jkollhiex materjalment iż-żmien li tispiċċa l-proċedura prekontenzjuża qabel ma dawn jieqfu” (21). L-Avukat Ġenerali Geelhoed jagħmel ukoll punt validu, fl-opinjoni tiegħi, meta huwa jikkawtela kontra l-interpretazzjoni riġida ħafna tal-ammissibbiltà billi jargumenta li “fl-aħħar nett, ifisser li l-proċeduri taħt l-[Artikolu 258 TFUE] għal ksur tad-dritt tal-[Unjoni] li l-effetti tiegħu jkun waqqfu milli jeżistu u li huma irreversibbli jsiru impossibbli fil-futur. Dan jista’ jwassal għall-ksur sistematiku” (22).

62.      L-approċċ li nipproponi huwa konformi mal-ġurisprudenza tal-bidu tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-ammissibbiltà ta’ proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Fil-fatt, diġà fl-1973 il-Qorti tal-Ġustizzja pprovat tantiċipa l-argumenti konvinċenti tal-Istati Membri dwar l-ammissibbiltà meta ddeċidiet li “l-konvenut fi kwalunkwe każ ma jistax jinvoka l-fait accompli li hu stess hu l-awtur tiegħu sabiex jaħrab mill-proċeduri ġudizzjari” (23). Ma narax il-ħtieġa li nelabora dwar l-importanza ta’ din id-dikjarazzjoni għall-kawża ineżami.

(c)    Il-Kummissjoni ma hijiex meħtieġa turi r-rekwiżit separat ta’ “interess speċifiku”

63.      Fl-aħħar nett wieħed għandu jżid li fil-kuntest tal-Artikolu 258 TFUE, il-Kummissjoni ma hijiex meħtieġa li turi interess speċifiku sabiex tressaq ir-rikors (24). Fil-fatt, il-Kummissjoni ma tridx turi li hemm interess speċifiku sabiex tressaq rikors meta teżerċita s-setgħat tagħha taħt l-Artikolu 258 TFUE. Minħabba l-irwol tagħha bħala gwardjana tat-Trattat, il-Kummissjoni waħedha hija kompetenti li tiddeċiedi jekk huwiex xieraq li tressaq proċeduri kontra Stat Membru għan-nuqqas tat-twettiq tal-obbligi tiegħu u li tistabbilixxi l-aġir jew in-nuqqas attribwibbli lill-Istat Membru kkonċernat li jikkostitwixxi l-bażi li fuqu għandhom jitressqu l-proċeduri (25).

(d)    Ebda interpretazzjoni stretta tal-Artikolu 258 TFUE

64.      Rigward l-argument iktar ġenerali u fundamentali mressaq mill-Gvern Ġermaniż li bħala dispożizzjoni proċedurali, l-Artikolu 258 TFUE għandu jiġi applikat b’mod strett sabiex jiggarantixxi il-massimu taċ-ċertezza legali, biżżejjed jingħad li tali prinċipju ma huwiex ikkonstatat fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (26).

65.      Pjuttost il-kuntrarju. Barra mill-ġurisprudenza liberali tagħha dwar l-ammissibbiltà tar-rinviji preliminari (27), il-Qorti tal-Ġustizzja ġustament ma qagħditx lura milli tinterpreta d-dispożizzjonijiet tat-Trattat proċedurali praeter legem (biex ngħiduha b’mod ġentili) sabiex tosserva l-prinċipju tal-istat tad-dritt li fuqu huwa bbażat l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (28) jew il-prinċipju ta’ bilanċ interistituzzjonali (29). Rigward il-kawża Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill, li ġiet invokata b’mod speċifiku mill-Gvern Ġermaniż insostenn tal-argument tiegħu, hawnhekk, fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja għażlet li ma tinterpretax l-Artikolu 263(4) TFUE b’mod wiesa’ ħafna. Iżda, b’mod differenti mill-każ ineżami, dik il-kawża kienet tirrigwarda t-tifsira ta’ interess individwali skont l-Artikolu 263 TFUE u għalhekk dwar ir-reviżjoni tal-legalità tal-miżuri tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet dawn il-kriterji iktar flessibbli u emendat il-ġurisprudenza tagħha, dan kien ikollu effett fuq is-sistema kollha tar-rimedji legali fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u r-relazzjoni u l-interazzjoni bejn ir-rikorsi għal annullament taħt l-Artikolu 263 TFUE u l-proċedura tar-rinviju preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, u huwa għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja ssemmi l-possibbiltà li jiġu emendati t-Trattati skont l-Artikolu 48 TUE (30).

66.      Fil-qosor, il-kawża preżenti hija għalhekk ammissibbli.

B.      Is-sustanza tar-rikors

1.      Il-ksur tad-Deċiżjoni 2014/699

(a)    L-argumenti tal-partijiet

1)      Il-Kummissjoni

67.      Il-Kummissjoni tallega li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret id-Deċiżjoni 2014/699 billi vvotat, fil-25 seduta tal-Kumitat tar‑Reviżjoni tal-OTIF, kontra l-pożizzjoni ppreżentata mill-Unjoni f’din id-deċiżjoni fir-rigward tal-punti 4 u 7 tal-aġenda ta’ dan il-Kumitat tar-Reviżjoni, u billi pubblikament ikkontestat l-eżerċizzju tad-dritt tal-vot mill-Unjoni Ewropea.

68.      Il-Kummissjoni tenfasizza li d-Deċiżjoni 2014/699 hija, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, vinkolanti fl-intier tagħha, kemm għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll għall-Istati Membri. Il-Kummissjoni żżid li l-fatt li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja vvotat kontra din id-deċiżjoni fil-Kunsill u ressqet rikors għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jaffettwax in-natura vinkolanti tad-deċiżjoni u l-obbligi li jirriżultaw minnha għall-Istati Membri.

69.      Fil-fatt, jidher mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-Istati Membri ma jistgħux jadottaw waħedhom miżuri korrettivi jew difensivi intiżi sabiex jipprekludu l-istituzzjoni li tkun adottat l-att ikkontestat milli tinjora d-dritt tal-Unjoni. Isegwi li, sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx annullat id-Deċiżjoni 2014/699 jew issospendiet l-eżekuzzjoni tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ikollha tikkonforma magħha. Altrimenti, l-applikazzjoni konsistenti u uniformi tad-dritt tal-Unjoni, element fundamentali tas-sistema tal-Unjoni, tiġi mminata.

70.      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li la kien impossibbli u lanqas mhux neċessarju għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li titlob miżuri provviżorji. Din l-istituzzjoni tenfasizza li t-Trattat stabbilixxa sistema komprensiva ta’ rimedji li, kif jidher mill-Artikoli 278 u 279 TFUE, tagħmilha possibbli li tindirizza sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. Id-diffikultajiet f’dan ir-rigward, bħal dawk invokati minn dan l-Istat Membru, ma jippermettux lill-Istati Membri li jaġixxu b’mod unilaterali bi ksur tad-dritt tal-Unjoni.

71.      F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tirrimarka wkoll li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet ingħatat l-opportunità li tikseb il-miżuri provviżorji fi żmien xieraq. F’dan ir-rigward, l-istituzzjoni tfakkar li d-deċiżjonijiet tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF ma ħolqux liġi li hija applikabbli mid-data tal-adozzjoni tagħha, iżda kellhom jittieħdu passi addizzjonali qabel dawn l-emendi jidħlu fis-seħħ. Madankollu, bejn id-data tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet inkwistjoni mill-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF u d-dħul fis-seħħ tal-emendi, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma setgħetx tikseb il-miżuri provviżorji. Minn naħa, fir-rigward tal-emenda tal-Artikolu 12 tal-COTIF, isegwi mill-Artikolu 33(2) u (4)(a) tal-COTIF li din l-emenda kienet għadha trid tiġi adottata b’mod definittiv mill-Assemblea Ġenerali tal-OTIF, li seħħet fit-30 ta’ Settembru 2015. Minn naħa l-oħra, rigward l-emenda tal-Artikoli 2 u 9 tal-Appendiċi D (CUV), din l-emenda ma kinitx se tidħol fis-seħħ immedjatament, skont l-Artikolu 35(3) u (4) tal-COTIF. Għalhekk, kien possibbli għall-Unjoni Ewropea, meta wieħed jassumi li s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni 2014/699 ġiet ordnata mill-Qorti tal-Ġustizzja, li tressaq oġġezzjoni mal-OTIF fi żmien erba’ xhur mid-data tal-adozzjoni tal-emenda inkwistjoni.

2)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

72.      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li r-rikors ma jissodisfax ir-rekwiżit li t-test għandu jkun ċar biżżejjed, peress li l-Kummissjoni ma speċifikatx fil-konklużjonijiet tagħha li qed iżżomm l-Istat Membru responsabbli għan-nuqqas tat-twettiq tal-obbligi tiegħu biss fir-rigward tal-punti 4 u 7 tal-aġenda tal-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF. Skont dan l-Istat Membru, din l-istituzzjoni għamlet din il-kjarifika biss fir-risposta qasira tagħha.

73.      Barra minn hekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tinsinwa li minħabba l-allegati nuqqasijiet serji tagħha, id-deċiżjoni inkwistjoni hija att li ma jeżistix (31) - kwistjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina ex officio.

74.      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja taċċetta li hija ma kkonformatx mad-Deċiżjoni 2014/699, sa fejn din tipprovdi għall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-votazzjoni mill-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-punti 5, 7 u 12 tal-aġenda tal-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF. Madankollu, hija tqis li d-dispożizzjonijiet korrispondenti ta’ dik id-deċiżjoni ma jistgħux jiġu invokati kontriha peress li dawn huma illegali għar-raġunijiet diġà esposti fil-kawża li waslet għas-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (C-600/14, EU:C:2017:935) (32).

75.      Dan l-Istat Membru jispeċifika, f’dan il-kuntest, li huwa responsabbli li jressaq, skont l-Artikolu 277 TFUE, eċċezzjoni ta’ illegalità kontra din id-deċiżjoni fil-kuntest ta’ din il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu. Fil-kawża preżenti, il-Kummissjoni tallega li l-ksur li sar mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kienx kontra direttiva jew deċiżjoni indirizzata lill-Istati Membri, li l-illegalità tagħha ma tistax, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tiġi invokata mill-Istati Membri bħala difiża f’rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bbażat fuq in-nuqqas ta’ konformità ma’ tali att, iżda ta’ deċiżjoni ġenerali li ma ġietx innotifikata lid-destinatarji, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 297(2) TFUE. Hija żżid li l-kliem “fi proċediment li fihom ikun hemm involut att ta’ applikazzjoni ġenerali” fil-formulazzjoni tal-Artikolu 277 TFUE jinkludu l-każ fejn il-legalità ta’ att ta’ applikazzjoni ġenerali hija mistħarrġa fil-kuntest ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

76.      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li hija biss tista’ tinvoka b’mod inċidentali l-illegalità tad-Deċiżjoni 2014/699 f’din il-proċedura għal nuqqas ta’ konformità ma’ din id-deċiżjoni minn dan l-Istat Membru, anki fid-dawl tal-fatt li kien fil-prattika impossibbli li tikseb il-protezzjoni ġudizzjarja kontra din id-deċiżjoni qabel il-ftuħ tal-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF. Barra minn hekk, peress li kienet l-Unjoni Ewropea li organizzat il-proċedura li waslet għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2014/699 b’tali mod li jipprekludi lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja milli tikseb il-protezzjoni ġudizzjarja kontra din id-deċiżjoni, l-esklużjoni tal-possibbiltà għal dan l-Istat Membru li jinvoka b’mod inċidentali l-illegalità ta’ din id-deċiżjoni fil-kawża preżenti tmur kontra il-prinċipju nemo turpitudinem suam allegans auditur. Barra minn hekk, skont dan l-Istat Membru, it-talba għal ksib, kif issuġġerit mill-Kummissjoni, wara l-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF, ta’ miżura provviżorja mill-Qorti tal-Ġustizzja li għandha l-effett li l-Kunsill ikun kostrett li jressaq oġġezzjoni, skont l-Artikolu 35 tal-COTIF, kontra d-deċiżjonijiet li ttieħdu matul din is-seduta, kienet tkun inammissibbli. Fi kwalunkwe każ, l-intenzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma hijiex li tipprekludi l-adozzjoni tal-emendi kkontestati, iżda pjuttost li tiċċara l-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni.

77.      Fi kwalunkwe każ, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tenfasizza, fir-rigward tal-emenda tal-Artikolu 12 tal-COTIF, li hija s-suġġett tal-punt 4 tal-aġenda tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF, li hija ma kisritx id-Deċiżjoni 2014/699, peress li din id-deċiżjoni tipprovdi li huma l-Istati Membri li jeżerċitaw id-dritt tal-vot u li din tiddefinixxi biss “[p]ożizzjoni kkoordinata rakkomandata”. Dan l-Istat Membru jfakkar li rakkomandazzjoni, skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE, ma hijiex vinkolanti. Fir-rigward tal-emenda tal-Artikoli 2 u 9 tal-Appendiċi D (CUV), li hija s-suġġett tal-punt 7 tal-aġenda tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF, dan l-Istat Membru jargumenta li, għalkemm id-Deċiżjoni 2014/699 ipprovdiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-votazzjoni tal-Unjoni Ewropea, l-Unjoni Ewropea kellha biss tiddefinixxi rakkomandazzjonijiet għall-pożizzjonijiet, mingħajr ebda effett vinkolanti.

78.      Fis-seduta, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja rrevokat b’mod formali l-ewwel eċċezzjoni ta’ illegalità taħt l-Artikolu 277 TFUE.

(b)    Analiżi

79.      Rigward il-kritika mressqa mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja dwar il-preċiżjoni tas-sottomissjoni tal-Kummissjoni, jiena nemmen li huwa ċar mis-sottomissjonijiet tal-Kummissjoni li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja esprimiet lilha nnifisha biss fuq il-punti 4 u 7 tal-aġenda tal-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF u vvotat kontra l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea kif ippreżentata fid-Deċiżjoni 2014/699. Barra minn hekk, fis-sottomissjonijiet tagħha, il-Kummissjoni rreferiet biss għall-Artikolu 1 u l-Anness tad-Deċiżjoni 2014/699, sa fejn dan l-anness jikkonċerna l-emendi tal-COTIF li huma s-suġġett tal-punti 4 u 7 tal-aġenda tal-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF. Għalhekk jidhirli li, minkejja l-formulazzjoni ġenerali tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fir-rikors tagħha, billi rreferiet għad-Deċiżjoni 2014/699 fl-intier tagħha, ma għandux ikun hemm inċertezza dwar il-portata tal-allegat ksur.

80.      Barra minn hekk, ma ninsabux fil-preżenza ta’ att li ma jeżistix (33).

81.      Barra mill-fatt li r-riferimenti fid-Deċiżjoni 2014/699 għall-“[p]ożizzjoni[jiet] [i]kkoordinat[i] rakkomandat[i]” ma jistgħux bl-ebda mod raġonevoli jiġu interpretati li jippermettu lill-Istat Membru li jinjora l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea, li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja sabet li din id-deċiżjoni sofriet minn insuffiċjenzi loġiċi inerenti li jwasslu għal att li ma jeżistix hija preżumibbilment kienet tiddeċiedi hekk kif għamlet fil-Kawża C-600/14, EU:C:2017:935, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill.

82.      Rigward il-ksur, peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tikkontestax il-fatti kif ippreżentati mill-Kummissjoni u li, barra minn hekk, irrevokat l-eċċezzjoni tal-illegalità, l-analiżi tista’ tkun pjuttost qasira.

83.      Il-minuti tal-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF ma jħallux dubju: ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja esprimiet l-opinjonijiet tagħha dwar il-punti 4 u 7 tal-aġenda tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF u vvotat kontra l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea kif iddefinita fid-Deċiżjoni 2014/699. Rigward il-punt 7 ta’ din l-aġenda, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja eżerċitat ukoll id-dritt tal-vot fuq dan il-punt speċifiku, b’mod kuntrarju għall-modalitajiet tal-votazzjoni ddefiniti fl-imsemmija deċiżjoni.

84.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkjarifikat li l-Unjoni Ewropea għandha l-kompetenza li tadotta din id-deċiżjoni. Iżda, hawnhekk, ma hijiex din il-kwistjoni. Kif ġiet adottata d-Deċiżjoni 2014/699, il-Ġermanja kienet obbligata li tirrispetta u timplimenta din id-deċiżjoni. F’Unjoni Ewropea bbażata fuq l-istat tad-dritt, l-atti tal-istituzzjonijiet igawdu mill-preżunzjoni tal-legalità. Hemm il-proċeduri stabbiliti sabiex tiġi kkontrollata l-legalità ta’ dawn il-miżuri. F’dan il-kuntest, il-Ġermanja tista’ tikkontesta kull att taħt l-Artikolu 263(1) TFUE mingħajr ma jkollha turi interess fl-att. F’tali sitwazzjoni, jista’ jkun mistenni mill-Istat Membru li jieħu d-deċiżjoni diffiċli li jsegwi d-Deċiżjoni – irrispettivament minn jekk dan l-Istat Membru jqisx tali deċiżjoni bħala waħda tajba. Dak li ma jistax jagħmel l-Istat Membru huwa li jieħu l-liġi f’idejh. Miżura unilaterali ma hijiex possibbli. Hija ġurisprudenza stabbilita f’dan ir-rigward li Stat Membru ma jistax jadotta b’mod unilaterali, fuq l-awtorità tiegħu stess, miżuri korrettivi jew protettivi intiżi li jevitaw kull (allegat) ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni minn istituzzjoni (34). Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għalhekk aġixxiet kontra, u kisret, it-termini tad-Deċiżjoni 2014/699.

2.      Il-ksur tal-Artikolu 4(3) TUE

(a)    L-argumenti tal-partijiet

85.      Il-Kummissjoni ssostni li sa fejn ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vvotat kontra l-pożizzjoni tal-Unjoni fil-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF, tbiegħdet mill-vot espress mill-Unjoni Ewropea u talbet li teżerċita d-dritt tal-vot tagħha meta dan id-dritt kien ingħata lill-Unjoni Ewropea, hija ħolqot konfużjoni fir-rigward tar-riżultat tal-vot u kkawżat dannu lill-kredibbiltà u r-reputazzjoni tal-Unjoni, l-unità tar-rappreżentanza internazzjonali tagħha u d-dehra tagħha b’mod ġenerali. Dan l-aġir għalhekk kiser il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stipulat fl-Artikolu 4(3) TUE.

86.      B’kuntrast, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqis li l-Kummissjoni ma weritx l-eżistenza effettiva ta’ ksur tal-kredibbiltà u r-reputazzjoni tal-Unjoni jew il-fatt li l-aġir tagħha kien il-kawża ta’ tali ksur. Għall-kuntrarju, hija tqis li kienet l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-OTIF, li ħolqot sfidi ġodda għall-OTIF, u l-għaġġla eċċessiva li biha l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ppreparaw għall-25 seduta tal-Kumitat ta’ Reviżjoni tal-OTIF, li kkawżaw il-konfużjoni matul il-vot f’dan il-korp.

(b)    Analiżi

87.      L-Artikolu 4(3) TUE jistipula li skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, f’rispett reċiproku sħiħ, jassistu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li joħorġu mit-Trattati. L-Istati Membri għandhom jieħdu kull miżura xierqa, ġenerali jew partikolari, sabiex jiżguraw it-twettiq tal-obbligi li joħorġu mit-Trattati jew li jirriżultaw mill-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw it-twettiq tal-kompiti tal-Unjoni u joqogħdu lura milli jieħdu dawk il-miżuri li jistgħu jipperikolaw it-twettiq tal-għanijiet tal-Unjoni Ewropea.

88.      Din id-dispożizzjoni, li hija ċentrali għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, għandha l-għan li tiżgura l-funzjonament tal-Unjoni Ewropea (35), ġiet deskritta bħala li tikkostitwixxi l-“għan inerenti tal-kuntratt tal-proġett kollu tal-integrazzjoni Ewropea” (36) u li tenfasizza l-karattru reċiproku tal-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, hija regola ġenerali li ngħatat espressjoni konkreta f’diversi dispożizzjonijiet oħra fit-Trattat (37).

89.      Peress li kull ksur tad-dritt tal-Unjoni, bħal pereżempju l-ksur tad-Deċiżjoni 2014/699, jikser ukoll il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha (38), bħala regola ġenerali, l-Artikolu 4(3) TUE jinsab wara dan il-ksur speċifiku u ma jurix effetti legali minnu nnifsu. Għalhekk, f’diversi każijiet, huwa ta’ natura dikjaratorja. Bħala eżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja tastjeni b’mod espliċitu milli tanalizza dan il-prinċipju fil-kuntest tal-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jirrigwardaw in-nuqqas ta’ traspożizzjoni ta’ direttivi meta ssib ksur ta’ tali nuqqas ta’ traspożizzjoni għaliex ma tarax “il-bżonn” li tagħmel hekk (39).

90.      Madankollu, jeżistu sitwazzjonijiet li fihom l-Artikolu 4(3) TUE jikkostitwixxi bażi indipendenti għall-obbligi (40).

91.      Hemm lok għal tali applikazzjoni separata tal-Artikolu 4(3) TFUE anki minħabba l-fatt li din il-kwistjoni tinsab fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni.

92.      B’mod partikolari, fil-qasam tal-ftehimiet imħallta (41), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’diversi okkażjonijiet li fejn jidher li s-suġġett ta’ ftehim jew konvenzjoni jaqa’ parzjalment fil-kompetenza tal-Unjoni Ewropea u parzjalment f’dik tal-Istati Membri, huwa essenzjali li tiġi żgurata l-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, kemm fil-proċess ta’ negozjati u konklużjoni kif ukoll fit-twettiq tal-impenji li jkunu ttieħdu. Dan l-obbligu ta’ kooperazzjoni joħroġ mir-rekwiżit tal-unità fir-rappreżentanza internazzjonali tal-Unjoni Ewropea (42).

93.      Jiena nipproponi li din id-dikjarazzjoni (43) tkun tassew il-każ li kieku wieħed ibiddel il-kawża u l-konsegwenza u jara r-rekwiżit tal-unità bħala li joħroġ mill-obbligu ta’ kooperazzjoni (44).

94.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-arranġament bejn il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar il-votazzjoni fl-organizzazzjoni internazzjonali (l-FAO) jirrappreżenta t-twettiq tad-dmir ta’ kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri f’din l-organizzazzjoni internazzjonali (45).

95.      Għalkemm fl-ebda wieħed minn dawn il-każijiet, il-kredibbiltà u r-reputazzjoni tal-Unjoni ma kinux inkwistjoni b’mod speċifiku fix-xena internazzjonali, aħna nafu minn din il-ġurisprudenza li l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali għandu importanza partikolari fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni u li dan japplika b’mod speċifiku fir-rigward tal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-votazzjoni fil-qasam tal-kompetenza kondiviża (46).

96.      Jiena għalhekk nargumenta li dak li għandha bżonn tagħmel il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża preżenti huwa li tmur pass lil hinn. Hija għandha tiċċara li r-reputazzjoni u l-kredibbiltà tal-Unjoni fix-xena internazzjonali jikkostitwixxu interess ġuridiku distint protett mill-Artikolu 4(3) TFUE u li, fil-kawża inkwistjoni, imur lil hinn mill-formulazzjoni u l-għan tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/699.

97.      In-nuqqas ta’ konformità ma’ din id-deċiżjoni flimkien mal-manifestazzjoni ċara ta’ nuqqas ta’ qbil dwar il-kontenut ta’ din id-deċiżjoni jikkawżaw danni lir-reputazzjoni tal-Unjoni fil-livell internazzjonali. Dawn jagħtu l-impressjoni li din l-organizzazzjoni ma hijiex kapaċi li taġixxi flimkien fil-preparazzjoni ta’ laqgħa f’organizzazzjoni internazzjonali.

98.      Barra minn hekk, kif issostni tajjeb il-Kummissjoni, il-fatt biss li l-vot tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kellux effett fuq ir-riżultat tas-seduta ma jbiddilx din il-konstatazzjoni.

V.      Konklużjonijiet

99.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena għalhekk tal-opinjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

–      tiddikjara li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/699/UE tal-24 ta’ Ġunju 2014 li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fil-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF rigward emendi fil-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) u fl-Appendiċijiet tagħha u l-Artikolu 4(3) TUE billi vvotat fil-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF) kontra l-pożizzjoni stabbilita f’din id-deċiżjoni u esprimiet pubblikament id-diżapprovazzjoni tagħha kemm għal din il-pożizzjoni kif ukoll għall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-votazzjoni tal-Unjoni Ewropea previst fiha.

–      tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.


1      Lingwa Oriġinali: l-Ingliż.


2      Deċiżjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2014 li tistabbilixxi il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem L-Unjoni Ewropea fil-25 seduta tal-Kumitat tar-Reviżjoni tal-OTIF rigward ċerti emendi fil-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) u fl-Appendiċijiet tagħha (ĠU 2014 L 293, p. 26).


3      Sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2017, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (C-600/14, EU:C:2017:935).


4      Skont l-Artikolu 5(2) TUE.


5      Ara Govaere, I., “To Give or To Grab: The Principle of Full, Crippled and Split Conferral of Powers Post-Lisbon”, f’M. Cremona, Structural Principles in EU External Relations Law, Hart Publishing, Oxford and Portland, Oregon, 2018, p. 71 sa 91, b’mod partikolari p. 73.


6      Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2011 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata mill-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999 (ĠU 2013 L 51, p. 1).


7      Fis-sentenza tagħha tal-5 ta’ Diċembru 2017, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (C-600/14, EU:C:2017:935), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet ir-rikors tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja fl-intier tiegħu.


8      Sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2017, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill (C-600/14, EU:C:2017:935).


9      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssemmi l-kawżi li ġejjin: is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-145/01, EU:C:2003:324, punt 15); tas-27 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-525/03, EU:C:2005:648, punt 15); u tal-11 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġreċja (C-237/05, EU:C:2007:592, punt 29).


10      Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1734 tat-18 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fit-12-il Assemblea Ġenerali tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għall-Ġarr Internazzjonali bil-Ferrovija (OTIF) rigward ċerti emendi għall-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) u għall-Appendiċijiet tagħha (ĠU 2015 L 252, p. 43).


11      Litteralment, “il-ferrovija telqet”, li hija tradotta għall-espressjoni Ingliża, “the ship has sailed”.


12      Ara s-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1992, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-362/90, EU:C:1992:158, punti 11 sa 13).


13      Ara, bħala eżempju, is-sentenzi tal-24 ta’ Marzu 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (240/86, EU:C:1988:173, punti 15 u 16), u l-15 ta’ Jannar 2002, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-439/99, EU:C:2002:14, punti 16 u 17). Għal ħarsa ġenerali komprensiva tal-ġurisprudenza dwar ksur imwettaq fil-passat, ara Prete, L., Infringement proceedings in EU law, Wolters Kluwer, Alphen aan den Rijn, 2017, p. 151 sa 154.


14      Ara s-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1992 (C-362/90, EU:C:1992:158).


15      Ara s-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1992, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-362/90, EU:C:1992:158, punti 11 u 12). F’kawża oħra fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, sa fejn jirrigwarda l-għoti tal-kuntratti pubbliċi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi huwa inammissibbli jekk, meta t-terminu preskritt fl-opinjoni motivata, il-kuntratt inkwistjoni jkun ġie kompletament eżegwit: is-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2005, Il-Kummissjoni vs. Il-Greċja (C-394/02, EU:C:2005:336, punt 18). F’dan il-każ, iżda, il-kuntratt ma kienx ġie kompletament eżegwit, għaliex meta skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, 85% biss tax-xogħlijiet kienu tlestew. Ara wkoll is-sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-536/07, EU:C:2009:664, punt 23). Anki f’dan il-każ: il-kuntratt inkwistjoni, jiġifieri l-proġett inkwistjoni kollu, ma kienx ġie kompletament eżegwit meta t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata kien skada għaliex ix-xogħlijiet ta’ bini biss kienu tlestew. Fil-fatt, l-aspett tal-“kiri” f’dan il-proġett kien għadu pendenti matul dak iż-żmien.


16      Ara s-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1992, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-362/90, EU:C:1992:158, punt 12). Din il-formola ġiet ripetuta fis-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2001, Il-Ġermanja vs. Il-Kummissjoni (C-276/99, EU:C:2001:576, punt 32). Is-sentenza tal-aħħar ingħatat taħt l-Artikolu 88 tal-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar li llum hija superfluwa. F’dan il-każ, il-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kienu diverġenti fis-sens li fl-aħħar tal-proċedura prekontenzjuża, l-irwoli saru bil-maqlub, meta kkomparati mal-Artikolu 258 TFUE: minflok opinjoni motivata, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni (l-Artikolu 14 KEFA, huwa komparabbli f’dan ir-rigward mal-Artikolu 288 TFUE) li mbagħad setgħet tiġi kkontestata minn Stat Membru quddiem il-qorti.


17      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali P. Mengozzi fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-237/05, EU:C:2007:98, punt 42, nota ta’ qiegħ il-paġna 11).


18      Ir-regola hija “meta l-ksur jiġi tterminat qabel [l-iskadenza tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata] fil-prinċipju ma hemmx bażi sabiex jitqies li wieħed għandu l-interess li jara li r-rikors jirnexxi”, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-362/90, EU:C:1992:95, punt 12).


19      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Lenz fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-362/90, EU:C:1992:95, punt 13).


20      Nixtieq nenfasizza li aħna għadna fil-livell tal-ammissibbiltà tal-każ. Ovvjament, jekk ikunx effettivament eżista l-ksur fi żmien il-fatti hija kwistjoni li tikkonċerna s-sustanza tar-rikors, ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Alber fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C-328/96, EU:C:1999:5, punt 30).


21      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-237/05, EU:C:2007:98, punt 66).


22      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Geelhoed fil-Każijiet Magħquda Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-20/01 u C-28/01, EU:C:2002:717, punt 53). Għall-fini ta’ kompletezza, l-estratt ikompli “tad-Direttiva imwettqa permezz ta’ kuntratti fit-tul li huma legalment inpenetrabbli” (il-kawża kienet tirrigwarda l-proċeduri tal-għoti ta’ kuntratti).


23      Ara s-sentenza tas-7 ta’ Frar 1973, Il-Kummissjoni vs L-Italja (39/72, EU:C:1973:13, punt 10).


24      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Il-Kummissjoni vs l-Italja (C-385/02, EU:C:2004:276, punt 15). Ara wkoll, Nowak, C., “§ 10 Vertragsverletzungsverfahren”, punt 44, f’St. Leible, J. Ph. Terhechte, Europäisches Rechtsschutz- und Verfahrensrecht (Enzyklopädie Europarecht, Band 3), Nomos, Baden-Baden, 2014 li jagħmel distinzjonijiet ulterjuri bejn it-termini “Rechtsschutzinteresse”, “Rechtsschutzbedürfnis” u “Klageerhebungsinteresse”.


25      Ara s-sentenza tal-10 ta’ April 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-20/01 u C-28/01, EU:C:2003:220, punti 29 u 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-394/02, EU:C:2005:105, punt 15).


26      Huwa interessanti li bħala parti mill-argument tagħha dwar l-illegalità tal-eċċezzjoni (ara iktar ’l isfel f’dawn il-konklużjonijiet), sabiex tiġġustifika din l-eċċezzjoni fil-kuntest tal-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja taċċetta fis-sottomissjonijiet ta’ difiża tagħha li f’każijiet fejn hemm riskju ta’ nuqqas fis-sistema tal-protezzjoni legali, il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat id-dispożizzjonijiet tat-Trattat rilevanti b’mod wiesa’ u anki lil hinn mill-formulazzjoni tagħhom.


27      Ara bħala eżempji s-sentenzi tas-27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C-64/16, EU:C:2018:117, punti 19 sa 26) u tal-25 ta’ Lulju 2018, AY (Arrest warrant – Witness) (C-268/17, EU:C:2018:602, punti 23 sa 31).


28      Ara s-sentenza tat-23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il-Parlament (294/83, EU:C:1986:166, punt 24).


29      Ara s-sentenza tat-22 ta’ Mejju 1990, Il-Parlament vs Il-Kunsill (C-70/88, EU:C:1990:217, punt 26).


30      Ara s-sentenza tal-25 ta’ Lulju 2002, Unión de Pequeños Agricultores vs Il-Kunsill (C-50/00 P, EU:C:2002:462, punt 45).


31      Meta dan l-Istat Membru ġie mistoqsi matul is-seduta għaliex ma kienx irrimarka l-eżistenza ta’ att li ma jeżistix fil-kuntest tal-Kawża C-600/14, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, it-tweġiba tiegħu kienet li hu nnota din il-kwistjoni biss iktar tard.


32      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet argumentat f’din il-kawża li d-Deċiżjoni 2014/699 kisret il-prinċipju ta’ għoti tal-kompetenzi (l-Artikolu 5(2) TUE), ma hijiex motivata biżżejjed u kisret il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali flimkien mal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.


33      Għalkemm jidher raġonevoli li Stat Membru, li jkun diġà attakka att li huwa ppreżuma li kien jeżisti fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, jiġi prekluż milli sussegwentement jinvoka allegata ineżistenza, hija ovvjament il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha teżamina ex officio l-kwistjoni ta’ att li ma jeżistix.


34      Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Frar 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C-45/07, EU:C:2009:81, punt 26). L-istess japplika għall-ksur minn Stat Membru ieħor, ara s-sentenza tat-23 ta’ Mejju 1996, Hedley Lomas (C-5/94, EU:C:1996:205, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).


35      Ara Obwexer, W., f’H. von der Groeben, J. Schwarze, J. A. Hatje (ed.), Europäisches Unionsrecht (Kommentar), is-seba’ edizzjoni, Nomos, Baden-Baden, 2015, Artikel 4 EUV, punt 67.


36      Ara Kahl, W., f’Chr. Calliess, M. Ruffert (ed.), EUV/AEUV, il-ħames edizzjoni, C. H. Beck, Munich, 2016, Artikel 4 EUV, punt 35: “Geschäftsgrundlage des gesamten europäischen Integrationsprojekts”.


37      Pereżempju l-Artikolu 344 TFUE, ara s-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C-459/03, EU:C:2006:345, punt 169).


38      Ara, bħala eżempju, Franzius, C., M. Pechstein, C. Nowak, U. Häde (eds), Frankfurter Kommentar zu EUV, GRC und AEUV, Band II, Mohr Siebeck, Tübingen, 2017, Artikel 4 EUV, punt 101.


39      Ara s-sentenzi tat-13 ta’ Ottubru 1993, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-378/92, EU:C:1993:843, punt 6), u tad-19 ta’ Jannar 1995, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-66/94, EU:C:1995:13, punt 6).


40      Ara Lenz, C. O., f’ C. O. Lenz, K.-D. Borchardt, EU-Verträge Kommentar, Bundesanzeiger Verlag, is-sitt edizzjoni, Cologne, 2013, Artikel 4 EUV, punti 17 et seq.; Streinz, R. (editur), f’R. Streinz (editur), EUV/AEUV (Kommentar), it-tieni edizzjoni, C. H. Beck, Munich, 2012., Artikel 4 EUV, punt 27.


41      Dwar id-dmirijiet tal-kooperazzjoni leali fil-ftehim imħallat, ara Heliskoski, J., Mixed Agreements as a Technique for Organizing the International Relations of the European Community and its Member States, Kluwer Law International, The Hague, 2001, p. 61 sa 67, u Cremona, M., “Defending the Community Interest: the Duties of Cooperation and Compliance”, f’B. de Witte, M. Cremona (edituri), EU Foreign Relations Law, Hart Publishing, Oxford and Portland, Oregon, 2008, p. 158 sa 161.


42      Ara wkoll id-Deliberazzjoni (1/78 tal-14 ta’ Novembru 1978, EU:C:1978:202, punti 34 sa 36) (b’analoġija mat-Trattat ta’ KEEA); L-Opinjoni 2/91 (Il-Konvenzjoni tal-ILO Nru 170), tad-19 ta’ Marzu 1993 (EU:C:1993:106, punt 36); L-Opinjoni 1/94 (Ftehimiet annessi mal-Ftehim WTO), tal-15 ta’ Novembru 1994 ((EU:C:1994:384, punt 108); u l-Opinjoni 2/00 (Protokoll ta’ Kartaġena dwar il-Bijosigurtà), tas-6 ta’ Diċembru 2001 (EU:C:2001:664, punt 18). Ara wkoll l-Opinjoni 1/08 (Ftehimiet li jimmodifikaw l-Iskedi ta’ Rabtiet Speċifiċi taħt il-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS)) tat-30 ta’ Novembru 2009 (EU:C:2009:739, punt 136), u s-sentenza tal-20 ta’ April 2010, Il-Kummissjoni vs L-Iżvezja (C-246/07, EU:C:2010:203, punt 73).


43      Jidher li fil-frattemp din ir-riferiment għar-rekwiżit ta’ unità ma baqax isir mill-Qorti tal-Ġustizzja, ara s-sentenza tat-28 ta’ April 2015, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C-28/12, EU:C:2015:282, punt 54).


44      Fuq l-istess linja, Hillion, Chr., “Mixity and Coherence in EU External Relations: The Significance of the ‘Duty of Cooperation’”, f’Chr. Hillion, P. Koutrakos, Mixed agreements revisited, Hart Publishing, Oxford and Portland, Oregon, 2010, p. 87 sa 115, b’mod partikolari p. 89, jargumenta li l-bażi legali tad-dmir ta’ kooperazzjoni jirriżulta mill-Artikolu 4(3) TUE. L-istess awtur, ibidem p. 91, jargumenta b’mod konvinċenti li “r-rekwiżit ma kienx oriġinarjament previst bħala l-bażi tad-dmir ta’ kooperazzjoni iżda bħala mezz li jiġi applikat fil-kuntest tal-KEE, minħabba li l-bażi tiegħu hija l-istess bħal fil-kuntest tal-Euratom, jiġifieri, il-prinċipju ġenerali tal-kooperazzjoni leali”.


45      Ara s-sentenza tad-19 ta’ Marzu 1996, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C-25/94, EU:C:1996:114, punt 49). Dwar il-ġrajjiet li jagħtu lok għal din il-kawża, ara Heliskoski, J., “Internal struggle for international presence: the exercise of voting rights within the FAO”, f’A. Dashwood, Chr. Hillion, The general law of E.C. external relations, Sweet&Maxwell, London, 2000, p. 79 sa 99.


46      Sabiex jiġi evitat kull ekwivoku, jiena nifhem li l-prinċipju tal-kooperazzjoni leali taħt l-Artikolu 4(3) TEU jinkludi d-“dmir ta’ kooperazzjoni” li ġie msemmi mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi ċċitati iktar ’il fuq. Jiena nifhem ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża 2/15 (EU-Singapore Free Trade Agreement, EU:C:2016:992, punt 569) bl-istess mod. Barra minn hekk, dan huwa ċar b’mod partikolari sa mill-kawża MOX-Plant fejn il-Qorti tal-Ġustizzja, għall-ewwel darba, semmiet b’mod speċifiku d-dispożizzjoni tat-Trattat ta’ dak li qabel kien l-Artikolu 10 KE f’dan il-kuntest (anki jekk il-kawża kienet essenzjalment dwar id-dispożizzjoni iktar speċifika tal-Artikolu 344 TFUE), ara s-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2006, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C-459/03, EU:C:2006:345, punt 114). Dwar dan il-punt ara wkoll Hillion, Chr., “Mixity and Coherence in EU External Relations: The Significance of the “Duty of Cooperation”, Chr. Hillion, P. Koutrakos, Mixed agreements revisited, Hart Publishing, Oxford and Portland, Oregon, 2010, p. 87 sa 115, b’mod partikolari p. 90 u 91.