Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Milano (l-Italja) fit-2 ta’ Settembru 2019 – KO vs Fallimento Consulmarketing SpA

(Kawża C-652/19)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Tribunale di Milano

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: KO

Konvenuta: Fallimento Consulmarketing SpA

Domandi preliminari

Il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni previsti fil-klawżola 4 tad-Direttiva 99/70/KE 1 dwar il-kundizzjonijiet tal-impjieg jipprekludu d-dispożizzjonijiet legali previsti fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 u fl-Artikolu 10 tad-Decreto legislativo 23/15 (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 23/15) li, fir-rigward ta’ tkeċċijiet kollettivi illegali minħabba ksur tal-kriterji ta’ selezzjoni, jistabbilixxu sistema doppja ddifferenzjata ta’ protezzjoni li fil-kuntest tagħha tiġi żgurata, fl-istess proċedura, protezzjoni adegwata, effettiva u dissważiva tar-relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien indeterminat stabbiliti qabel is-7 ta’ Marzu 2015, li fir-rigward tagħhom huma previsti r-rimedji tal-integrazzjoni mill-ġdid u l-ħlas tal-kontribuzzjonijiet mill-persuna li timpjega u li, għall-kuntrarju, tistabbilixxi protezzjoni sempliċement kumpensatorja marbuta ma’ limitu minimu u ma’ limitu massimu li hija inqas effettiva u li għandha natura inqas dissważiva fir-rigward ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat bl-istess anzjanità f’sitwazzjoni fejn dawn ir-relazzjonijiet kienu ġew stabbiliti qabel id-data msemmija iżda li wara s-7 ta’ Marzu 2015 inbidlu f’relazzjonijiet għal żmien indeterminat?

Id-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikoli 23 u 30 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fid-Direttiva 98/59/KE 2 jipprekludu dispożizzjoni legali, bħalma huwa l-Artikolu 10 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 23/15, li, fir-rigward biss tal-ħaddiema rreklutati għal żmien indeterminat (jew għall-ħaddiema rreklutati fuq il-bażi ta’ relazzjoni għal żmien determinat mibdula f’relazzjoni għal żmien indeterminat) b’effett mis-7 ta’ Marzu 2015, tistabbilixxi li, fil-każ ta’ tkeċċijiet kollettivi illegali minħabba ksur tal-kriterji ta’ selezzjoni, b’differenza mir-relazzjonijiet ta’ xogħol analogi oħra stabbiliti preċedentement u involuti fl-istess proċedura, ma hijiex prevista l-integrazzjoni mill-ġdid fil-post tax-xogħol u li, għall-kuntrarju, tistabbilixxi sistema parallela ta’ protezzjoni sempliċement kumpensatorja li ma hijiex adegwata sabiex tikkumpensa l-konsegwenzi ekonomiċi li joħorġu mit-telf tal-post tax-xogħol u li hija inferjuri meta mqabbla mal-mudell l-ieħor ta’ protezzjoni, li huwa applikat għal ħaddiema oħra li r-relazzjonijiet tagħhom għandhom l-istess karatteristiċi ħlief għad-data tal-bidla jew tal-istabbiliment tagħhom?

____________

1     Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).

2     Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE tal-20 ta’ Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar redundancies kollettivi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 327).