Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja) fit-23 ta’ Lulju 2019 – Consorzio Italian Management, Catania Multiservizi SpA vs Rete Ferroviaria Italiana SpA

(Kawża C-561/19)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Consiglio di Stato

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Consorzio Italian Management, Catania Multiservizi SpA

Konvenuta: Rete Ferroviaria Italiana SpA

Domandi preliminari

Skont l-Artikolu 267 TFUE, il-qorti nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħha ma humiex rivedibbli permezz ta’ rikors ġudizzjarju, bħala prinċipju, hija obbligata tressaq talba għal deċiżjoni preliminari fuq kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, anki jekk din il-kwistjoni tiġi proposta liha minn waħda mill-partijiet fil-kawża wara l-ewwel att promotur tagħha jew wara n-nota tagħha għal komparizzjoni fil-kawża, wara li l-kawża tkun instegħmet għall-ewwel darba, jew anki wara li jkun sar l-ewwel rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea?

[…] l-Artikoli 115, 206 u 217 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006, kif interpretati mill-ġurisprudenza amministrattiva fis-sens li dawn jeskludu r-reviżjoni tal-prezzijiet fil-kuntratti marbuta mas-setturi msejħa speċjali huma konformi mad-dritt tal-Unjoni [b’mod partikolari, l-Artikolu 4(2), l-Artikolu 9, l-Artikolu 101(1)(e), l-Artikolu 106, l-Artikolu 151 – kif ukoll il-Karta Soċjali Ewropea ffirmata f’Torino fit-18 ta’ Ottubru 1961 u l-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema tal-1989 li hija ċċitata minn dan l-aħħar imsemmi artikolu – l-Artikolu 152, l-Artikolu 153 u l-Artikolu 156 TFUE; l-Artikoli 2 u 3 TUE u l-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea], b’mod partikolari inkonnessjoni mal-kuntratti li għandhom għan differenti minn dawk previsti mid-Direttiva 2004/17 1 , iżda li għandhom rabta funzjonali ma’ dawn tal-aħħar?

[…] l-Artikoli 115, 206 u 217 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 163/2006 kif interpretati mill-ġurisprudenza amminstrattiva fis-sens li dawn jeskludu r-reviżjoni tal-prezzijiet fil-kuntratti marbuta mas-setturi msejħa speċjali huma konformi mad-dritt tal-Unjoni (b’mod partikolari, l-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-Artikoli 26 u 34 TFUE, u l-prinċipju ta’ libertà ta’ intrapriża rikonoxxut ukoll mill-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea), b’mod partikolari inkonnessjoni mal-kuntratti li għandhom għan differenti minn dawk previsti mid-Direttiva 2004/17, iżda li għandhom rabta funzjonali ma’ dawn tal-aħħar?

____________

1     Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19).