Language of document : ECLI:EU:F:2016:74

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA
(It-Tieni Awla)

11 ta’ April 2016

Kawża F-77/15

Richard Zink

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Allowance tal-espatrijazzjoni – Żball amministrattiv li wassal għan-nuqqas ta’ ħlas tal-allowance tal-espatrijazzjoni għal diversi snin – Att li jikkawża preġudizzju – Rendikont tar-remunerazzjoni li ma jirrifletti ebda deċiżjoni pekunjarja – Artikolu 82 tar-Regoli tal-Proċedura – Eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ta’ ordni pubbliku – Irregolarità tal-proċedura prekontenzjuża – Talba fis-sens tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal – Terminu raġonevoli”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat abbażi tal-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li bih Richard Zink jitlob l-annullament tad-Deċiżjoni tat-23 ta’ Lulju 2014 tal-Uffiċċju "Ġestjoni u kalkolu tad-drittijiet individwali" tal-Kummissjoni Ewropea (PMO) li l-ħlas tal-allowance tal-espatrijazzjoni mhux imħallas bi żball mill-1 ta’ Settembru 2007 jiġi limitat għall-perijodu ta’ ħames snin qabel id-data tal-iskoperta tal-iżball.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud. Richard Zink għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Rendikont tar-remunerazzjoni – Inklużjoni normalment ammessa għall-finijiet tal-eżerċizzju tar-rimedji ġudizzjarji – Rendikont tar-remunerazzjoni li ma jinkludix l-allowance tal-espatrijazzjoni, b’riżultat ta’ żball amministrattiv – Esklużjoni – Rendikont tar-remunerazzjoni li ma jirrifletti ebda deċiżjoni pekunjarja

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Rikorsi tal-uffiċjali – Awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel – Ilment dirett kontra n-nuqqas ta’ ħlas ta’ allowance – Nuqqas ta’ azzjoni mill-amministrazzjoni li ma hijiex ekwivalenti għal rifjut ta’ għoti – Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Rikorsi tal-uffiċjali – Skadenzi – Talba għal kumpens indirizzata lil istituzzjoni – Osservanza ta’ terminu raġonevoli – Ksur – Ġustifikazzjoni bbażata fuq id-diffikultà tal-kundizzjonijiet tax-xogħol – Inammissibbiltà – Ġustifikazzjoni bbażata fuq sitwazzjoni eċċezzjonali li tipprekludi li persuna tinduna bl-iżball tal-amministrazzjoni u li ssir talba – Ammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 46; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90(1))

1.      Għalkemm rendikont tar-remunerazzjoni, min-natura u mill-iskop tiegħu, ma għandux, bħala tali, il-karatteristiċi ta’ att li jikkawża preġudizzju, peress li dan ma jagħmel xejn ħlief li jittraduċi, f’termini monetarji, il-portata ta’ deċiżjonijiet legali preċedenti relattivi għas-sitwazzjoni tal-uffiċjal, fuq il-livell proċedurali, tali rendikont jista’ jikkostitwixxi att li joħloq effetti legali preċiżi fir-rigward tad-destinatarju tiegħu. B’hekk, il-komunikazzjoni tar-rendikont tar-remunerazzjoni għandha bħala effett id-dekorriment tat-termini għall-preżentata ta’ lment u ta’ rikors kontra deċiżjoni amministrattiva meta dan ir-rendikont tar-remunerazzjoni ikun jindika b’mod ċar l-eżistenza u l-portata ta’ din id-deċiżjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rendikonti tar-remunerazzjoni, trażmessi ta’ kull xahar u li fihom il-kalkolu tad-drittijiet monetarji, jistgħu jikkostitwixxu atti li jikkawżaw preġudizzju, li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ lment u, jekk ikun il-każ, ta’ rikors.

Madankollu, meta, minħabba żball min-naħa tal-amministrazzjoni fil-mili tal-informazzjoni informatika dwar id-drittijiet legali ta’ uffiċjal, l-allowance tal-espatrijazzjoni ma tkunx tħallset, filwaqt li d-dritt tal-uffiċjal għal din l-allowance ikun ġie kkonfermat espliċitament mill-istituzzjoni kkonċernata wara r-reintegrazzjoni tal-uffiċjal f’din l-istituzzjoni wara kollokament, ir-rendikonti ta’ remunerazzjoni tal-uffiċjal imsemmi mid-data tal-konferma msemmija iktar ‘il fuq la jirriflettu ebda deċiżjoni monetarja, la jbiddlu s-sitwazzjoni legali tiegħu, u lanqas ma jistabbilixxu definittivament il-pożizzjoni tal-istituzzjoni.

Konsegwentement, peress li ma jirriflettux deċiżjoni tal-awtorità tal-Ħatra tal-istituzzjoni kkonċernata, l-imsemmija rendikonti tar-remunerazzjoni ma jistgħux ikollhom l-effett jagħtu bidu għad-dekorrenza tat-terminu għat-tressiq ta’ lment.

(ara l-punti 34 u 37 sa 40)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza tas-27 ta’ Ġunju 1989, Giordani vs Il-Kummissjoni, 200/87, EU:C:1989:259, punt 13

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza tad-19 ta’ Settembru 2008, Chassagne vs Il-Kummissjoni, T-253/06 P, EU:T:2008:386, punt 139

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: digriet tat-13 ta’ Settembru 2013, Conticchio vs Il-Kummissjoni, T-358/12 P, EU:T:2013:525, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: digriet tat-22 ta’ Ġunju 2015, van Oudenaarden vs Il-Parlament, F-139/14, EU:F:2015:64, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      Fir-rigward tal-introduzzjoni ta’ lment amministrattiv minn qabel skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal kontra n-nuqqas ta’ ħlas ta’ allowance lil uffiċjal, il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ deċiżjoni li tikkawża preġudizzju ma tkunx sodisfatta meta n-nuqqas ta’ ħlas tal-imsemmija allowance ma jkunx neċessarjament jimplika li l-istituzzjoni kkonċernata rrifjutat dan id-dritt lill-persuna interessata.

(ara l-punt 35)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: sentenza tat-22 ta’ Settembru 1988, Canters vs Il-Kummissjoni, 159/86, EU:C:1988:432, punt 7

3.      Fir-rigward ta’ talba għad-danni diretta kontra istituzzjoni minn uffiċjal kollokat ma’ delegazzjoni tal-Unjoni intiża biex jinkiseb il-kumpens għall-effetti dannużi ta’ żball tekniku mwettaq mis-servizzi ta’ istituzzjoni, minkejja kemm setgħu kienu diffiċli l-kundizzjonijiet ta’ xogħol tal-uffiċjal imsemmi, dan tal-aħħar ma jistax jinvokahom f’każ ta’ qbiż ta’ terminu raġonevoli għall-preżentata ta’ talba b’applikazzjoni tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal intiża għall-korrezzjoni tal-effetti tal-iżball imsemmi jekk ma jkunx wera li kien involut f’sitwazzjoni eċċezzjonali li pprekludietu milli jinduna b’dan l-iżball u jippreżenta tali talba.

(ara l-punt 48)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: digriet tat-13 ta’ Lulju 2010, Allen et vs Il-Kummissjoni, F-103/09, EU:F:2010:88, punt 38, u s-sentenza tat-13 ta’ April 2011, Sukup vs Il-Kummissjoni, F-73/09, EU:F:2011:40, punt 83