Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Stuttgart (il-Ġermanja) fit-18 ta’ Ottubru 2018 – Interseroh Dienstleistungsgesellschaft mbH vs SAA Sonderabfallagentur Baden-Württemberg GmbH

(Kawża C-654/18)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgericht Stuttgart

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Interseroh Dienstleistungsgesellschaft mbH

Konvenuta: SAA Sonderabfallagentur Baden-Württemberg GmbH

Domandi preliminari

L-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 1

li jipprevedi li l-vjaġġi tal-iskart segwenti intiż għall-irkupru huma suġġetti għar-rekwiżiti ġenerali fil-qasam tal-informazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 18, sakemm il-kwantità ta’ skart ittrasferit teċċedi l-20 kilogramma:

l-iskart elenkat fl-Anness III jew III B;

it-taħlit ta’ skart, li ma huwiex ikklassifikat f’entrata waħda fl-Anness III, ta’ mill-inqas żewġ tipi ta’ skart elenkati fl-Anness III, sa fejn il-kompożizzjoni ta’ dan it-taħlit ma tipprekludix l-irkupru tagħhom skont ir-rispett tal-ambjent, u sa fejn dan it-taħlit huwa elenkat fl-Anness III A, skont l-Artikolu 58;

għandu jiġi interpretat fis-sens li t-taħlit ta’ skart tal-karta, tal-kartun u ta’ prodotti tal-karta, kompost b’tali mod li kull tip ta’ skart meqjus individwalment jaqa’ taħt l-ewwel tliet inċiżi tal-entrata B3020 tal-Anness IX tal-Konvenzjoni ta’ Basel, u jinkludi minn tal-inqas 10 % ta’ impuritajiet, jaqa’ taħt l-entrata B3020 tal-Konvenzjoni ta’ Basel u għalhekk huwa suġġett għar-rekwiżiti ġenerali fil-qasam tal-informazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 18 u mhux għall-obbligu ta’ notifika msemmi fl-Artikolu 4?

Fil-każ li r-risposta għad-domanda 1 tkun fin-negattiv:

L-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006

li jipprevedi li l-vjaġġi tal-iskart segwenti intiż għall-irkupru huma suġġetti għar-rekwiżiti ġenerali fil-qasam tal-informazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 18, sakemm il-kwantità ta’ skart ittrasferit teċċedi l-20 kilogramma:

l-iskart elenkat fl-Anness III jew III B;

it-taħlit ta’ skart, li ma huwiex ikklassifikat f’entrata waħda fl-Anness III, ta’ mill-inqas żewġ tipi ta’ skart elenkati fl-Anness III, sa fejn il-kompożizzjoni ta’ dan it-taħlit ma tipprekludix l-irkupru tagħhom skont ir-rispett tal-ambjent, u sa fejn dan it-taħlit huwa elenkat fl-Anness III A, skont l-Artikolu 58;

għandu jiġi interpretat fis-sens li t-taħlit ta’ skart tal-karta, tal-kartun u ta’ prodotti tal-karta, kompost b’tali mod li kull tip ta’ skart meqjus individwalment jaqa’ taħt l-ewwel tliet inċiżi tal-entrata B3020 tal-Anness IX tal-Konvenzjoni ta’ Basel, u jinkludi minn tal-inqas 10 % ta’ impuritajiet, ma għandux jiġi kklassifikat taħt il-punt 3(g) tal-Anness III A u għalhekk ma huwiex suġġett għar-rekwiżiti ġenerali fil-qasam tal-informazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 18, iżda għall-obbligu ta’ notifika msemmi fl-Artikolu 4?

____________

1     Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart (ĠU 2006, L 190, p. 1 (rettifiki fil-ĠU 2013, L 344, p. 46 u fil-ĠU 2015, L 277, p. 61).