Language of document : ECLI:EU:C:2005:616

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (AWLA MANJA)

18 ta' Ottubru 2005(*)

"Trademarks – Direttiva 89/104/KEE – Regolament (KE) Nru 40/94– Drittijiet mogħtija mit-trademark – Użu tat-trademark fil-kummerċ – Importazzjoni ta' prodotti li joriġinaw mill-Komunità– Prodotti mqegħda taħt il-proċedura doganali tat-tranżitu estern jew dik tal-ħażna doganali – Oppożizzjoni tal-proprjetarju tat-trademark – Offerta għall-bejgħ jew bejgħ ta' prodotti taħt il-proċedura doganali tat-tranżitu estern jew dik tal-ħażna doganali – Oppożizzjoni tal-proprjetarju tat-trademark – Oneru tal-prova"

Fil-kawża C-405/03

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Gerechtshof te ‘s-Gravenhage (l-Olanda), permezz ta' deċiżjoni tat-28 ta' Awissu 2003, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta' Settembru 2003, fil-proċedura

Class International BV

vs

Colgate-Palmolive Company,

Unilever NV,

SmithKline Beecham plc,

Beecham Group plc,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, P. Jann, C. W. A. Timmermans, A. Rosas u J. Malenovský, Presidenti ta' l-Awla, C. Gulmann (Relatur), R. Schintgen, N. Colneric,  S. von Bahr, J. N. Cunha Rodrigues, A. Borg Barthet, M. Ilešič, u J. Klučka, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: F. G. Jacobs,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta' Marzu 2005,

wara li rat is-sottomissjonijiet ippreżentati:

–       għal Class International BV, minn G. van der Wal, advocaat,

–       għal SmithKline Beecham plc u Beecham Group plc, minn A. A. van Wijngaarden, advocaat,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn N. B. Rasmussen, W. Wils u H. van Vliet, bħala aġenti,

wara li semgħet il-Konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta' Mejju 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta' l-Artikolu 5(1) u (3)(b) u (c) ta' l-Ewwel Direttiva 89/104/KEE tal-Kunsill tal-21 ta' Diċembru, 1988 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-trademarks (ĠU 1989, L 40, p.1, iktar 'il quddiem id-"direttiva"), u ta' l-Artikolu 9(1) u (2)(b)(c) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) nru 40/94 ta' l-20 ta' Diċembru 1993 dwar it-trademark Komunitarja (ĠU 1994, L 11, p. 1, iktar 'il quddiem ir-"Regolament").

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta' kawża bejn Class International BV (iktar 'il quddiem "SmithKline Beecham") u Beecham Group plc (iktar 'il quddiem "Beecham Group"), fir-rigward ta' sekwestru kawtelatorju, minn dawn l-aħħar żewġ kumpanniji, fuq prodotti li għandhom it-trademarks tagħhom, li ġejjin barra mill-Komunità Ewropea u maħżuna minn Class International, proprjetarju ta' dawn il-beni, f'maħżen f'Rotterdam.

 Il-Kuntest Ġuridiku Komunitarju

3       L-Artikolu 5 tad-Direttiva, intitolata "Drittijiet mogħtija minn trade mark", tipprovdi kif ġej:

"1.      It-trade mark irreġistrata għandha tagħti l-proprjetarju drittijiet esklussivi fuqha. Il-proprjetarju għandu jkun intitolat li jimpedixxi terzi persuni kollha li ma għandhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw matul il-kummerċ:

(a) kwalunkwe sinjal li hu identiku mat-trade mark fejn għandhom x’jaqsmu merkanzija jew servizzi li huma identiċi għal dawk li t-trade mark hi reġistrata;

[…]

3.      Is-segwenti, inter alia, jistgħu jkunu projbiti taħt paragrafi 1 u 2:

[…]

(b) li joffru l-merkanzija, jew li jqiegħduhom fuq is-suq jew li jaħżnuhom għal dawn l-iskopijiet taħt dak is-sinjal, jew li joffru u jfornu servizzi kif jidħru hawn taħt;

(ċ) jimpurtaw jew jesportaw il-merkanzija taħt is-simbolu;

[…]"

4       L-Artikolu 9(1)(a) u (2)(b) u (c) tar-Regolament jiddefinixxi l-istess modalitajiet tad-drittijiet mogħtija mit-trademark Komunitarja.

5       L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva, intitolata "Eżawriment tad-drittijiet mogħtija minn trade mark", tipprovdi:

"It-trade mark ma tagħtix lill-proprjetarju d-dritt li jipprojbixxi l-użu tagħha fir-rigward ta' merkanzija li tqiegħdet fuq is-suq taħt dik it-trade mark mill-proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu."

6       L-Artikolu 13(1) tar-Regolament jipprovdi bl-istess termini għall-eżawriment tad-dritt mogħti mit-trademark Komunitarja.

7       L-Artikolu 65(2) tal-Ftehim dwar Iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta' Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3), jipprevedi li d-dispożizzjonijiet u l-modalitajiet partikolari applikabbli fiż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar 'il quddiem iż-"ŻEE") għall-proprjetà intellettwali, industrijali u kummerċjali jidhru, b'mod partikolari, fl-Anness XVII ta' dan il-Ftehim.

8       Il-punt 4 ta' l-imsemmi Anness isemmi d-Direttiva.

9       Għall-fini tal-Ftehim dwar iż-ŻEE, huwa jemenda l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva billi jissostitwixxi l-kliem "fil-Komunità" bil-kliem "fit-territorju ta' parti kontraenti".

10     L-Artikolu 91(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 302, p.1, iktar 'il quddiem il-"Il-Kodiċi Doganali"), jipprovdi li:

"Il-proċess ta’ tranżitu estern għandu jippermetti l-moviment minn punt għall-ieħor fit-territorju doganali tal-Komunità ta’:

(a)      merkanzija mhux tal-Komunità, mingħajr ma dik l-merkanzija tkun soġġetta għal dazji fuq l-importazzjoni u ħlasijiet oħra jew għal miżuri ta’ politika kummerċjali;

[…]"

11     L-Artikolu 98(1) tal-Kodiċi Doganali jipprovdi:

"Il-proċedura ta’ depożit[u] għandha tippermetti l-ħażna f’maħżen doganali ta’:

a)      merkanzija mhux tal-Komunità, mingħajr ma dik il-merkanzija tkun soġġetta għal dazji ta’ l-importazzjoni jew miżuri ta’ politika kummerċjali; ;

[…]"

12     L-Artikolu 58 ta' l-imsemmi Kodiċi jippreċiża:

"1.      Ħlief fejn hemm provdut mod iehor, merkanzija tista’ f’kull żmien, taħt il-kondizzjonijiet stipulati, tkun assenjata kull trattament jew użu approvat mid-dwana tkun xi tkun in-natura tagħha jew kwantità, jew il-pajjiż ta’ oriġini tagħha, konsenja jew destinazzjoni.

2.      Il-paragrafu 1 m’għandux jipprekludi l-imposizzjoni ta’ projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet ġustifikati għar-raġuni […]-ta' protezzjoni ta’ proprjetà industrijali u kummerċjali."

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13     SmithKline Beecham u Beecham Group, kumpanniji tal-grupp GlaxoSmithKline, stabbiliti fir-Renju Unit, huma proprjetarji distinti tat-trademarks Aquafresh, trademarks Komunitarji u trademarks irreġistrati fl-Uffiċċju Benelux għat-trademarks, b'mod partikolari, tat-tutpejstijiet.

14     Matul ix-xahar ta' Frar 2002, Class International ippreżentat fil-Komunità, f'Rotterdam, kontenitur li għandu tutpejstijiet li għandhom it-trademark Aquafresh, mixtrija minn impriża Sud-Afrikana, Kapex International.

15     Billi ġew informati li dawn it-tutpejstijiet jistgħu ikunu prodotti kontraffatti, SmithKline Beecham u Beecham Group (iktar 'il quddiem, flimkien, "Beecham") ipproċedew għal sekwestru kawtelatorju tal-kontenitur tal-5 ta' Marzu 2002.

16     L-eżami tal-prodotti ssekwestrati, li sar fix-xahar ta' April 2002, wera li kienu prodotti oriġinali u mhux merkanzija kontraffatta.

17     Class International talbet lill-Rechtbank te Rotterdam it-tneħħija tas-sekwestru kawtelatorju kif ukoll il-kundanna ta' Beecham għad-depożitu ta' indennizz bħala kumpens tad-danni li hija kkunsidrat li kienet batiet.

18     Dawn it-talbiet ġew miċħuda b'digriet ta' l-24 ta' Mejju 2002.

19     Class International appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-Gerechtshof te ‘s-Gravenhage.

20     Quddiem din il-Qorti, hija tissottometti li l-prodotti ssekwestrati ma ġewx importati, imma jinstabu fi tranżitu.

21     Il-Gerechtshof tosserva li mhuwiex ippruvat li kien jeżisti diġa xerrej ta' dawn il-prodotti fiż-żmien tad-daħla tagħhom fl-Olanda u lanqas fil-mument tas-sekwestru tagħhom. Huwa jidhirlu li mhuwiex eskluż li l-ewwel kumpratur ikun stabbilit fiż-ŻEE. Huwa jikkonstata li diversi motivi sottomessi quddiemu jirrigwardaw il-kwistjoni jekk il-ħażna temporanja ta' merkanzija oriġinali f'maħżen taħt il-proċedura doganali T 1 u/jew it-tranżitu ta' din il-merkanzija lejn pajjiżi sitwati barra miż-ŻEE għandhomx ikunu kkunsidrati bħala użu tat-trademark.

22     Peress illi s-soluzzjoni tal-kawża kienet teżiġi l-interpretazzjoni ta' l-Artikoli 5(1) u (3)(b) u (c) tad-Direttiva u 9(1) u (2)(b) u (c) tar-Regolament, il-Gerechtshof te ‘s-Gravenhage ddeċieda li jissospendi l-proċedimenti u li jagħmel lill-Qorti d-domandi preliminari segwenti:

"1)       Il-proprjetarju ta' trademark jista' jopponi ruħu għall-introduzzjoni (diretta jew indiretta), mingħajr il-kunsens tiegħu, ta' merkanzija minn pajjiżi terzi li għandha trademark fis-sens tad-Direttiva u/jew [tar-Regolament] fit-territorju ta' Stat Membru (fil-każ preżenti t-territorju ta' l-Olanda/il-pajjiżi tal-Benelux) fil-kuntest tat-trasport ta' beni fi tranżitu jew tal-kummerċ fi tranżitu kif indikat iktar 'il quddiem?

2)      L-espressjoni "użu ta' sinjal fil-kummerċ" fis-sens tad-dispożizzjonijiet ikkombinati, min-naħa waħda, ta' l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 5(1) u 3(b)(c) tad-Direttiva u, min-naħa l-oħra, ta' l-ewwel sentenza ta' l-Artikolu 9(1) u 2(b)(c), [tar-Regolament] tinkludi l-ħażna fit-territorju ta' Stat Membru, f'uffiċċju tad-Dwana jew f'maħżen, ta' artikoli oriġinali (li għandhom trademark fis-sens [tad-Direttiva], tal-[liġi uniformi tal-Benelux fuq it-trademarks] u/jew [tar-Regolament]) li ma ġewx importati fiż-ŻEE mill-proprjetarju tat-trademark jew bil-kunsens tiegħu, li ġejjin miż-ŻEE u li ma għandhomx l-istatus, skond it-termini tat-teknika doganali, ta' merkanzija mhux komunitarja (per eżempju T 1 jew [dokument amministrattiv mehmuż])?

3)      Id-domanda dwar jekk id-destinazzjoni finali ta' din il-merkanzija hijiex stabbilità jew le, jekk iva, f'dak li jirrigwarda din il-merkanzija, ftehim (ta' xiri) ġie konkluż jew le ma klijent fi Stat terz fil-mument tad-daħla taghom fit-territorju msemmi jippreżenta impatt biex jitwieġbu l-ewwel u t-tieni domandi?

4)      Fil-kuntest tar-risposta lill-ewwel, it-tieni u t-tielet domandi, hemm lok li jiġi mogħti importanza lill-possibbiltajiet komplementari, bħal

a)       il-possibbiltà li l-kummerċjant, li huwa l-proprjetarju tal-merkanzija in kwistjoni jew jista' jiddisponi minnha u/jew huwa attiv fil-kummerċ parallel ikun stabbilit f'wieħed mill-Istati Membri;

b)      il-possibbiltà li l-kummerċjant stabbilit fi Stat Membru joffri għall-bejgħ jew ibiegħ l-imsemmija merkanzija, meta titlaq minn dan l-Istat Membru, lil kummerċjant ieħor stabbilit fi Stat Membru, waqt li l-post ta' kunsinna ma jkunx (għadu) ġie stabbilit;

c)      il-possibbiltà li l-kummerċjant stabbilit fi Stat Membru joffri għall-bejgħ jew ibiegħ l-imsemmija merkanzija, meta titlaq minn dan l-Istat Membru, lil kummerċjant ieħor stabbilit fi Stat Membru, meta l-post ta' kunsinna ta' prodotti b'hekk offerti għall-bejgħ jew mibjugħa jkun ġie iffissat, imma mhux id-destinazzjoni finali tagħhom, kemm jekk b'indikazzjoni espliċita jew b'restrizzjoni kuntrattwali li tippreċiża li hija merkanzija mhux Komunitarja (fi tranżitu), kemm jekk le;

d)      il-possibbiltà li l-kummerċjant stabbilit fi Stat Membru joffri għall-bejgħ jew ibiegħ l-imsemmija merkanzija lill-kummerċjant stabbilit barra miż-ŻEE, kemm jekk il-post ta' kunsinna u/jew id-destinazzjoni finali tal-merkanzija hija stabbilità jew le;

e)      il-possibbiltà li kummerċjant stabbilit fi Stat Membru joffri għall-bejgħ jew ibiegħ l-imsemmija merkanzija lil kummerċjant stabbilit barra miż-ŻEE meta l-kummerċjant (parallelu) jaf jew għandu raġunijiet validi sabiex jissuspetta li ser jerġa jbiegħ jew iqassam din il-merkanzija lill-konsumaturi finali fiż-ŻEE?

5)      Hemm lok li wieħed jifhem il-kelma "joffri", li tidher fl-ewwel domanda fid-dispożizzjonijiet iċċitati, fis-sens illi tifforma wkoll parti mill-offerta (ta' bejgħ) ta' l-artikoli oriġinali (li għandhom trademark fis-sens tad-Direttiva, tal-[liġi uniformi tal-Benelux fuq it-trademarks] u/jew tar-[Regolament]) maħżuna fit-territorju ta' Stat Membru, f'uffiċċju tad-dwana jew f'maħżen, li ma ġewx importati fiż-ŻEE mill-proprjetarju tat-trademark jew bil-kunsens tiegħu, li ġejjin minn barra ż-ŻEE u li għandhom l-istatus ta' merkanzija mhux Komunitarja (per eżempju T 1 jew [dokument amministrattiv mehmuż]), fil-possibbiltajiet issottomessi fit-tielet u r-raba' domandi?

6)      Liema mill-partijiet għandu l-oneru tal-prova fir-rigward ta' l-operazzjonijiet iċċitati fl-ewwel, fit-tieni u fil-ħamest domandi?"

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

23     Meta wieħed jikkunsidra l-emenda magħmula fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva permezz tal-Ftehim fuq iż-ŻEE, u għall-iskopijiet tad-deskrizzjoni tal-pożizzjoni tal-proprjetarju tat-trademark f'dak li jirrigwarda r-regola ta' eżawriment tad-dritt eżklussiv mogħti mill-Artikolu 5 tad-Direttiva, id-domandi jirreferu għall-prodotti li ġejjin minn barra ż-ŻEE u introdotti fiż-ŻEE.

24     Id-domandi qed isiru wkoll b'referenza għall-proċeduri doganali tat-tranżitu estern u tal-ħażna doganali, arranġamenti sospensivi previsti mill-Kodiċi Doganali.

25     Issa, għandu jiġi osservat li, jekk id-Direttiva hija msemmija fl-Anness XVII tal-Ftehim fuq iż-ŻEE skond ir-regoli komuni applikabbli għal dan ta' l-aħħar, ir-Regolament ma ġiex, wara li daħal fis-seħħ, integrat f'dan l-Anness.

26     Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li l-Kodiċi Doganali mhuwiex applikabbli, barra mill-Komunità, fl-Istati taż-Żona Ewropea ta' Kummerċ Ħieles li huma partijiet kontraenti fil-Ftehim taż-ŻEE, li bdiet żona ta' kummerċ ħieles u mhux ta' unjoni doganali.

27     Fir-rigward ta' dawn il-konstatazzjonijiet, u safejn is-soluzzjoni tal-kawża prinċipali, fid-dawl tal-fatti mressqa mill-qorti tar-rinviju, ma teħtieġx li jiġi kkunsidrat it-territorju taż-ŻEE, ser isir riferiment, fil-parti li jmiss tal-preżenti sentenza u fir-risposti tal-Qorti, unikament għat-territorju Komunitarju.

 Fuq il-possibbiltà għall-proprjetarju tat-trademarkli jopponi ruħu għall-introduzzjoni fil-Komunità, taħt il-proċedura doganali ta' tranżitu estern jew dik tal-ħażna doganali, ta' prodotti li għandhom dritt tat-trademark

28     Permezz ta' l-ewwel parti ta' l-ewwel domanda, dwar it-tranżitu estern, kif ukoll permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju qed titlob, essenzjalment, jekk l-Artikoli 5(1) u (3)(c) tad-Direttiva u 9(1) u (2)(c) tar-Regolament għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-proprjetarju ta' trademark għandux dritt jopponi ruħu għall-introduzzjoni fil-Komunità, taħt il-proċedura doganali tat-tranżitu estern jew dak tal-ħażna doganali, ta' prodotti li għandhom dan it-trademark u li, qabel, ma kienux ġew imqegħda fis-suq fil-Komunità mill-imsemmi proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu. Barra minn hekk, permezz tat-tielet domanda, li għandha tiġi eżaminata ma' l-ewwel parti ta' l-ewwel domanda u t-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju trid tkun taf jekk il-proprjetarju tat-trademark jistax, għal ta' l-inqas jissubordina t-tqegħid tal-merkanzija in kwistjoni taħt il-proċedura tat-tranżitu estern jew dak tal-ħażna doganali eżistenti, fil-mument ta' l-introduzzjoni ta' din il-merkanzija fil-Komunità, ta' destinazzjoni finali diġà stabbilità fi Stat terz, jekk huwa l-każ bis-saħħa ta' kuntratt ta' bejgħ.

 Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti

29     Class International issostni li t-tqegħid ta' merkanzija skond il-proċedura tat-tranżitu estern jew dik tal-ħażna doganali ma jikkostitwixxix "użu [tat-trademark] fil-kummerċ" fis-sens ta' l-Artikoli 5(1) tad-Direttiva u 9(1) tar-Regolament, użu li jista' jiġi pprojbit mill-proprjetarju bis-saħħa ta' dawn id-dispożizzjonijiet. Ir-regola ta' eżawriment tad-dritt esklussiv tal-proprjetarju tat-trademark, imsemmija fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva u 13(1) tar-Regolament, għandha bħala obbjettiv uniku li jagħti lill-imsemmi proprjetarju esklussività territorjali għall-ewwel kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tiegħu fil-Komunità. Għaldaqstant, it-tqegħid ta' merkanzija taħt il-proċedura tat-tranżitu estern jew dik tal-ħażna doganali ma tikkostitwixxix kummerċjalizzazzjoni ta' din il-merkanzija fil-Komunità.

30     F'kull ipoteżi, il-proprjetarju tat-trademark ma jistax jissuġġetta dan it-tqegħid għall-eżistenza ta' destinazzjoni finali digà stabbilità fi Stat terz. Jekk din il-kundizzjoni tista' tiġi imposta, it-tranżitu ta' prodotti bi trademark, li kien jeżisti miż-żmien li t-trademarks jeżistu, isir impossibli jew diffiċli ħafna, riżultat li l-leġiżlatur qatt ma kellu l-intenzjoni li jasal għalih bl-effett ikkombinat ta' dispożizzjonijiet fuq it-trademarks.

31     Beecham tikkunsidra li l-proprjetarju tat-trademark jista' jopponi ruħu għall-introduzzjoni fil-Komunità ta' prodotti oriġinali li għandhom it-trademark tiegħu taħt il-proċedura tat-tranżitu estern jew tal-ħażna doganali. Hija tenfażizza li l-Artikolu 58(2) tal-Kodiċi Doganali jirriżerva l-impożizzjoni ta’ projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet iġġustifikati bil-protezzjoni ta’ proprjetà industrijali u kummerċjali. Il-possibbiltà li l-merkanzija ma tkunx għadha f'ċirkulazzjoni libera fis-sens ta' l-Artikolu 24 KE tkun mingħajr konsegwenza. F'kull każ, il-possibbiltà li l-merkanzija mqegħda taħt il-proċedura tat-tranżitu estern jew dik tal-ħażna doganali tiġi meħlusa f'ċirkulazzjoni libera hi reali ħafna u permanenti. Il-kunċett ta' "importazzjoni" fis-sens ta' l-Artikoli 5(3)(c) tad-Direttiva u 9(2)(c) tar-Regolament jikkorrispondi, b'mod definittiv, għall-introduzzjoni materjali ta' prodotti fil-Komunità u għandhu jiġi distint minn dak ta' "importazzjoni" fis-sens tad-dritt doganali. Il-possibbiltà li, fil-mument ta' l-introduzzjoni ta' merkanzija, id-destinazzjoni finali ta' din ta' l-aħħar tkun jew ma tkunx stabbilità hija mingħajr konsegwenza.

32     Il-Kummissjoni tqis li l-kunċett ta' "importazzjoni" fis-sens ta' l-Artikoli 5(3)(c) tad-Direttiva u 9(2)(c) tar-Regolament jinkludi importazzjoni bi skop ta' kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti fil-Komunità. Din il-konklużjoni taqbel mad-definizzjoni ta' prodotti f'ċirkulazzjoni libera mogħtija mill-Artikolu 24 KE. Fin-nuqqas ta' ċirkulazzjoni libera, il-proprjetarju tat-trademark ma jistax għaldaqstant, bħala prinċipju, jopponi ruħu għall-introduzzjoni ta' merkanzija oriġinali taħt il-proċedura tat-tranżitu estern jew dik tal-ħażna doganali.

 Risposta tal-Qorti

33     L-Artikoli 7(1) tad-Direttiva u 13(1) tar-Regolament jillimitaw l-eżawriment tad-dritt mogħti lill-proprjetarju tat-trademark fil-każijiet biss fejn il-prodotti huma meħlusa fis-suq Komunitarju. Huma jippermettu lill-proprjetarju li jikkumerċjalizza l-prodotti tiegħu barra mill-Komunità mingħajr ma din il-kummerċjalizzazzjoni ma teżawrixxi d-drittijiet tiegħu ġewwa din ta' l-aħħar. Billi jippreċiżaw li l-ħelsien fuq is-suq barra mill-Komunità ma teżawrixxix id-dritt tal-proprjetarju li jopponi ruħu għall-importazzjoni ta' dawn il-prodotti magħmula mingħajr il-kunsens tiegħu, il-leġiżlatur Komunitarju b'hekk ippermetta lill-proprjetarju tat-trademark li jikkontrolla l-ewwel tqegħid fis-suq fil-Komunità ta' prodotti mogħtija t-trademark (ara, b'mod partikolari, għar-rigward tad-Direttiva u b'referenza għat-territorju taż-ŻEE, is-sentenza ta' l-20 ta' Novembru 2001, Zino Davidoff u Levi Strauss, C-414/99 sa C-416/99, Ġabra p. I-8691, punt 33).

34     L-"importazzjoni" fis-sens ta' l-Artikoli 5(3)(c) tad-Direttiva u 9(2)(c) tar-Regolament, li għaliha l-proprjetarju tat-trademark jista' jopponi ruħu safejn hija timplika"użu [tat-trademark] fil-kummerċ" fis-sens tal-paragrafu 1 ta' kull wieħed mill-istess Artikoli, jissupponi għaldaqstant introduzzjoni ta' prodotti fil-Komunità għall-iskopijiet ta' tqegħid fis-suq f'din ta' l-aħħar.

35     Il-ħelsien fuq is-suq Komunitarju ta' prodotti li ġejjin minn Stati terzi huwa subbordonat għaċ-ċirkulazzjoni libera tagħhom fis-sens ta' l-Artikolu 24 KE.

36     Għaldaqstant, it-tqegħid ta' merkanzija mhux komunitarja taħt proċeduri doganali bħat-tranżitu estern jew il-ħażna doganali tiddistingwi ruħha minn tqegħid taħt il-proċeduri doganali għaċ-ċirkulazzjoni libera, li, skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 79 tal-Kodiċi Doganali, jagħti lil merkanzija mhux Komunitarja l-istatus doganali ta’ merkanzija Komunitarja.

37     Fil-fatt, b'applikazzjoni ta' l-Artikolu 37(2) tal-Kodiċi Doganali, il-merkanzija mhux komunitarja sottomessa għall-proċeduri tat-tranżitu estern jew tal-ħażna doganali tibqa' taħt is-sorveljanza doganali sakemm l-istatus doganali tagħha jinbidel u ssir merkanzija komunitarja. Skond l-Artikoli 91(1)(a), u 98(1)(a) tal-Kodiċi Doganali, huma mhumiex suġġetti għad-dazji fuq l-importazzjoni u lanqas għal miżuri ta' politika kummerċjali. Fil-fatt, il-merkanzija li ġejja minn Stati terzi u suġġetta għall-proċeduri tat-tranżitu estern jgħaddu ġeneralment minn wieħed jew iktar Stati Membri sakemm wara jiġu ttrasportati lejn Stat terz ieħor. Fir-rigward ta' merkanzija mhux Komunitarja suġġetta għall-proċess tal-ħażna doganali, din hija ġeneralment maħżuna fit-territorju doganali komunitarju sakemm tistenna d-destinazzjoni finali, li mhijiex neċessarjament magħrufa fil-mument tal-ħażna.

38     Għall-kuntrarju, il-merkanzija mhux Komunitarja mqiegħda f'ċirkulazzjoni ħielsa issir merkanzija Komunitarja. Hija tgawdi mill-benefiċċju taċ-ċirkulazzjoni libera tal-merkanzija, bis-saħħa ta' l-Artikolu 23(2) KE. Skond l-Artikolu 24KE u t-tieni inċiż ta' l-Artikolu 79, tal-Kodiċi Doganali, il-merkanzija għandha tkun suġġetta għall-formalitajiet ta' importazzjoni u tagħti lok għall-ġbir ta' dazji doganali kif ukoll, jekk ikun il-każ, għall-applikazzjoni ta' miżuri ta' politika kummerċjali.

39     L-Artikolu 48 tal-Kodiċi Doganali jipprevedi li l-merkanzija mhux Komunitarja ppreżentata lid-dwana għandha tkun assenjata trattament jew użu approvat mid-dwana awtorizzat għal dik il-merkanzija mhux Komunitarja.

40     Fir-rigward ta' l-Artikoli 4(15) u (16), 37(2) u 182 tal-Kodiċi Doganali, dawn it-trattamenti doganali jikkonsistu:

–       fit-tqegħid ta' merkanzija taħt proċedura doganali, per eżempju dak ta' ċirkulazzjoni libera, tat-tranżitu jew ħażna doganali

–       fid-dħul tagħha ġo żona ħielsa jew maħżen ħieles;

–       fl-esportazzjoni mill-ġdid tagħha mit-territorju doganali Komunitarju;

–       fil-qerda tagħha;

–       fl-abbandun tagħha favur it-Teżorerija.

41     L-Artikolu 58(1) tal-Kodiċi Doganali jippreċiża li l-merkanzija tista' f’kull żmien tkun assenjata kull trattament jew użu approvat mid-dwana, tkun xi tkun in-natura tagħha, il-kwantità tagħha, il-pajjiż ta’ oriġini tagħha, il-konsenja tagħha jew id-destinazzjoni tagħha.

42     B'hekk jidher li l-merkanzija mhux Komunitarja mqegħda taħt il-proċedura tat-tranżitu estern jew dik tal-ħażna doganali tista', f'kull mument, tirċievu trattament doganali ieħor. Hija tista', b'mod partikolari, titqiegħed taħt proċedura doganali oħra, jekk ikun il-każ dak taċ-cirkolazzjoni libera, jew inkella tiġi esportata mill-ġdid barra mit-territorju Komunitarju.

43     It-tqegħid fiċ-ċirkulazzjoni libera, kundizzjoni għat-tqegħid fil-kummerċ fil-Komunità, hija għaldaqstant biss waħda mill-għażliet possibbli għall-operatur li jkun introduċa l-merkanzija fit-territorju doganali Komunitarju.

44     Peress illi din il-possibbiltà ma ġietx magħżula u peress illi ġew sodisfatti l-kundizzjonijiet tat-trattament doganali, barra miċ-ċirkulazzjoni libera, li taħthom tqiegħed il-merkanzija, l-introduzzjoni materjali biss ta' din ta' l-aħħar fit-territorju Komunitarju ma huwiex ikkunsidrat bħala "importazzjoni" fis-sens ta' l-Artikoli 5(3)(c) tad-Direttiva u 9(2)(c) tar-Regolament u ma jimplikax "użu [tat-trademark] fil-kummerċ" fis-sens ta' l-ewwel paragrafu ta' kull wieħed minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet.

45     Il-proprjetarju tat-trademark ma jistax, għaldaqstant, jopponi ruħu bis-saħħa ta' dawn id-dispożizzjonijiet u lanqas jissuġġettaha għal eżistenza ta' trattament finali digà stabbilit fi Stat terz, jekk ikun il-każ skond kuntratt ta' bejgħ.

46     Din il-konklużjoni mhijiex ikkontestata mill-Artikolu 58(2) tal-Kodiċi Doganali, li jgħid li l-għażla, mill-operatur ikkonċernat, ta' trattament doganali m’għandux jipprekludi l-imposizzjoni ta’ projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet iġġustifikati, b'mod partikolari, minn raġunijiet ta' protezzjoni ta’ proprjetà industrijali u kummerċjali.

47     Id-dispożizzjoni kkonċernata ma tirriżervax ħlief l-ipoteżijiet li fihom it-trattament jew użu doganali jippreġudikaw id-drittijiet ta' proprjetà industrijali u kummerċjali. Issa, it-tqegħid ta' merkanzija mhux Komunitarja taħt proċedura doganali sospensiva ma tippermettix it-tqegħid tagħhom fis-suq Komunitarju fin-nuqqas ta' ċirkulazzjoni libera. Fil-qasam tat-trademarks, dan it-tqegħid ta' prodotti oriġinali li għandhom trademark ma jikkostitwixxix għaldaqstant, fih innifsu, preġudizzju għad-dritt tal-proprjetarju ta' din it-trademark li jikkontrolla l-ewwel tqegħid fis-suq Komunitarju.

48     Fl-aħħarnett, mhuwiex determinanti għar-risposta li għandha tingħata lid-domanda in eżami l-allegazzjoni ta' possibbiltà reali u permanenti li l-merkanzija mqegħda taħt il-proċedura tat-tranżitu estern jew dik tal-ħażna doganali tiġi titqiegħed f'ċirkulazzjoni libera.

49     Fil-fatt, operatur jista' xorta waħda, f'kull mument, iqiegħed f'ċirkulazzjoni libera l-merkanzija mhux Komunitarja mill-bidu tad-daħla tagħhom fit-territorju doganali, mingħajr ma qabel iqegħdhom taħt arranġament sospensiv.

50     Għaldaqstant, it-tweġiba li għandha tingħata lill-ewwel parti ta' l-ewwel domanda kif ukoll it-tieni u t-tielet domandi hija li l-Artikoli 5(1) u (3)(c) tad-Direttiva u 9(1) u (2)(c) tar-Regolament għandhom ikunu interpretati fis-sens li l-proprjetarju ta' trademark ma jistax jopponi ruħu għall-introduzzjoni biss fil-Komunità, skond il-proċedura doganali tat-tranżitu estern jew dak tal-ħażna doganali, ta' merkanzija oriġinali protetta b'din it-trademark u li, qabel, ma kinitx ġiet diġà mqegħda fis-suq Komunitarju mill-imsemmi proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu. Il-proprjetarju tat-trademark ma jistax jissuġġetta t-tqegħid tal-merkanzija in kwistjoni skond il-proċedura tat-tranżitu estern jew dak tal-ħażna doganali eżistenti, matul l-introduzzjoni ta' din il-merkanzija fil-Komunità, ta' destinazzjoni finali digà stabbilita fi Stat terz, jekk ikun il-każ, skond kuntratt ta' bejgħ.

 Fuq il-possibbiltà għall-proprjetarju tat-trademarkli jipprojbixxil-offerta ta' bejgħ jew il-bejgħ ta' prodotti oriġinali mqegħda taħt il-proċedura doganali tat-tranżitu estern jew dik tal-ħażna doganali

51     Bit-tieni parti ta' l-ewwel domanda kif ukoll bir-raba' u l-ħames domandi, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju titlob, essenzjalment, jekk il-kunċetti ta' "offerta" u ta' "tqegħid fis-suq" ta' prodotti, imsemmijin fl-Artikoli 5(3)(b) tad-Direttiva u 9(2)(b) tar-Regolament, jistgħux jinkludu l-offerta u l-bejgħ ta' prodotti oriġinali, rispettivament, li għandhom trademark u li għandhom l-istatus doganali ta' merkanzija mhux Komunitarja, peress illi l-offerta hija magħmula u/jew il-bejgħ imwettaq waqt li l-merkanzija hija mqegħda taħt il-proċedura ta' tranżitu estern jew dik tal-ħażna doganali. Fl-affermattiv, hija intiża tkun taf f'liema ċirkustanzi l-proprjetarju tat-trademark jista' jopponi ruħu għal din l-offerta jew dan il-bejgħ.

 Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti

52     Class International tissottometti li l-offerta tal-bejgħ ta' merkanzija mhux Komunitarja, kemm jekk jinsabu jew le fil-Komunità, ma għandhiex tiġi kkunsidrata bħala użu tat-trademark fil-kummerċ, peress illi hija ma għandhiex bħala obbjettiv jew bħala konsegwenza li tqiegħed din il-merkanzija fis-suq Komunitarju. L-offerta ta' bejgħ ma tistax għaldaqstant tiġi pprojbita mill-proprjetarju tat-trademark għar-raġuni biss li hija tkun saret waqt li l-merkanzija hi mqegħda taħt il-proċedura tat-tranżitu estern jew dik tal-ħażna doganali. Il-proprjetarju tat-trademark ma jistax jiddikjara preġudizzju għad-dritt esklussiv tiegħu, minkejja l-istatus doganali ta' merkanzija mhux komunitarja li jkopri l-prodotti in kwistjoni, ħlief jekk jistabilixxi l-fatti li jwasslu għall-konklużjoni li l-iskop manifest ta' l-operatur kontra min qed issir il-kawża huwa li jqiegħed dawn il-prodotti fis-suq Komunitarju. F'dan ir-rigward, il-possibbiltajiet imsemmija mill-qorti tar-rinviju fir-raba' domanda tagħha ma jkunux deċiżivi.

53     Beecham tissottometti li l-offerta ta' bejgħ ta' prodotti oriġinali li għandhom status ta' merkanzija mhux Komunitarja u mqegħda taħt il-proċedura tal-ħażna doganali hija msemmija fl-Artikoli 5(3)(b) tad-Direttiva u 9(2)(b) tar-Regolament. Il-proprjetarju tat-trademark jista' għaldaqstant jopponi ruħu għal din l-offerta. L-ebda mill-ipoteżijiet imsemmija fir-raba' domanda ma tista' tbiddel din l-analiżi.

54     Il-Kummissjoni tqis li l-offerta ta' bejgħ in kwistjoni ma toħroġx neċessarjament mill-Artikoli 5(3)(b) tad-Direttiva u 9(2)(b) tar-Regolament. Fil-fatt, il-merkanzija tista' tiġi offerta lil xerrej potenzjali li fuqu jkun prattikament ċert li mhuwiex ser iqiegħdha fis-suq Komunitarju. Ma jirriżultax ksur tad-Direttiva u tar-Regolament ħlief f'sitwazzjoni li fiha l-prodotti ikunu offerti għall-bejgħ minn xerrej li, skond kull probabbiltà, iqiegħdhom f'ċirkulazzjoni libera u jikkummerċjalizzahom fil-Komunità. Il-possibbiltajiet imsemmija fir-raba' domanda jistgħu jkunu ta' interess. Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li għandha tikkunsidra u tiddetermina jekk kienx ġie stabbilit li l-merkanzija ma tkunx ser tiġi mqegħda f'ċirkulazzjoni libera fil-Komunità.

 Risposta tal-Qorti

55     Hekk kif jirriżulta mill-punt 44 tal-preżenti sentenza, merkanzija mhux Komunitarja mqegħda taħt il-proċedura tat-tranżitu estern jew dik tal-ħażna doganali, mhijiex ikkunsidrata bħala "importata" fis-sens ta' l-Artikoli 5(3)(c) tad-Direttiva u 9(2)(c) tar-Regolament.

56     Din il-merkanzija tista' tkun is-suġġett ta' offerti ta' bejgħ jew ta' bejgħ b'destinazzjoni ta' pajjiż terz.

57     F'dawn l-ipoteżijiet, meta l-merkanzija tikkonsisti fi prodotti oriġinali li għandhom trademark, ma jsirx preġudizzju għad-dritt tal-proprjetarju li jikkontrolla l-ewwel tqegħid fis-suq Komunitarju.

58     Mill-banda l-oħra, jekk l-offerta jew il-bejgħ jimplika neċessarjament it-tqegħid fis-suq Komunitarju ta' prodotti li għandhom it-trademark, id-dritt esklussiv mogħti lill-proprjetarju ta' din ta' l-aħħar permezz ta' l-Artikoli 5(1) tad-Direttiva u 9(1) tar-Regolament huwa ppreġudikat, huwa x'inhuwa l-post stabbilit tad-destinatarju ta' l-offerta jew ta' l-akkwirent u indipendement mid-dispożizzjonijiet finali tal-kuntratt konkluż, f'dak li jirrigwarda restrizzjonijiet eventwali għall-bejgħ mill-ġdid jew l-istatus doganali tal-merkanzija. L-offerta jew il-bejgħ jikkostitwixxi għaldaqstant "użu [tat-trademark] fil-kummerċ" fis-sens ta' l-Artikoli 5(1) tad-Direttiva u 9(1) tar-Regolament. Minn dan jirriżulta li l-proprjetarju tat-trademark jista' jopponi ruħu għal dan, skond l-Artikoli 5(3)(b) tad-Direttiva u 9(2)(b) tar-Regolament.

59     Madankollu, il-possibbiltà ta' tqegħid fis-suq Komunitarju ma jistax jiġi preżunt fuq l-uniku bażi tal-possibbiltà, imsemmija jew li toħrog mir-raba' mistoqsija, a) u e), tal-qorti tar-rinviju, li l-proprjetarju tal-merkanzija, id-destinatarju ta' l-offerta jew l-akkwirent jagħmlu l-istess attivitajiet ta' kummerċ parallel. Elementi oħra għandhom jistabilixxu li l-offerta jew il-bejgħ jimplika neċessarjament it-tqegħid fis-suq Komunitarju ta' l-istess merkanzija in kwistjoni.

60     Barra minn hekk, il-proprjetarju tat-trademark jista jeżerċita biss id-dritt tiegħu ta' projbizzjoni fir-rigward ta' l-operatur li jagħmel jew li jkun ser iqiegħed fis-suq Komunitarju l-merkanzija mhux Komunitarja li għandha din it-trademark, jew inkella joffri jew ibiegħ din il-merkanzija lill-operatur ieħor li, inevitabbilment, ser iqiegħedhom fis-suq Komunitarju. Ma jistax jużufruwixxi mid-dritt tiegħu kontra operatur għall-uniku raġuni li dan ta' l-aħħar jista' jqiegħdha fis-suq Komunitarju, ipoteżi kkunsidrata bir-raba' domanda, (e), tal-qorti tar-rinviju.

61     Għaldaqstant, it-tweġiba li għandha tingħata lit-tieni parti ta' l-ewwel domanda kif ukoll lir-raba' u l-ħames domandi għandha tkun li l-kunċetti ta' "offerta" u ta' "tqegħid fis-suq" ta' prodotti, imsemmija fl-Artikoli 5(3)(b) tad-Direttiva u 9(2)(b) tar-Regolament, jistgħu jinkludu, l-offerta u l-bejgħ ta' prodotti, rispettivament, li għandhom trademark u li għandhom status doganali ta' merkanzija mhux Komunitarja, billi l-offerta hija magħmula u/jew il-bejgħ imwettaq waqt li l-merkanzija hija mqegħda taħt il-proċedura tat-tranżitu estern jew dik tal-ħażna doganali. Il-proprjetarju tat-trademark jista' jopponi ruħu għall-offerta jew il-bejgħ ta' din il-merkanzija meta din timplika neċessarjament it-tqegħid fis-suq ta' din ta' l-aħħar fil-Komunità.

 Fuq l-oneru tal-prova

62     Wara r-risposti mogħtija lill-ewwel ħamest domandi, għandu jiġi kkonstatat li, bis-sitt domanda, il-qorti tar-rinviju titlob, essenzjalment, liema parti għandha, f'sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, tressaq il-prova taċ-ċirkustanzi li jippermettu l-eżerċizzju tad-dritt ta' projbizzjoni previst fl-Artikoli 5(3)(b) u (c) tad-Direttiva u 9(2)(b) u (c) tar-Regolament.

 Osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti

63     Class International tissottometti li l-proprjetarju tat-trademark li jallega li operazzjonijiet ta' offerta jew ta' bejgħ mhumiex legali għandu jipprova dawn il-fatti.

64     Beecham tallega li l-proprjetarju tat-trademark għandu jipprova biss il-ksur ta' din ta' l-aħħar. Għal dan l-iskop, għandu jiġi ppruvat li huwa proprjetarju tat-trademark, li l-merkanzija tkun ġejja minn barra mill-Komunità u li kienu introdotti fit-territorju ta' din ta' l-aħħar. Għaldaqstant l-operatur li lilu huwa kkontestat il-ksur li għandu jipprova jew li ġab l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju, jew li ma għamilx użu mit-trademark fil-kummerċ u ma hemmx possibbiltà li jaħmel użu mit-trademark.

65     Il-Kummissjoni tissottometti li l-kwistjoni ta' l-oneru tal-prova mhijiex solvuta la mid-Direttiva u lanqas mir-Regolament. Fir-rigward tad-Direttiva, hija tenfażizza li, skond l-għaxar premessa tagħha, "l-metodi għall-istabbiliment tal-possibilità ta' konfuzjoni u partikolarment l-onus tal-prova, huma kwistjoni għar-regolamenti ta' proċedura nazzjonali li ma humiex preġudikati bid-Direttiva". Hija tenfażizza wkoll li, skond it-tmien premessa, dwar konflitti bejn trademarks, "hu f’idejn l-Istati Membri li jistabbilixxu r-regoli tal-proċedura applikabbli".

66     F'dak li jirrigwarda l-kunsens tal-proprjetarju għall-importazzjoni ta' merkanzija mhux Komunitarja fil-Komunità, jirriżulta b'mod ċar mill-ġurisprudenza li huwa l-operatur imħarrek li għandu jressaq il-prova ta' dan (sentenza Zino Davidoff u Levi Strauss, iċċitata iktar 'il fuq, punti 53 u 54). Jekk ma jallegax il-kunsens tal-proprjetarju, l-operatur imħarrek għandu jipprova quddiem il-qorti nazzjonali li l-obbjettiv ta' l-introduzzjoni ta' merkanzija ma kinitx li joħroġhom fis-suq Komunitarju, u li kienet tirrigwarda biss pass loġiku fit-trasport ta' l-imsemmija merkanzija lejn Stat terz. Il-Kummissjoni tirrimarka, madankollu, li l-iffissar ta' rekwiżiti eċċessivament severi dwar il-provi li l-operatur imħarrek għandu jressaq f'dan ir-rigward jistgħu jirrendu illużorju d-dritt ta' dan ta' l-aħħar sabiex juża l-Komunità bħala territorju ta' tranżitu.

 Risposta tal-Qorti

67     Fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li mhuwiex ipprovat li kien jeżisti digà xerrej ta' prodotti mid-daħla tagħha fl-Olanda u lanqas fid-data tas-sekwestru tagħha.

68     F'l-ipoteżi hekk kif imsemmija, il-merkanzija tinsab b'mod regolari taħt il-proċedura doganali tat-tranżitu estern jew dik tal-ħażna doganali.

69     Sakemm il-kundizzjonijiet ta' dawn l-arranġamenti sospensivi huma rrispettati, l-operatur ikkonċernat jinstab, bħala prinċipju, f'sitwazzjoni legali.

70     Fir-rigward tiegħu, tqum il-kwistjoni ta' l-oneru tal-prova fil-bidu ta' kawża, jiġifieri meta l-proprjetarju tat-trademark jallega ksur tad-dritt esklussiv li ġie mogħti lilu permezz ta' l-Artikoli 5(1) tad-Direttiva u 9(1) tar-Regolament.

71     Il-ksur li jista' jiġi invokat jikkonsisti kemm fiċ-ċirkulazzjoni libera ta' merkanzija, kemm fl-offerta jew il-bejgħ ta' din ta' l-aħħar li timplika inevitabilment it-tqegħid tagħha fis-suq Komunitarju.

72     Il-ksur jikkostitwixxi l-kundizzjoni ta' eżerċizzju tad-dritt ta' projbizzjoni pprovdut fl-Artikoli 5(3)(b) u (c) tad-Direttiva u 9(2)(b) u (c) tar-Regolament.

73     Fir-rigward tad-domanda ta' l-oneru tal-prova ta' dan il-ksur, għandu l-ewwel jiġi enfażizzat li, jekk huwa joħroġ mid-dritt nazzjonali ta' l-Istati Membri, jista' jirriżulta minnu protezzjoni varjabbli rigward il-liġi kkonċernata għall-proprjetarji ta' trademarks. L-obbjettiv ta' "l-istess protezzjoni taħt is-sistemi legali ta’ l-Istati Membri kollha", imsemmi fid-disa' premessa tad-Direttiva u kkwalifikat bħala "fundamentali" minn din ta' l-aħħar, ma jkunx ippreġudizzjat (ara, fir-rigward tad-Direttiva, is-sentenza Zino Davidoff u Levi Strauss, iċċitata iktar 'il fuq, punti 41 u 42).

74     Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, f'sitwazzjoni bħal dik tal-kawża prinċipali, l-oneru tal-prova tal-ksur għandu jerfgħu l-proprjetarju tat-trademark, li qed jinvokah. Jekk din il-prova hija miġjuba, huwa konsegwentement l-operatur imħarrek li għandu jistabbilixxi l-eżistenza tal-kunsens tal-proprjetarju għal kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti fil-Komunità (ara, fir-rigward tad-Direttiva, is-sentenza Zino Davidoff u Levi Strauss, preċitat, punt 54).

75     Għaldaqstant, ir-risposta għas-sitt domanda għandha tkun li, f''s-sitwazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa l-proprjetarju li għandu jressaq il-prova taċ-ċirkustanzi li jippermettu l-eżerċizzju tad-dritt ta' projbizzjoni pprovdut fl-Artikoli 5(3)(b) u (c) tad-Direttiva u 9(2)(b) u (c) tar-Regolament, li jistabbilixxi kemm ċirkulazzjoni libera ta' merkanzija mhux Komunitarja li għandha t-trademark tagħha, kemm offerta jew bejgħ ta' din ta' l-aħħar li timplika neċessarjament it-tqegħid tagħha fis-suq Komunitarju.

 Dwar l-ispejjeż

76     Peress illi dawn il-proċedimenti, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, għandhom in-natura ta' kwistjoni li tqajmet quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-Qorti li għandha l-kompetenza li tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż għall-preżentata ta' l-osservazzjonijiet quddiem il-Qorti, ħlief dawk ta' l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta' u tiddeċiedi li:

1)      L-Artikoli 5(1) u (3)(c) ta' l-Ewwel Direttiva tal-Kunsill tal-21 ta' Diċembru, 1988 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar it-trademarks (89/104/KEE) u 9(1) u (2)(c) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 ta' l-20 ta' Diċembru 1993 dwar it-trademark Komunitarja, għandhom jiġu interpretati fis-sens illi l-proprjetarju ta' trademark ma jistax jopponi ruħu għall-introduzzjoni biss fil-Komunita, taħt il-proċedura doganali tat-tranżitu estern jew dak tal-ħażna doganali, ta' prodotti oriġinali li għandhom din it-trademark u li, qabel, ma kienux diġa mqegħda fil-kummerċ fil-Komunità mill-imsemmi proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu. Il-proprjetarju tat-trademark ma jistax jissuġġetta t-tqegħid tal-merkanzija in kwistjoni taħt il-proċedura tat-tranżitu estern jew dak tal-ħażna doganali eżistenti, fil-mument ta' l-introduzzjoni ta' din il-merkanzija fil-Komunità, għal destinazzjoni finali diġà stabbilità fi Stat terz, jekk ikun il-każ skond kuntratt ta' bejgħ.

2)      Il-kunċetti ta' "offerta" u ta' "tqegħid fis-suq" ta' prodotti, imsemmija fl-Artikoli 5(3)(b) tad-Direttiva 89/104 u 9(2)(b) tar-Regolament Nru 40/94, jistgħu jinkludu l-offerta u l-bejgħ ta' prodotti oriġinali, rispettivament, illi għandhom trademark u illi għandhom l-istatus doganali ta' merkanzija mhux Komunitarja, meta l-offerta hija magħmula u/jew il-bejgħ imwettaq waqt li l-merkanzija hija mqegħda taħt il-proċedura tat-tranżitu estern jew dik tal-ħażna doganali. Il-proprjetarju tat-trademark jista jopponi ruħu għall-offerta jew għall-bejgħ ta' din il-merkanzija meta hija timplika neċessarjament it-tqegħid fis-suq ta' din ta' l-aħħar fil-Komunità.

3)      F'sitwazzjoni bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa l-proprjetarju tat-trademark li għandu jressaq il-prova taċ-ċirkustanzi li jippermettu l-eżerċizzju tad-dritt ta' projbizzjoni msemmi fl-Artikoli 5(3)(b) u (c) tad-Direttiva 89/104 u 9(2)(b) u (c) tar-Regolament Nru 40/94, li tistabbilixxi ċirkulazzjoni libera ta' merkanzija mhux Komunitarja li għandha t-trademark tagħha, jew offerta jew bejgħ tal-merkanzija li timplika neċessarjament it-tqegħid tagħha fis-suq Komunitarju.

Firem


** Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.