Language of document : ECLI:EU:F:2010:37

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(L-Awla Manja)

5 ta’ Mejju 2010

Kawża F-53/08

Vincent Bouillez et

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Promozzjoni — Proċedura ta’ promozzjoni 2007 — Interess ġuridiku — Deċiżjoni ta’ promozzjoni — Lista ta’ uffiċjali promossi — Eżami komparattiv tal-merti — Kriterju tal-livell tar-responsabbiltajiet eżerċitati — Talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ promozzjoni — Bilanċ ta’ interessi”

Suġġett: Rikors, ippreżentat taħt l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu V. Bouillez, K. Van Neyghem u I. Wagner‑Leclercq jitolbu l-annullament, minn naħa, tad-deċiżjonijiet tal-Awtorità tal-Ħatra li jirrifjutaw il-promozzjoni tar-rikorrenti għall-grad AST 7 skont il-proċedura ta’ promozzjoni 2007, u, min-naħa l-oħra, sa fejn dan ikun meħtieġ, tad-deċiżjonijiet li, f’din il-proċedura, jagħtu promozzjoni għal dan il-grad lill-uffiċjali li qdew funzjonijiet ta’ livell ta’ responsabbiltà inferjuri għal tagħhom, li ismijiethom jinsabu fil-lista ta’ persuni promossi, ippubblikata fis-16 ta’ Lulju 2007 permezz tal-Avviż lill-Persunal Nru 136/07.

Deċiżjoni: Id-deċiżjonijiet li permezz tagħhom il-Kunsill irrifjuta li jippromwovi lir-rikorrenti għall-grad AST 7 skont il-proċedura ta’ promozzjoni 2007 huma annullati. Il-kumplament tat-talbiet tar-rikors huwa miċħud. Il-Kunsill huwa kkundannat għall-ispejjeż. Eliza Niniou, Maria‑Béatrice Postiglione Branco, Maria De Jesus Cabrita u Marie‑France Liegard, uffiċjali tal-Kunsill u intervenjenti insostenn tat-talbiet tal-Kunsill, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Promozzjoni — Eżami komparattiv tal-merti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45(1))

2.      Uffiċjali — Rikors — Interess ġuridiku — Rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni li tippromwovi uffiċjal ieħor — Ammissibbiltà

(Regolamenti tal‑Persunal, Artikolu 91)

3.      Uffiċjali — Rikors — Sentenza ta’ annullament — Effetti — Annullament ta’ deċiżjoni li ma tingħatax promozzjoni

(Regolamenti tal‑Persunal, Artikolu 91)

1.      L-Awtorità tal-Ħatra għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fil-qasam tal-promozzjoni u r-riferiment espress, fl-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, għall-kriterji li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-eżami komparattiv tal-merti tal-kandidati għal promozzjoni juri l-importanza partikolari għal-leġiżlatur li dawn jittieħdu inkunsiderazzjoni. Barra minn hekk, l-amministrazzjoni hija obbligata, meta hija tipproċedi bl-evalwazzjoni komparattiva ta’ dawn il-merti, li, b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, teżamina, b’attenzjoni u imparzjalità, il-fatturi kollha rilevanti għall-evalwazzjoni tagħhom.

Il-livell tar-responsabbiltajiet eżerċitati mill-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi jikkostitwixxi wieħed mit-tliet fatturi rilevanti li l-amministrazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni. Ċertament, il-fatt li wieħed ikun parti mill-istess grupp ta’ funzjonijiet u fl-istess grad jippresupponi l-eżerċizzju ta’ funzjonijiet ekwivalenti. L-użu tal-espressjoni “fejn ikun il-każ” fl-Artikolu 45(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jikkonferma li fil-parti l-kbira tal-każijiet, fid-dawl ta’ din il-preżunzjoni ta’ ekwivalenza tal-livell ta’ responsabbiltajiet ta’ uffiċjali fl-istess grad, il-kriterju tal-livell ta’ responsabbiltajiet eżerċitati ma jikkostitwixxix fattur li jippermetti li jiġu ddifferenzjati l-merti tal-kandidati għal promozzjoni. Madankollu, din il-preżunzjoni ma hijiex inkonfutabbli, b’mod partikolari wara li l-kategoriji preċedenti B u Ċ tgħaqqdu u saru parti mill-istess grupp ta’ funzjonijiet ta’ assistenti. Fil-fatt, din l-għaqda kellha l-konsegwenza awtomatika li twessa’ l-portata tar-responsabbiltajiet li jistgħu jiġu eżerċitati minn uffiċjal li jifforma parti mill-grupp ta’ funzjonijiet AST, hekk kif, barra minn hekk, jidher fit-tabella li tinsab fil-parti A tal-Anness I tar-Regolamenti tal-Persunal. Għaldaqstant, fir-rigward tal-livell ta’ responsabbiltajiet, jista’ jkun hemm differenzi sostanzjali bejn id-diversi funzjonijiet eżerċitati minn uffiċjali tal-istess grupp ta’ funzjonijiet. Minbarra dan, ir-Regolamenti ma jistabbilixxux qbil bejn il-funzjonijiet eżerċitati u grad speċifiku. Barra minn hekk, id-disassoċjazzjoni bejn il-grad u l-livell ta’ funzjonijiet eżerċitati taqbel max-xewqa tal-leġiżlatur u mal-għażla tal-istituzzjonijiet li l-immaniġġjar tal-persunal jiġi ffaċilitat.

Għalhekk, minn tali preżunzjoni ta’ ekwivalenza, ma jistax jiġi dedott li l-amministrazzjoni ma tintrabatx li twettaq l-eżami tal-kriterju relattiv għal-livell tar-responsabbiltajiet eżerċitati, billi tivverifika konkretament jekk dan il-kriterju jistax jindika differenzi fil-merti tal-uffiċjali kkonċernati. Għalhekk, l-espressjoni “fejn ikun il-każ” ma tistax tiġi interpretata fis-sens li hija tawtorizza lill-amministrazzjoni li teskludi a priori t-teħid inkunsiderazzjoni tal-kriterju ta’ livell tar-responsabbiltajiet eżerċitati fl-analiżi komparattiva tal-merti. Għall-kuntrarju, il-leġiżlatur ried jindika li l-livell tar-responsabbiltajiet eżerċitati mill-uffiċjali li jistgħu jiġu promossi kien fattur li jista’ jkun rilevanti f’tali analiżi.

(ara l-punti 49 u 51 sa 56)

Referenzi: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 8 ta’ Lulju 2008, Il‑Kummissjoni vs Economidis, T‑56/07 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑31 u II‑B‑1‑213, punti 58 sa 60; 2 ta’ April 2009, Il‑Kummissjoni vs Berrisford, T‑473/07 P, ĠabraSP p. I‑B‑1‑17 u II‑B‑1‑85, punt 42; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 10 ta’ Ottubru 2007, Berrisford vs Il‑Kummissjoni, F‑107/06, ĠabraSP p. I‑A‑1‑285 u II‑A‑1‑1603, punt 71; 31 ta’ Jannar 2008, Buendía Sierra vs Il‑Kummissjoni, F‑97/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑15 u II‑A‑1‑49, punt 62

2.      Għalkemm huwa veru li uffiċjal ma għandux dritt eżegwibbli ta’ promozzjoni, dan tal-aħħar xorta waħda għandu interess li jikkontesta deċiżjoni ta’ promozzjoni ta’ uffiċjal ieħor għal grad li huwa jista’ jitlob u li kontra tagħha huwa ressaq ilment li ġie miċħud mill-amministrazzjoni.

(ara l-punt 80)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 21 ta’ Jannar 2004, Robinson vs Il‑Parlament, T‑328/01, ĠabraSP p. I‑A‑5 u II‑23, punti 32 u 33

3.      Meta l-att li għandu jiġi annullat ikun ta’ benefiċċju għal terza persuna, bħalma huwa l-każ meta ssir iskrizzjoni f’lista ta’ riżerva u meta tittieħed deċiżjoni ta’ promozzjoni jew deċiżjoni ta’ nominazzjoni għal pożizzjoni li għandha timtela, huwa l-kompitu tal-qorti li tivverifika b’mod preliminari jekk l-annullament jikkostitwixxix sanzjoni eċċessiva tal-illegalità mwettqa.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-konsegwenzi, dedotti mill-qorti Komunitarja, ta’ illegalità ma humiex l-istess fil-qasam ta’ kompetizzjoni u fil-qasam ta’ promozzjoni. Fil-fatt, l-annullament tar-riżultati kollha ta’ kompetizzjoni huwa, bħala regola, sanzjoni eċċessiva tal-illegalità mwettqa, u dan tkun xi tkun in-natura tal-irregolarità u l-livell tal-konsegwenzi tagħha fuq ir-riżultati tal-kompetizzjoni.

Min-naħa l-oħra, fil-qasam ta’ promozzjoni, il-qorti Komunitarja tagħmel eżami speċifiku għal kull każ. L-ewwel nett, hija tieħu inkunsiderazzjoni n-natura tal-illegalità mwettqa. Jekk l-irregolarità kkonstatata tkun biss difett proċedurali li taffettwa biss is-sitwazzjoni ta’ uffiċjal, hija tikkunsidra a priori li tali irregolarità ma tiġġustifikax ir-revoka ta’ deċiżjonijiet ta’ promozzjoni, peress li tali annullament jikkostitwixxi sanzjoni eċċessiva. Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ difett li jolqot il-mertu, bħalma huwa żball ta’ liġi li jivvizzja l-eżami komparattiv tal-merti kollu kemm hu, il-qorti, bħala regola, tannulla d-deċiżjonijiet ta’ promozzjoni.

It-tieni nett, fl-ibbilanċjar tal-interessi li hija tagħmel, il-qorti Komunitarja tieħu inkunsiderazzjoni, l-ewwel nett, l-interess li għandhom l-uffiċjali kkonċernati li jkunu legalment u kompletament reintegrati fid-drittijiet tagħhom li jiffavorixxi li jerġa’ jsir eżami komparattiv tal-merti li jkun effettiv u li debitament jieħu inkunsiderazzjoni l-kriterji legalment applikabbli, li fil-futur ma jkunux esposti għal kompetizzjoni minn uffiċjali li ġew promossi illegalment u li ma jarawx l-illegalità kkonstatata mill-qorti terġa’ tirrepeti ruħha. Sussegwentement, hija tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-uffiċjali illegalment promossi. Ċertament, dawn ma għandhom ebda dritt kweżit li jżommu l-promozzjoni tagħhom, peress li dawn id-deċiżjonijiet ta’ promozzjoni huma vvizzjati b’illegalità u ġew ikkontestati fit-termini tar-rimedji kontenzjużi. Madankollu, il-qorti tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li dawn l-uffiċjali setgħu, in bona fide, jistrieħu fuq il-legalità tad-deċiżjonijiet tal-promozzjoni tagħhom, b’mod partikolari jekk il-partijiet ikkonċernati bbenefikaw minn evalwazzjonijiet favorevoli mis-superjuri tagħhom, liema evalwazzjonijiet kienu ta’ natura li jiġġustifikaw oġġettivament promozzjoni. Il-qorti hija iktar u iktar sensittiva għall-interessi ta’ dawn l-uffiċjali meta dawn ikunu jikkostitwixxu grupp kbir. Finalment, il-qorti Komunitarja teżamina l-interess tas-servizz, jiġifieri, b’mod partikolari, l-osservanza tal-legalità, il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ annullament ta’ deċiżjonijiet illegali fil-baġit, il-possibbiltà ta’ diffikultajiet fl-eżekuzzjoni ta’ res judicata, il-possibbiltà ta’ theddid għat-tkomplija tas-servizz u r-riskji ta’ deterjorament fil-klima soċjali fi ħdan l-istituzzjoni.

Wara li tieħu inkunsiderazzjoni d-diversi interessi quddiemha, il-qorti Komunitarja tiddeċiedi, skont il-każ li jinsab quddiemha, jekk tannullax jew le d-deċiżjonijiet ta’ promozzjoni. Fl-ipoteżi fejn hija finalment tikkunsidra li l-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ promozzjoni jikkostitwixxi sanzjoni eċċessiva tal-illegalità kkonstatata, hija tista’, jekk ikun meħtieġ, sabiex tiżgura, fl-interess tar-rikorrenti, effett utli tas-sentenza ta’ annullament tad-deċiżjoni li ma tingħatax promozzjoni, tuża l-kompetenza ta’ qorti sħiħa li hija għandha fil-kawżi ta’ natura pekunjarja u tikkundanna lill-istituzzjoni tħallas kumpens, anki ex officio.

(ara l-punti 82 sa 90)

Referenzi: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 5 ta’ Ġunju 1980, Oberthür vs Il‑Kummissjoni, 24/79, Ġabra p. 1743, punti 11, 13 u 14; 17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il‑Parlament, 293/87, Ġabra p. 23; Il-Qorti Ġenerali: 22 ta’ Ġunju 1990, Marcopoulos vs Il‑Qorti tal‑Ġustizzja, T‑32/89 u T‑39/89, Ġabra p. II‑281; 10 ta’ Lulju 1992, Barbi vs Il‑Kummissjoni, T‑68/91, Ġabra p. II‑2127, punt 36; 17 ta’ Marzu 1994, Smets vs Il‑Kummissjoni, T‑44/91, ĠabraSP p. I‑A‑97 u II‑319; 21 ta’ Novembru 1996, Michaël vs Il‑Kummissjoni, T‑144/95, ĠabraSP p. I‑A‑529 u II‑1429; 5 ta’ Ottubru 2000, Rappe vs Il‑Kummissjoni, T‑202/99, ĠabraSP p. I‑A‑201 u II‑911; Robinson vs Il‑Parlament, iċċitata iktar ’il fuq; 6 ta’ Lulju 2004, Huygens vs Il‑Kummissjoni, T‑281/01, ĠabraSP p. I‑A‑203 u II‑903; 19 ta’ Ottubru 2006, Buendía Sierra vs Il‑Kummissjoni, T‑311/04, Ġabra p. II‑4137, punt 349