Language of document :

Appell ippreżentat fit-30 ta’ Novembru 2018 minn Motex Ipari és Szolgáltató Rehabilitációs Kft. (Motex Kft.) mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fit-28 ta’ Settembru 2018 fil-Kawża T-713/17, Motex vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-748/18 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Partijiet

Appellanti: Motex Ipari és Szolgáltató Rehabilitációs Kft. (Motex Kft.) (rappreżentant: L. Szabó)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikkjara l-appell ammissibbli u fondat u, konsegwentement, tannulla d-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fit-28 ta’ Settembru 2018 fil-Kawża Motex vs Il-Kummissjoni (T-713/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:631), kif dan ġie nnotifikat lilha fl-1 ta’ Ottubru 2018;

tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni fuq it-tieni u r-raba’ eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà;

tikkundanna lill-konvenuta fl-ewwel istanza għall-ispejjeż tal-proċeduri tal-ewwel istanza u tal-appell, dment li l-Qorti tal-Ġustizzja ma tibgħatx lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, f’liema każ hija titlob lil din tal-aħħar li ma tagħtix deċiżjoni fuq l-ispejjeż tal-proċeduri tal-ewwel istanza u tal-appell f’dan l-istadju iżda tirriżerva din id-deċiżjoni għas-sentenza definittiva.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju

L-appellanti tqis li rreferiet għas-salvagwardja tad-drittijiet proċedurali tagħha; għaldaqstant, hemm lok, f’dan il-każ, li tiġi kkunsidrata bħala parti interessata jekk ir-rikors tagħha huwa intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni li ma jitqajjmux oġġezzjonijiet abbażi tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 659/1999 1 u li r-rikors jirreferi impliċiment, b’allużjoni, għas-salvagwarda tad-drittijiet.

It-tieni aggravju

Meta l-Qorti Ġenerali interpretat anness tar-rikors u, billi bbażat ruħha fuq din l-interpretazzjoni, iddeċidiet dwar il-mertu, ma huwiex fondat li jingħad li ma huwiex obbligu tagħha li tfittex u tidentifika l-motivi invokati mir-rikorrenti fl-anness.

Billi teħtieġ mir-rikorrenti li tipproduċi l-prova ta’ “effett konkret u tanġibbli” ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fuq is-sitwazzjoni tagħha u turi b’hekk li hija direttament affettwata mill-att ikkontestat, il-Qorti Ġenerali tgħawweġ l-evalwazzjoni fattwali tas-sitwazzjoni. B’hekk, hija tiżnatura l-kundizzjoni ta’ inċidenza diretta.

It-tielet aggravju

Jekk l-appellata ssostni, matul il-proċedura, li r-rikors ma huwiex ammissibbli peress li d-deċiżjonijiet li qiegħed jintalab l-annullament tagħhom ma jistgħux jitqiesu bħala deċiżjonijiet definittvi peress li l-eżami għadu pendenti, allura din il-kwistjoni għandha tiġi deċiża mill-qorti qabel ma tgħaddi biex tagħti deċiżjoni fuq il-kwistjonijiet l-oħra ta’ ammissibbiltà.

____________

1 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).