Language of document : ECLI:EU:T:2018:969

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

14 ta’ Diċembru 2018 (*)

[Test rettifikat permezz ta’ digriet tat‑22 ta’ Jannar 2019]

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Riforma tar-Regolamenti tal-Persunal tal-2014 – Leave għal raġunijiet personali – Reklutaġġ simultanju bħala membru tal-persunal temporanju – Miżuri tranżitorji li jirrigwardaw ċerti modalitajiet għall-kalkolu tad-drittijiet għall-pensjoni – Talba għal deċiżjoni antiċipata – Att li jikkawża preġudizzju – Skop tal-miżuri tranżitorji – Applikazzjoni ratione personae – Dħul fis-servizz”

Fil-Kawża T‑128/17,

Isabel Torné, uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea, residenti f’Algés (il-Portugall), irrappreżentata minn S. Orlandi u T. Martin, avukati,

rikorrenti,

sostnuta mill-

Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER), inizjalment irrappreżentata minn S. Manessi, sussegwentement minn P. Martinet, bħala aġenti, assistiti minn S. Orlandi u T. Martin, avukati,

mill-

Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), irrappreżentata minn H. Caniard u S. Drew, bħala aġenti, assistiti minn S. Orlandi u T. Martin, avukati,

mill-

Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (EU-LISA), irrappreżentata minn M. Chiodi, bħala aġent, assistit minn D. Waelbroeck u A. Duron, avukati,

mill-

Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA), irrappreżentata minn S. Dunlop, bħala aġent, assistit minn S. Orlandi u T. Martin, avukati,

mill-

Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), irrappreżentata minn S. Giordano u J. Overett Somnier, bħala aġenti,

mill-

Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA), irrappreżentata minn A. Lorenzet u N. Vasse, bħala aġenti, assistiti minn S. Orlandi u T. Martin, avukati,

u mill-

Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO), inizjalment irrappreżentat minn W. Stevens, sussegwentement minn M. Vitsa, bħala aġenti, assistiti minn A. Duron, avukat,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn G. Berscheid u A.‑C. Simon, sussegwentement minn M. Berscheid u L. Radu Bouyon, u fl-aħħar nett minn M. Berscheid u B. Mongin, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ċaħdet it-talba tar-rikorrenti tas‑16 ta’ Diċembru 2015 għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni antiċipata li tiffissa d-data tad-dħul fis-servizz tagħha fis-sens tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea dwar ċerti modalitajiet ta’ kalkolu tad-drittijiet għall-pensjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn S. Frimodt Nielsen, President, I. S. Forrester u E. Perillo (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: L. Ramette,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tas‑16 ta’ Ottubru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fis‑16 ta’ April 2006, ir-rikorrenti, Isabel Torné, inħatret bħala uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea fil-grad A 6, li wara sar AD 6.

2        Fl‑1 ta’ Frar 2012, abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 40 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), u filwaqt li hija kienet ikklassifikata fil-grad AD 8, skala 1, ir-rikorrenti ħarġet, fuq talba tagħha, fuq leave, mingħajr remunerazzjoni, għal raġunijiet personali.

3        Fl-istess jum, ir-rikorrenti ġiet madankollu rreklutata mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) bħala membru tal-persunal temporanju, fil-grupp ta’ funzjonijiet AD, fil-grad 12, skala 2, b’kuntratt konkluż abbażi tal-Artikolu 2(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”), kif kienu fis-seħħ dakinhar, sabiex teżerċita l-funzjonijiet ta’ kap tad-diviżjoni “Riżorsi umani u servizzi”.

4        Kważi sentejn wara, ir-Regolamenti tal-Persunal u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg ġew emendati mil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“riforma tal‑2014”). L-Artikolu 77 il-ġdid tar-Regolamenti tal-Persunal, li japplika wkoll għall-membri tal-persunal temporanju grazzi għar-riferiment li jagħmel l-Artikolu 39(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, jistabbilixxi, fit-tieni paragrafu tiegħu, rata ġdida għall-akkwist tad-drittijiet għall-pensjoni għal kull sena, fejn ir-rata preċedenti ta’ 1.9 % niżlet għaldaqstant għar-rata, inqas favorevoli, ta’ 1.80 %. Il-ħames paragrafu ta’ dan l-istess Artikolu 39(1) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg stabbilixxa, barra minn hekk, li l-età pensjonabbli ser titla’ minn 63 sena għal 66 sena.

5        Kien previst ukoll perijodu tranżitorju bejn id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal l-qodma u dawk ġodda. Għaldaqstant, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, dwar “[m]iżuri transitorji applikabbli għall-uffiċjali tal-Unjoni” jipprevedi, l-ewwel nett, li l-uffiċjali “li daħlu fis-servizz fil-perijodu bejn l‑1 ta’ Mejju 2004 u l‑31 ta’ Diċembru 2013” għandhom jibqgħu jakkwistaw drittijiet għall-pensjoni bir-rata ta’ 1.9 % tas-salarju għal kull sena ta’ servizz pensjonabbli, u dan minkejja d-dħul fis-seħħ tal-Artikolu 77 il-ġdid.

6        Barra minn hekk, skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 22(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, “għall-uffiċjali li fl‑1 ta’ Mejju 2014 ikollhom 45 sena jew aktar u li jkunu daħlu fis-servizz bejn l‑1 ta’ Mejju 2004 u l‑31 ta’ Diċembru 2013, l-età pensjonabbli għandha tkun ta’ 63 sena”.

7        Barra minn hekk, kif tippreċiża l-premessa 34 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal […] u l-Kondizzjonijiet tal-impjieg […] (ĠU 2013, L 287, p. 15, rettifika fil-ĠU 2015, L 175, p. 126) u meħud kont tal-għadd kbir ta’ membri tal-persunal temporanju mal-aġenziji u tal-ħtieġa li tiġi ddefinita, f’dan is-settur partikolari, politika tal-persunal konsistenti, inħolqot kategorija ġdida ta’ membri tal-persunal temporanju, irreklutati mill-aġenziji, u dan permezz tal-Artikolu 2(f) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg (iktar ’il quddiem il-“membri tal-persunal tal-aġenziji”), u ġew stabbiliti numru ta’ regoli speċifiċi għal dak li jikkonċerna din il-kategorija ġdida.

8        Konsegwentement, il-kuntratt konkluż mir-rikorrenti mal-aġenzija Frontex ġie kkonvertit ipso iure, b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2014, f’kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju skont l-Artikolu 2(f) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, konformement mal-Artikolu 6 tal-anness ta’ dawn il-kondizzjonijiet, dwar il-miżuri tranżitorji applikabbli għall-membri tal-persunal li jaqgħu taħt il-kondizzjonijiet inkwistjoni.

9        [Kif rettifikat permezz tad-digriet tat‑22 ta’ Jannar 2019] Fl‑1 ta’ Ġunju 2015, ir-rikorrenti telqet minn ma’ Frontex sabiex tiġi rreklutata fl-istess jum mill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA), permezz tal-konklużjoni ta’ kuntratt skont l-Artikolu 2(f) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, bħala kap tad-dipartiment “Corporate Services”. L-Artikolu 3 tal-imsemmi kuntratt kien jistipula li hija kellha tkompli tkun ikklassifikata fil-grad AD 12, skala 3 u żżomm l-anzjanità tagħha fil-grad sal‑1 ta’ Frar 2012 u fl-iskala sal‑1 ta’ Frar 2014. L-Artikolu 4 ta’ dan il-kuntratt kien jipprevedi li d-data ta’ skadenza ta’ dan il-kuntratt kellha tkun l-istess bħal dik iffissata mill-kuntratt preċedenti tar-rikorrenti ma’ Frontex, jiġifieri fil‑31 ta’ Jannar 2017. Konformement mal-Artikolu 5 tiegħu, il-kuntratt inkwistjoni ġie mġedded taħt il-kundizzjonijiet applikabbli għall-membri tal-persunal tal-aġenziji b’mod li ppermetta lir-rikorrenti li tkompli issa xogħolha mal-EMSA.

10      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 1(1) tal-anness tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, dwar il-miżuri tranżitorji applikabbli għall-persunal li jaqa’ taħt dawn il-kundizzjonijiet, jipprovdi b’mod partikolari li d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 21 u 22 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal imsemmija fil-punti 5 u 6 iktar ’il fuq, jiġifieri l-kontinwità fir-rigward tar-rata annwali għall-akkwist (Artikolu 21) u l-kontinwità fir-rigward tal-età tal-irtirar (Artikolu 22), kienu japplikaw b’analoġija għall-membri tal-persunal “fis-servizz” fil‑31 ta’ Diċembru 2013.

 Il-proċedura prekontenzjuża

11      Fis‑16 ta’ Diċembru 2015, ir-rikorrenti ppreżentat talba, fis-sens tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal quddiem id-direttur tal-Uffiċċju “Amministrazzjoni u Ħlas tal-Intitolamenti Individwali” (PMO) tal-Kummissjoni, sabiex tikseb deċiżjoni min-naħa tal-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ (iktar ’il quddiem l-“ASTK”) li tiffissa b’mod antiċipat ċerti elementi ta’ kalkolu tad-drittijiet għall-pensjoni tagħha (iktar ’il quddiem it-“talba tas‑16 ta’ Diċembru 2015”). Hija talbet essenzjalment sabiex jiġi kkonfermat lilha li, wara d-dħul fis-seħħ tar-riforma tal‑2014, u minkejja t-trasferiment tagħha mal-EMSA, hija kompliet tibbenefika minn rata ta’ akkwist ta’ drittijiet għall-pensjoni ta’ kull sena ta’ 1.9 % u tal-età tal-irtirar fis-seħħ qabel l‑1 ta’ Jannar 2014, jiġifieri 63 sena.

12      It-talba tas‑16 ta’ Diċembru 2015 l-ewwel kienet is-suġġett ta’ rifjut impliċitu fis‑16 ta’ April 2016, li mbagħad, ġie kkonfermat b’rifjut espliċitu li seħħ fid‑29 ta’ April 2016 permezz ta’ nota tal-kap tad-diviżjoni “Pensjonijiet” tal-PMO (iktar ’il quddiem in-“nota tad‑29 ta’ April 2016” jew id-“deċiżjoni kkontestata”).

13      Fin-nota tad‑29 ta’ April 2016, il-kap tad-diviżjoni “Pensjonijiet” tal-PMO indika, essenzjalment, lir-rikorrenti li d-deċiżjoni li hija talbet li tingħata setgħat tittieħed biss, fuq livell amministrattiv, “fil-mument tat-terminazzjoni tas-servizz [tagħha] u abbażi tal-istatus li fih hija [tkun] tinsab fih waqt dik it-terminazzjoni”.

14      In-nota tad‑29 ta’ April 2016 kienet madankollu tippreċiża li “r-Regolamenti tal-Persunal il-ġodda [kienu japplikaw] meta [jkun] hemm diskontinwità fil-karriera ta’ membru tal-persunal”, li “[l]-bdil tal-persuna li timpjega [kien] ikkunsidrat bħala li jikkostitwixxi tali diskontinwità”, li “[d]an [kien jimplika] li, għall-perijodu ta’ xogħol li [jiġi wara] l-konklużjoni tal-kuntratt mal-EMSA, ir-Regolamenti tal-Persunal [eżistenti] fil-mument tal-bidu tal-[imsemmi] kuntratt [kienu] japplikaw” u li “[g]ħal dak il-perijodu, id-drittijiet għall-pensjoni [jiġu] stabbiliti abbażi tal-età [tal-irtirar] ta’ 66 sena u [ta’] rata ta’ akkwist ta’ 1.80 %”.

15      Fl-aħħar nett, in-nota tad‑29 ta’ April 2016 kienet tenfasizza wkoll li r-rikorrenti “[kellha] żżomm id-dritt [tagħha] bis-saħħa tal-istatus [tagħha] ta’ uffiċjal tal-Kummissjoni, li [hija ma kinitx] itterminat”.

16      Fit‑18 ta’ Lulju 2016, ir-rikorrenti ppreżentat quddiem l-ASTK ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, intiż kontra r-risposta għat-talba tas‑16 ta’ Diċembru 2015. Permezz ta’ deċiżjoni tas‑16 ta’ Novembru 2016, l-ASTK ċaħdet l-imsemmi lment bħala inammissibbli, minħabba, essenzjalment, li n-nota tad‑29 ta’ April 2016 ma kinitx tikkostitwixxi deċiżjoni, iżda sempliċi informazzjoni bbażata fuq ir-Regolamenti tal-Persunal attwali.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

17      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑27 ta’ Frar 2017, ir-rikorrenti ippreżentat dan ir-rikors.

18      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-rikorrenti talbet, konformement mal-Artikolu 69(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, is-sospensjoni tal-proċedura sakemm id-deċiżjoni li taqta’ l-kawża T‑769/16, Picard vs Il‑Kummissjoni, issir res judicata. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ April 2017, wara li nstemgħet il-Kummissjoni, il-President tat-Tielet Awla laqa’ din it-talba.

19      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑21 ta’ Marzu 2017, il-Kummissjoni qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

20      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑15 ta’ Ġunju 2017, l-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER), Frontex, l-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (EU-LISA), l-EMSA, l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) talbu li jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti.

21      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Lulju 2017, wara li nstemgħu l-partijiet, il-President tat-Tielet Awla ddeċieda li jkompli l-proċedura, konformement mal-Artikolu 70(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

22      Fl‑1 ta’ Settembru 2017, ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni (ara l-punt 19 iktar ’il fuq).

23      B’digriet tal-Qorti Ġenerali tal‑5 ta’ Ottubru 2017, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ġiet inkluża mal-eżami fuq il-mertu.

24      Fl‑20 ta’ Novembru 2017, il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta. Permezz ta’ ittra tas‑6 ta’ Diċembru 2017, ir-rikorrenti rrinunzjat milli tippreżenta replika.

25      Permezz ta’ digriet tal-president tat-Tielet Awla tat‑13 ta’ Diċembru 2017, l-ACER, il-Frontex l-EU-LISA, l-EMSA, l-EBA, l-ESMA u l-EASO ġew ammessi jintervjenu insostenn tat-talbiet tar-rikorrenti.

26      Fis‑26 u s-27 ta’ Jannar 2018, l-intervenjenti ppreżentaw in-nota ta’ intervent tagħhom. Permezz ta’ ittra tat‑12 ta’ Frar 2018, ir-rikorrenti rrinunzjat milli tippreżenta osservazzjonijiet u, fil‑15 ta’ Frar 2018, il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha, fuq l-imsemmija noti.

27      Permezz ta’ ittra tas‑26 ta’ Frar 2018, ir-rikorrenti ppreżentat talba motivata, konformement mal-Artikolu 106(2) tar-Regoli tal-Proċedura, għall-finijiet li tinstema’ waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali. Il-Qorti Ġenerali laqgħet din it-talba u fetħet il-fażi orali tal-proċedura.

28      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑10 ta’ Ottubru 2018, l-EBA informat lill-Qorti Ġenerali li kienet qed tirrinunzja milli tipparteċipa fis-seduta.

29      Permezz ta’ miżura għall-organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-Kummissjoni tirrispondi għal talba bil-miktub. Il-Kummissjoni ssodisfat din it-talba fit-terminu stabbilit.

30      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

31      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala manifestament inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

32      L-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq l-ammissibbiltà

 L-argumenti tal-partijiet

33      Il-Kummissjoni ssostni li, fl-assenza ta’ att li jikkawża preġudizzju, dan ir-rikors huwa manifestament inammissibbli.

34      B’mod preliminari, il-Kummissjoni tfakkar li ebda dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal ma timponi espressament fuq l-istituzzjoni kkonċernata sabiex tiffissa b’mod antiċipat, fir-rigward ta’ uffiċjal li jagħmel talba f’dan is-sens qabel ma effettivament jirtira, ċerti elementi tal-kalkolu tal-ammont tad-drittijiet għall-pensjoni tiegħu. Min-naħa l-oħra, ir-Regolamenti tal-Persunal imkien ma jistabbilixxu, f’dan il-qasam, xi forma ta’ prinċipju ta’ ċertezza fir-rigward tad-determinazzjoni tad-drittijiet għall-pensjoni qabel id-data tal-irtirar. Għaldaqstant, l-Artikolu 40 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdu li l-ħlas tad-drittijiet għall-pensjoni ta’ uffiċjal issir fil-mument li huwa jiġi ammess għall-benefiċċju tal-irtirar.

35      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, li, f’dan il-każ, in-nota tad‑29 ta’ April 2016 ma tikkostitwixxix deċiżjoni, jiġifieri att li jikkawża preġudizzju, iżda sempliċi informazzjoni bbażata fuq ir-Regolamenti tal-Persunal.

36      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tallega li, fil-mument li tressqet it-talba tas‑16 ta’ Diċembru 2015, l-amministrazzjoni ma kinitx taf l-elementi kollha ta’ kalkolu tad-drittijiet futuri għall-pensjoni tar-rikorrenti, u għadha wkoll, sal-lum, ma tafx l-imsemmija elementi. Fil-fehma tagħha, l-informazzjoni dwar id-data ta’ meta r-rikorrenti daħlet fis-servizz kif ukoll dik dwar l-età li hija kellha waqt id-dħul fis-seħħ tar-riforma tal-2014, jippermettilha jekk xejn tistma l-ammont ta’ dawn id-drittijiet għall-pensjoni tagħha.

37      Il-Kummissjoni ssostni li jkun biss fil-mument li fih tirtira r-rikorrenti li l-kuntest ġuridiku applikabbli għaliha, inkluż eventwalment ir-regoli tranżitorji l-oħra li jkunu ġew adottati fil-frattemp, ikun finalment magħruf b’ċertezza u li huwa biss f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-karriera sħiħa tagħha tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni b’mod definittiv, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-pensjoni tal-irtirar.

38      Skont il-Kummissjoni, ir-rata attwali ta’ akkwist annwali tad-drittijiet għall-pensjoni tista’, eventwalment, tvarja wkoll fiż-żmien u r-rikorrenti tista’ wkoll takkwista drittijiet għall-pensjoni differenti skont l-evoluzzjoni fil-karriera tagħha, kif jinsab previst, pereżempju, fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 77 tar-Regolamenti tal-Persunal f’każ ta’ kollokament. Fir-rigward tal-età tal-irtirar, din tkun is-suġġett ta’ evalwazzjoni attwarja bbażata fuq ħames snin, sabiex, preċiżament, jiġi żgurat il-bilanċ tal-iskema tal-pensjonijiet tal-Unjoni, konformement mal-Artikolu 83a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal. Iż-żieda fiż-żmien ta’ dan il-fattur ma jistax, għaldaqstant, ikun eskluż qabel ma tirtira r-rikorrenti.

39      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ssostni li, anki jekk wieħed jippreżumi li ċerti elementi tal-kalkolu tad-drittijiet għall-pensjoni tar-rikorrenti kienu diġà magħrufa fil-mument tat-talba tas‑16 ta’ Diċembru 2015, ir-rikors huwa madankollu inammissibbli peress li d-drittijiet għall-pensjoni kienu “għadhom qegħdin jiġu fformati”, fejn il-kontenut tagħhom jista jiġi ffissat b’deċiżjoni “definittiva” biss fil-mument tal-irtirar ta’ din.

40      Fl-aħħar lok, tali soluzzjoni hija konformi ma’ dik adottata fis-sentenza tat‑12 ta’ Frar 1992, Pfloeschner vs Il‑Kummissjoni (T‑6/91, EU:T:1992:13, punti 26 u 27).

41      Waqt is-seduta, il-Kummissjoni enfasizzat ukoll, f’dan ir-rigward, li s-sentenza tal‑1 ta’ Frar 1979, Deshormes vs Il‑Kummissjoni (17/78, EU:C:1979:24, punt 10), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja kienet aċċettat li l-iffissar antiċipat ta’ element ta’ kalkolu tad-drittijiet għall-pensjoni kien jikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju, kienet ingħatat f’kuntest partikolari li ma kienx rilevanti f’dan il-każ.

42      Ir-rikorrenti, sostnuta mill-intervenjenti, issostni, min-naħa l-oħra, li r-risposta għat-talba tas‑16 ta’ Diċembru 2015, ippreżentata skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, hija att li tikkawża preġudizzju, inkwantu dik ir-risposta tikkostitwixxi astensjoni milli tittieħed miżura imposta mir-Regolamenti tal-Persunal, fis-sens tal-Artikolu 90(1) tal-istess Regolamenti tal-Persunal. Hija ssostni wkoll li n-nota tad‑29 ta’ April 2016 hija att li tikkawżalha preġudizzju minħabba l-kontenut tagħha li ċċaħħadha mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji inkwistjoni.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

43      Għandu jitfakkar fl-ewwel lok li, skont ġurisprudenza stabbilita, “jistgħu jitqiesu li jikkawżaw preġudizzju biss dawk l-atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti li jeffetwaw direttament u immedjatament is-sitwazzjoni legali tal-persuni kkonċernati, billi tbiddel [ukoll], b’mod ikkaratterizzat, is-sitwazzjoni legali tagħhom” (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2015, Il‑Kummissjoni vs Verile u Gjergji, T‑104/14 P, EU:T:2015:776, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

44      F’dan il-każ, huwa stabbilit li, fir-rigward tas-suġġett tat-talba tas‑16 ta’ Diċembru 2015, il-kap tad-diviżjoni “Pensjonijiet” tal-PMO, fin-nota tad‑29 ta’ April 2016, ħa pożizzjoni ċara fuq it-tibdil fl-elementi tal-kalkolu tal-ammont tad-drittijiet futuri għall-pensjoni tar-rikorrenti, jiġifieri, min-naħa, dak tar-rata annwali ta’ akkwist tal-imsemmija drittijiet u, min-naħa l-oħra, dak tal-età tal-irtirar ta’ din tal-aħħar. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, dawn it-tibdiliet ġew deċiżi minħabba t-tibdil tal-persuna li kienet timpjega lir-rikorrenti, peress li dan it-tibdil kien seħħ wara d-dħul fis-seħħ tar-riforma tal‑2014 (ara l-punt 13 iktar ’il fuq). Hija ssostni għaldaqstant li huwa minħabba l-imsemmi tibdil tal-persuna li timpjegaha, jiġifieri wara tibdil sostanzjali fir-relazzjoni kuntrattwali ta’ mpjieg tar-rikorrenti, li l-PMO adatta ċerti fatturi li jidħlu fil-kalkolu tad-drittijiet għall-pensjoni ta’ din tal-aħħar.

45      Issa, għandu jiġi kkonstatat li, minħabba l-kontenut tagħha, tali teħid ta’ pożizzjoni ma tistax titqies bħala li tinvolvi sempliċi informazzjoni dwar il-portata tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal li jikkonċernaw id-drittijiet għall-pensjoni u l-mod ta’ kalkolu tagħhom wara d-dħul fis-seħħ tar-riforma tal‑2014.

46      Fil-fatt, fin-nota tad‑29 ta’ April 2016, il-kap tad-diviżjoni “Pensjonijiet” tal-PMO jippreċiża lir-rikorrenti li, wara l-konklużjoni tal-kuntratt il-ġdid mal-EMSA, fl‑1 ta’ Ġunju 2015, huwa fil-fatt f’dik id-data li kellu jiġi kkunsidrat, għall-finijiet tal-applikazzjoni tas-sistema tranżitorja prevista fil-kuntest tar-riforma tal‑2014, li hija kienet “daħlet fis-servizz”. Minn dan jirriżulta, b’mod konkret, min-naħa, li, skont din in-nota, l-età tal-irtirar tar-rikorrenti hija llum stabbilita fil-liġi li hija ta’ 66 sena (flok 63 sena) u li, min-naħa l-oħra, ir-rata ta’ akkwist annwali tad-drittijiet għall-pensjoni tagħha tinżel minn 1.9 % sa 1.8 % b’effett mill-istess data.

47      F’dan ir-rigward, in-nota tad‑29 ta’ April 2016 tindika wkoll li l-iffissar tad-data tad-dħul fis-servizz tar-rikorrenti, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tranżitorji introdotti waqt ir-riforma tal‑2014, “timplika li għall-perijodu ta’ xogħol li jiġi wara l-konklużjoni tal-kuntratt mal-EMSA [u għaldaqstant b’effett mill‑1 ta’ Ġunju 2015], ir-Regolamenti tal-Persunal applikabbli[, għar-rikorrenti, huma preċiżament dawk li kienu fis-seħħ] fil-mument tal-bidu tal-kuntratt” li din tal-aħħar ikkonkluda mal-EMSA (ara l-punt 13 iktar ’il fuq).

48      Għaldaqstant, in-nota tad‑29 ta’ April 2016 tipproduċi effetti legali li jaffettwaw immedjatament u b’mod definittiv is-sitwazzjoni amministrattiva tar-rikorrenti inkwantu, b’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni eskludietha mill-benefiċċju tas-sistema tranżitorja stabbilita mill-Artikoli 21 u 22 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, billi applikatilha r-rata annwali ta’ akkwist tad-drittijiet għall-pensjoni u l-età tal-irtirar kif emendati bir-riforma tal‑2014. Barra minn hekk, il-fatt li tali deċiżjoni tista’ tiġi eżegwita biss fil-futur u li l-effetti tagħha jiġu għaldaqstant imtawwla fiż-żmien huwa, f’dan ir-rigward, irrilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Frar 1979, Deshormes vs Il‑Kummissjoni, 17/78, EU:C:1979:24, punt 10).

49      Għaldaqstant, hija fil-fatt in-nota tad‑29 ta’ April 2016, li tistabbilixxi d-data tad-dħul fis-servizz tar-rikorrenti, li tikkawżalha preġudizzju u mhux l-applikazzjoni li ssir minnha fil-kuntest tal-kalkolu futur tad-drittijiet għall-pensjoni ta’ din tal-aħħar, waqt il-ħlas tagħhom, fil-mument tal-bidu definittiv tal-irtirar.

50      Barra minn hekk, u b’kuntrast mas-sitwazzjoni eżaminata fis-sentenza tat‑12 ta’ Frar 1992, Pfloeschner vs Il‑Kummissjoni (T‑6/91, EU:T:1992:13, punt 27), l-ASTK, adita bit-talba tas‑16 ta’ Diċembru 2015, kienet obbligata, wara t-tibdil fir-relazzjoni kuntrattwali tal-impjieg tar-rikorrenti, tieħu deċiżjoni li tippreċiża jekk il-persuna interessata kinitx tibbenefika jew le mid-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti fl-Artikoli 21 u 22 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, inkwantu din l-ASTK kellha quddiemha l-fatti, li jikkonċernaw is-sitwazzjoni amministrattiva tar-rikorrenti li kienu ċerti u invarjabbli.

51      Konsegwentement, id-data tad-dħul fis-servizz tar-rikorrenti li l-PMO riedet tiffissa b’mod ċar abbażi tal-interpretazzjoni tagħha stess tad-dispożizzjonijiet tranżitorji applikabbli, u l-konsegwenzi li tali ffissar kellu fir-rigward tal-kundizzjonijiet amministrattivi li kienu dawk tar-rikorrenti qabel dik id-data bħala assoċjata mal-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni, huma tali li jaffettwaw immedjatament u direttament is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Frar 1979, Deshormes vs Il‑Kummissjoni, 17/78, EU:C:1979:24, punti 10 sa 17).

52      Minn dan isegwi li, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 43 iktar ’il fuq, ir-risposta tal-Kummissjoni għat-talba tas‑16 ta’ Diċembru 2015 tikkostitwixxi att li jikkawża preġudizzju, fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

53      Għaldaqstant, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-mertu

 L-argumenti tal-partijiet

54      Ir-rikorrenti, sostnuta mill-intervenjenti, issostni, essenzjalment, li t-teżi tal-Kummissjoni li skontha, minħabba l-bdil tal-persuna li timpjegaha, hija ma tibbenefikax mill-kriterji stabbiliti fid-dispożizzjonijiet tranżitorji previsti mill-Artikoli 21 u 22 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal fil-qasam tal-akkwist tad-drittijiet għall-pensjoni u tal-età legali tal-irtirar, tikser għaldaqstant mhux biss dawn id-dispożizzjonijiet, iżda wkoll il-prinċipju ta’ kontinwità tal-impjieg u tal-karriera tal-membri tal-persunal tal-aġenziji flimkien mal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ nuqqas ta’ retroattività u ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-fehma tagħha, tali teżi tmur ukoll kontra l-klawżoli tal-kuntratt li hija kkonkludiet mal-EMSA, u d-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ eżekuzzjoni tal-EMSA tal‑25 ta’ Marzu 2015, dwar ir-reklutaġġ tal-imsemmija membri tal-persunal temporanju.

55      Barra minn hekk, il-kategorija l-ġdida ta’ persunal temporanju tal-aġenziji, li taqa’ taħt l-Artikolu 2(f) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, inħolqot mil-leġiżlatur tal-Unjoni preċiżament bil-għan li tirrispondi l-bżonnijiet speċifiċi tad-diversi aġenziji Ewropej eżistenti, b’mod partikolari bil-għan li tiżgura l-attrazzjoni tal-impjiegi fil-kuntest ta’ suq ta’ mpjiegi vakanti, imsejjaħ “inter-aġenziji”, u tiffavorixxi għaldaqstant il-mobbiltà tal-persuni kkonċernati u tiggarantixxi, fl-istess ħin, lil dak il-persunal, il-kontinwità tal-impjieg u tal-karriera fil-mobbiltà.

56      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti u l-intervenjenti enfasizzaw, waqt is-seduta, li l-uffiċjali, il-membri tal-persunal temporanju u l-membri tal-persunal bil-kuntratt impjegati mill-Unjoni jaqgħu kollha taħt l-istess skema ta’ pensjoni uniformi tal-Unjoni. Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal kien iddefinit b’mod ċar. Huwa jkopri l-persuni assoċjati u li jkunu kkontribwixxew għall-imsemmija skema qabel l‑1 ta’ Jannar 2014. Għaldaqstant, il-bdil tal-istituzzjoni, korp jew aġenzija ma jkollu ebda effett fuq dik l-assoċjazzjoni.

57      Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument. Filwaqt li tammetti li l-Artikolu 2(f) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ħoloq kategorija ġdida ta’ persunal temporanju bil-għan, b’mod partikolari, li jiffavorixxi l-mobbiltà bejn l-aġenziji, il-membri tal-persunal tal-aġenziji ma jikkostitwixxux, minn daqshekk, kategorija awtonoma ta’ membri tal-persunal temporanju. Dawk il-membri tal-persunal, min-naħa l-oħra, ikunu suġġetti, l-istess bħall-membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni, fil-kategoriji kollha tagħhom flimkien, għad-dispożizzjonijiet ġenerali applikabbli tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, ħlief għal xi derogi speċifiċi. Għaldaqstant, fl-istat attwali tal-liġi, il-prinċipju ta’ kontinwità tal-karriera huwa limitat fir-rigward tad-drittijiet għall-pensjoni u ma jestendix, awtomatikament, għall-kundizzjonijiet għall-eliġibbiltà għall-pensjoni u għall-kalkolu ta’ din. Tali estensjoni ma tistax, fi kwalunkwe każ, tkun impliċita.

58      Skont il-Kummissjoni, sabiex jiġi osservat l-għan tat-tnaqqis tal-ispejjeż amministrattivi imfittex b’mod speċjali mil-leġiżlatur tal-Unjoni, ir-riforma tal‑2004 ma eliminatx kull ostakolu għas-“suq tal-inter-aġenziji”. Għaldaqstant, ir-Regolament Nru 1023/2013 ma fihx dispożizzjoni espressa li tipprovdi għall-prinċipju ta’ kontinwità tal-karriera tal-membri tal-persunal tal-aġenziji fil-kalkolu tad-drittijiet għall-pensjoni.

59      Il-Kummissjoni ssostni, għaldaqstant, li la hi, la l-aġenziji, u lanqas il-membri tal-persunal ikkonċernat ma jistgħu, b’mod kuntrattwali jew b’mod amministrattiv, jikkumpensaw għall-għanijiet tar-riforma tal‑2014, billi jibbażaw ruħhom fuq interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 1 tal-anness tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, kif ukoll tal-Artikoli 21 u 22 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Fir-realtà, tali interpretazzjoni jkollha bħala effett li tnaqqas, jew taqleb parzjalment, it-tfaddil baġitarju mixtieq mil-leġiżlatur tal-Unjoni, billi tittardja l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet il-ġodda tal-Artikolu 77 tar-Regolamenti tal-Persunal.

60      Waqt is-seduta, il-Kummissjoni sostniet li r-Regolamenti tal-Persunal lanqas ma kienu jħaddmu l-prinċipju ta’ kontinwità fil-qasam tad-drittijiet għall-pensjoni. Il-premessa 29 tar-Regolament Nru 1023/2013 tirreferi b’mod ġenerali għall-implimentazzjoni progressiva tar-regoli l-ġodda permezz ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji. F’dan ir-rigward, fir-rigward tad-drittijiet għall-pensjoni, l-Artikoli 21 u 22 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li jistabbilixxu l-kriterju ta’ meta persuna tkun “daħlet fis-servizz”, huma preċiżi u ma fihomx lakuni.

61      Barra minn hekk, minħabba n-natura doppja tagħhom bħala miżuri tranżitorji u bħala miżuri finanzjarji, l-Artikoli 21 u 22 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom, konsegwentement, jiġu interpretati b’mod strett, peress li huma jidderogaw mill-prinċipju tal-applikazzjoni immedjata tal-Artikolu 77 tar-Regolamenti tal-Persunal u jirregolaw l-għoti ta’ vantaġġ finanzjarju.

62      Minn dan l-aspett, il-Kummissjoni sostniet ukoll, matul is-seduta, li l-Artikolu 28 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprevedi li l-aġġustament attwarjali tad-drittijiet għall-pensjoni akkwistati minn membru tal-persunal, li l-kuntratt tiegħu kien għadu għaddej qabel l‑1 ta’ Jannar 2014, iseħħ meta dak il-membru jinħatar uffiċjali wara dik id-data, jixhed li, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi bħalma huma dawk tal-imsemmi artikolu, id-dispożizzjonijiet tranżitorji għandhom jiġu applikati b’mod ġenerali.

63      Issa, fil-każ speċifiku tar-rikorrenti, il-Kummissjoni tikkunsidra, fl-ewwel lok, li, konformement mal-prinċipju ta’ awtonomija amministrattiva tal-istituzzjonijiet Ewropej stabbilit fl-Artikolu 335 TFUE, b’mod partikolari fil-ġestjoni tal-membri tal-persunal tagħhom, ir-rikorrenti ma tistax titqies bħala impjegata tal-Unjoni, iżda b’effett biss mit-talba tas‑16 ta’ Diċembru 2015, bħala membru tal-persunal tal-EMSA (sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2014, Van Asbroeck vs Il‑Parlament, F‑102/12, EU:F:2014:4, punt 29). Fi kliem ieħor, peress li l-aġenziji tal-Unjoni għandhom personalità ġuridika, il-membri tal-persunal tagħhom ma jistgħux ikollhom bħala persuna li timpjegahom kemm l-aġenzija u kif ukoll l-Unjoni fl-istess ħin.

64      Konsegwentement, il-Kummissjoni ssostni li, fid-dawl tal-kuntest ġuridiku applikabbli f’dan il-każ, it-tibdil tal-persuna li timpjega deċiż mir-rikorrenti involva neċessarjament ksur sostanzjali fir-relazzjoni ta’ mpjieg preċedenti tagħha u, għaldaqstant, diskontinwità fil-karriera tagħha. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 55 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li jippermetti lill-membru tal-persunal ikkonċernat li jikkonserva l-klassifikazzjoni tiegħu u l-anzjanità tiegħu fil-grad u fl-iskala, jiddistingwi ruħu mit-tielet paragrafu tal-Artikolu 32 tar-Regolamenti tal-Persunal li jipprovdi għaż-żamma tal-anzjanità fl-iskala fil-każ ta’ membru tal-persunal temporanju maħtur bħala uffiċjal fl-istess istituzzjoni, “li għalih jirriżulta loġiku u naturali li jkun hemm ċerta grad ta’ kontinwità fil-karriera”.

65      Skont il-Kummissjoni, il-prinċipju ta’ kontinwità limitata fil-karriera, irrikonoxxut mill-Artikolu 55 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, huwa biss eċċezzjoni għar-regola ġenerali li skontha ma jkunx hemm kontinwità fil-karriera għall-membri tal-persunal temporanju li jibdlu l-istituzzjoni jew l-aġenzija.

66      Fit-tieni lok, il-ġurisprudenza tikkonferma l-assenza ta’ “prinċipju ta’ kontinwità fl-impjieg” għal dak li jikkonċerna l-membri tal-persunal temporanju, peress li tali prinċipju ma jeżistix, bħala regola ġenerali, ħlief għall-uffiċjali u dan skont ir-rabta legali li jagħti l-att tal-ħatra lil dawn tal-aħħar. L-Artikolu 8 tar-Regolamenti tal-Persunal jistabbilixxi fil-fatt, b’mod speċifiku, li l-uffiċjal ittrasferit f’istituzzjoni oħra “jitqies li serva s-servizz kollu tal-karriera tiegħu fl-Unjoni f’din l-istituzzjoni l-aħħar imsemmija”.

67      Għaldaqstant, skont il-Kummissjoni, fir-rigward tal-membri tal-persunal temporanju, fis-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2015, EMA vs Drakeford (T‑231/14 P, EU:T:2015:639), iktar milli rrikonoxxiet, f’każ ta’ bdil tal-persuna li timpjega, kontinwità fil-karriera, il-qorti tal-Unjoni kkonstatat biss il-kontinwità bejn diversi kuntratti suċċessivi identiċi mal-istess aġenzija, skont l-Artikolu 8 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg li huwa intiż preċiżament li jipprevjeni l-abbuż mill-kuntratti għal żmien determinat. Barra minn hekk, jirriżulta mis-sentenza tad‑29 ta’ April 2015, Todorova Androva vs Il‑Kunsill (F‑78/12, EU:F:2015:37, punti 51 u 53) li, meta l-leġiżlatur tal-Unjoni ma jkunx ipprevediha espliċitament, ma jkunx hemm kontinwità amministrattiva fil-karriera ta’ membru tal-persunal temporanju li jsir uffiċjal. Fir-rigward tas-sentenza tal‑1 ta’ April 2008, Maruko (C‑267/06, EU:C:2008:179), din tikkonferma biss li d-drittijiet akkwistati definittivament taħt kuntratt ma jistgħux ikunu affettwati bir-regola l-ġdida u li l-prinċipju tar-rabta bejn ir-remunerazzjoni u l-pensjoni jkun fil-fatt osservat sew. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni żżid tgħid li s-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2012, Grazyte vs Il‑Kummissjoni (F‑76/11, EU:F:2012:173), tikkonferma li, qabel ir-riforma tal‑2014, il-protezzjoni tal-membri tal-persunal ittrasferiti minn aġenzija għal oħra ma kinitx teżisti u turi li d-dispożizzjonijiet speċifiċi li jirrigwardaw il-membri tal-persunal ma humiex suffiċjenti sabiex joħolqu “kontinwità sostanzjali” bejn il-kuntratti konkluż ma’ aġenziji differenti.

68      Fl-aħħar lok, għal dawn l-istess raġunijiet, il-Kummissjoni ssostni li l-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tar-rata ta’ akkwist annwali tad-drittijiet għall-pensjoni kif ukoll tal-età tal-irtirar, ma tippreġudikax id-drittijiet akkwistati mir-rikorrenti qabel ma ġiet irreklutata mill-EMSA, u lanqas ma tikser il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ nuqqas ta’ retroattività (sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, Stips vs Il‑Kummissjoni, F‑131/15, EU:F:2016:154, punt 41). Barra minn hekk, fl-assenza ta’ kontinwità sostanzjali bejn l-impjiegi tar-rikorrenti mal-Frontex u mal-EMSA, ir-rikorrenti ma ġġarrab ebda diskriminazzjoni meta mqabbla ma’ kollegi li ma bidlux l-aġenzija.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

69      Għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti, li nħatret bħala uffiċjal tal-Kummissjoni fis‑16 ta’ April 2006, ħarġet b’leave għal raġunijiet personali (iktar ’il quddiem il-“LRP”) b’effett mill‑1 ta’ Ġunju 2012. F’din l-istess data, hija ġiet irreklutata bħala membru tal-persunal temporanju min Frontex, qabel ma kkonkludiet, imbagħad, kuntratt mal-EMSA, fl‑2015, jiġifieri wara d-dħul fis-seħħ tar-riforma tal‑2014, fl‑1 ta’ Jannar 2014 (ara l-punt 9 iktar ’il fuq).

70      Barra minn hekk, qabel ma jiġu eżaminati l-argumenti tal-partijiet, għandu jitfakkar il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis u ratione personae tad-dispożizzjonijiet il-ġodda tal-Artikolu 77 tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari fid-dawl tar-regoli tad-dritt tranżitorju stabbiliti mill-Anness XIII tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal.

–       Il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis u ratione personae tad-dispożizzjonijiet il-ġodda tal-Artikolu 77 tar-Regolamenti tal-Persunal introdotti bir-riforma tal2014

71      Mill-perspettiva temporali, għandu jiġi rrilevat, b’mod preliminari, li kull tibdil leġiżlattiv japplika, bħala prinċipju, għall-effetti futuri tas-sitwazzjonijiet imwielda taħt il-kappa tal-leġiżlazzjoni mħassra, sakemm ma jkunx hemm deroga espressa prevista mil-leġiżlatur. Differenti huma s-sitwazzjonijiet imwielda u mwettqa finalment taħt il-kappa tal-leġiżlazzjoni preċedenti, peress li din tkun ħolqot drittijiet kweżiti (sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2015, Il‑Kummissjoni vs Verile u Gjergji, T‑104/14 P, EU:T:2015:776, punt 152).

72      Għaldaqstant, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-Artikolu 77 il-ġdid tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi rrilevat li, b’kuntrast mal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti (ara l-punt 54 iktar ’il fuq), l-applikazzjoni immedjata ta’ dan l-artikolu ma tistax tmur kontra l-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ nuqqas ta’ retroattività.

73      Fil-fatt, l-Artikolu 77 il-ġdid tar-Regolamenti tal-Persunal la jaffettwa d-drittijiet għall-pensjoni akkwistati bir-rata ta’ 1.9 %, skont is-servizz mogħti qabel l‑1 ta’ Jannar 2014, jiġifieri qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu, u lanqas id-drittijiet tal-uffiċjali u membri tal-persunal li talbu li jingħataw il-benefiċċju tal-irtirar fl-età legali ta’ 63 sena u li l-pensjoni tagħhom ġiet iffissata qabel l‑1 ta’ Jannar 2014 (Artikolu 24a tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal). Huma biss suxxettibbli li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli l-ġodda introdotti mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tar-riforma tal‑2014 dawk is-sitwazzjonijiet li kienu għadhom mhux imsawra mad-dħul fis-seħħ ta’ dik ir-riforma, jiġifieri d-drittijiet għall-pensjoni li jikkorrispondu għas-servizzi mwettqa taħt il-kappa ta’ dawn ir-regoli l-ġodda kif ukoll il-ħruġ għall-irtirar wara l‑1 ta’ Jannar 2014, għal dak li jikkonċerna l-uffiċjali u l-membri tal-persunal li ma jibbenefikawx minn sistema tranżitorja.

74      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tal-Artikolu 77 il-ġdid tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tar-riforma tal‑2014, il-leġiżlatur tal-Unjoni pprovda li għandu jkun hemm “arranġamenti tranżitorji li jippermettu li r-regoli u l-miżuri l-ġodda jiġu applikati gradwalment, fir-rispett [madankollu] tad-drittijiet miksuba u tal-istennijiet [aspettattivi] leġittimi tal-persunal impjegat qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dawn l-emendi fir-Regolamenti tal-Persunal”, u dan kif tipprovdi l-premessa 29 tar-Regolament Nru 1023/2013.

75      Għaldaqstant, fir-rigward, f’dan il-każ, tal-modalitajiet għall-kalkolu tad-drittijiet għall-pensjoni, l-Artikoli 21 u 22(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, applikabbli b’analoġija, għall-każ ineżami, skont l-Artikolu 1(1) tal-anness tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, jippreċiżaw li l-uffiċjal li daħal fis-servizz bejn l‑1 ta’ Mejju 2004 u l‑31 ta’ Diċembru 2013 għandu dritt għal rata annwali ta’ akkwist tad-drittijiet għall-pensjoni ta’ 1.9 % u, jekk ikollu età, bħar-rikorrenti ta’ 45 sena jew iktar fl‑1 ta’ Mejju 2014, l-età legali tal-irtirar tiegħu tibqa’ 63 sena.

–       Fuq il-kunċett ta’ “dħul fis-servizz”

76      F’dan ir-rigward, għandu fl-ewwel lok jiġi rrilevat li la r-Regolamenti tal-Persunal u lanqas il-Kondizzjonijiet tal-impjieg ma jiddefinixxu espressament il-kunċett tad-dħul fis-servizz imsemmi fid-dispożizzjonijiet tranżitorji imsemmija fil-punti 74 u 73 iktar ’il fuq, ħaġa li l-Kummissjoni kkonfermat ukoll waqt is-seduta.

77      Madankollu, il-leġiżlazzjoni applikabbli f’dan il-każ fiha indikazzjonijiet, ossija kriterji, suffiċjentement ċari u preċiżi li jippermettu li jiġi ddefinit il-kontenut tal-kunċett tad-dħul fis-servizz fil-kuntest ta’ interpretazzjoni sistematika ta’ din il-leġiżlazzjoni. B’mod partikolari, jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tal-anness tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, li jirreferi, għal dak li jikkonċerna l-membri tal-persunal l-oħra, għall-applikazzjoni b’analoġija tar-regoli previsti fl-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li l-persunal kollu tal-Unjoni, mingħajr distinzjoni fin-natura tar-rabta tal-impjieg, legali jew kuntrattwali, jibbenefika, taħt l-istess kundizzjonijiet minn dawn ir-regoli tranżitorji.

78      Peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa għaldaqstant sistema tranżitorja uniformi fir-rigward tal-uffiċjali u tal-membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni kollha, il-kunċett ta’ dħul fis-servizz għandu jirċievi interpretazzjoni bbażata fuq l-istess prinċipji bħar-relazzjoni ta’ mpjieg, indipendentement min-natura legali jew kuntrattwali, mingħajr preġudizzju, minn daqshekk, għat-teħid inkunsiderazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg li jiddefinixxu s-sistema preċiża għal kull waħda minn dawn il-kategoriji ta’ membri tal-persunal.

79      B’mod iktar preċiż, konformement mal-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ dħul fis-servizz għandu jiġi interpretat filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem li bih huwa jiġi fformulat, iżda wkoll l-għanijiet imfittxa kif ukoll is-sistema implimentata bir-Regolamenti tal-Persunal u mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg u li jagħmlu parti minnha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2015, Todorova Androva vs Il‑Kunsill, F‑78/12, EU:F:2015:37, punt 49).

80      Minn dan isegwi li l-interpretazzjoni stretta tad-dispożizzjonijiet tranżitorji rilevanti, li n-neċessità tagħha ġiet ġustament invokata mill-Kummissjoni (ara l-punt 61 iktar ’il fuq), minħabba n-natura derogatorja ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2013, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑360/11, EU:C:2013:17, punt 18) u tal-implikazzjonijiet finanzjarji tagħhom (sentenza tat‑30 ta’ Ġunju 2005, Olesen vs Il‑Kummissjoni, T‑190/03, EU:T:2005:264, punt 48), ma tistax madankollu tmur kontra l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlatur tal-Unjoni kif ukoll mis-sistema stabbilita mir-Regolamenti tal-Persunal u mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg.

81      F’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet tranżitorji inkwistjoni jikkonċernaw il-qasam speċifiku tal-iskema ta’ pensjonijiet tal-Unjoni.

82      Issa, l-iskema tal-pensjonijiet tal-Unjoni, kif prevista fid-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Titolu V, Kapitolu 3 tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll fl-Anness VIII ta’ dawn tal-aħħar, hija komuni għall-uffiċjali, membri tal-persunal temporanju u membri tal-persunal bil-kuntratt tal-Unjoni, indipendentement min-natura legali jew kuntrattwali tar-rabta tal-impjieg.

83      [Kif rettifikat permezz tad-digriet tat‑22 ta’ Jannar 2019] B’mod partikolari, l-Artikolu 2 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li jirregola l-“[is]kema tal-pensjoni”, jipprovdi li “[p]ensjoni ta’ l-irtirar għandu jitħallas fuq il-bażi tan-numru totali ta’ snin tas-servizz tal-pensjoni akkwistati mill-uffiċjal”. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 3 sussegwenti tal-imsemmi anness, jippreċiża, barra minn hekk, li, sakemm il-ħaddiema kkonċernati jħallsu l-parti tagħhom tal-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni tal-Unjoni dwar il-perijodi tas-servizzi kkonċernati “[l]-perjodu tas-servizz bħala uffiċjal ta’ wieħed mill-istituzzjonijiet” kif ukoll il-“perjodi tas-servizz f’kapaċitajiet oħra skond [il-Kondizzjonijiet tal-impjieg]”, jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tas-snin ta’ servizz.

84      Barra minn hekk, bi tweġiba għal mistoqsija bil-miktub mill-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni kkonfermat, f’dan il-każ, li r-rikorrenti kienet ħallset il-kontribuzzjonijiet għall-iskema tal-pensjonijiet tal-Unjoni mingħajr interruzzjoni sa mid-dħul fis-servizz tagħha l-ewwel bħala uffiċjal, u mbagħad bħala membru tal-persunal temporanju rreklutat minn Frontex fl‑2012, u fl-aħħar nett bħala membru tal-persunal temporanju rreklutat mill-EMSA fl‑2015.

85      Minn dan isegwi li, minħabba r-rabta ta’ mpjieg legali tar-rikorrenti mal-Kummissjoni li għadha teżisti u, konsegwentement, minħabba ż-żamma tal-assoċjazzjoni mal-iskema ta’ pensjonijiet tal-Unjoni li kienet ukoll pendenti fil-perijodu tal-LRP tagħha, ir-reklutaġġ tal-persuna kkonċernata bħala membru tal-persunal temporanju, l-ewwel minn Frontex fl‑2012, u mbagħad mill-EMSA fl‑2015, ma tistax tiġi kkunsidrata, fir-rigward tal-assoċjazzjoni tagħha mal-imsemmija skema ta’ pensjonijiet, bħala dħul ġdid fis-servizz, mingħajr preġudizzju, naturalment, għall-eventwali varjazzjonijiet fl-ammont tal-kontribuzzjonijiet marbutin mat-tibdil fis-salarju bażiku tagħha minħabba l-bdil fil-pożizzjoni amministrattiva tagħha fil-LRP, pereżempju, jew bħala membru tal-persunal temporanju rreklutat fi grad superjuri għal dak li kellha bħala uffiċjal bil-LRP.

86      F’dan ir-rigward, fir-risposta msemmija fil-punt 84 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ppreċiżat ukoll, fil-fatt, li, konformement mal-Artikolu 41 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, ir-rata ta’ kontribuzzjoni għall-iskema tal-pensjonijiet tal-Unjoni (li hija perċentwal mis-salarju bażiku) “hija l-istess kemm jekk il-membru tal-persunal ikun uffiċjal jew membru tal-persunal temporanju”. Għaldaqstant, fil-każ speċifiku tar-rikorrenti, anki jekk, kif tirrileva l-Kummissjoni, “is-salarju bażiku [tagħha] varja b’mod sinjifikattiv peress li hija kienet uffiċjal fil-grad AD 8, skala 1, meta hija ħadet il-LRP sabiex tagħdem mal-aġenzija Frontex bħala membru tal-persunal temporanju fil-grad AD 12, skala 2 [u mbagħad meta] l-aġenzija EMSA rreklutatha fil-grad AD 12, skala 3”, xorta waħda jibqa’ l-fatt li hija qatt ma waqfet milli tkun assoċjata mal-imsemmija skema ta’ pensjoni u milli tikkontribwixxi għaliha minħabba, preċiżament, dawn is-salarji bażiċi differenti.

87      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti, minkejja l-LRP u l-impenji ulterjuri tagħha, l-ewwel ma’ Frontex b’effett mid-data tal-imsemmi LRP u, imbagħad, mal-EMSA, baqgħet, fuq livell amministrattiv u b’mod partikolari fuq il-livell tal-assoċjazzjoni mal-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni, bħala li kienet uffiċjal tal-Kummissjoni, li magħha daħlet “fis-servizz” fl‑2006, u saret għaldaqstant uffiċjal tal-Unjoni. Fil-fatt, skont l-Artikolu 1a tar-Regolamenti tal-Persunal, “‘l-uffiċjal tal-Unjoni’; tfisser kull persuna li kien maħtur, kif ipprovdut f’dawn ir-Regolamenti tal-Persunal, għal posizzjoni stabbilita fil-persunal ta’ waħda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni b’istrument maħruġ mill-Awtorità tal-Ħatra ta’ dik l-istituzzjoni”.

88      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest ġenerali tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, id-dħul fis-servizz ta’ persuna mal-Unjoni ma jistax jikkoinċidi mad-data li fiha dik il-persuna tibda, abbażi ta’ strument tal-ħatra, jekk dan ikun jinvolvi uffiċjal bħal fil-każ tar-rikorrenti (ara l-Artikolu 1a ċċitat iktar ’il fuq), teżerċita l-funzjonijiet li jingħatawlha, u dan sal-mument li fih l-att amministrattiv, li jkun ugwali u kuntrarju, iseħħ sabiex jagħti lok għal dak li r-Regolamenti tal-Persunal stess, fil-Kapitolu 4 tagħhom, jikklassifikaw bħala “[t]miem tas-servizz”.

89      Fir-rigward tal-uffiċjali, tali tmiem tas-servizz huwa kkostitwit, pereżempju, bl-att ta’ riżenja (Artikolu 48 tar-Regolamenti tal-Persunal), l-irtirar mill-impjieg (Artikolu 50 tar-Regolamenti tal-Persunal), it-tkeċċija minħabba inkompetenza (Artikolu 51 tar-Regolamenti tal-Persunal), id-deċiżjoni għall-irtirar (Artikolu 52 tar-Regolamenti tal-Persunal), il-mewt (Artikolu 47 tar-Regolamenti tal-Persunal). Il-LRP, min-naħa l-oħra, ma huwiex pożizzjoni amministrattiva li tagħti lok għal “tmiem tas-servizz”.

90      Dan premess, anki jekk wieħed jippreżumi li r-rikorrenti, filwaqt li kienet għadha, wara l-ħruġ bil-LRP tagħha, uffiċjal permanenti mal-Kummissjoni, kienet is-suġġett ta’ “dħul fis-servizz” ġdid minħabba r-reklutaġġ tagħha mal-EMSA fl‑1 ta’ Ġunju 2015, meta r-riforma tal‑2014 kienet diġà fis-seħħ, l-impatt ta’ dan id-“dħul fis-servizz” ġdid jista’ jiġi evalwat biss fid-dawl tal-kuntest u l-għanijiet speċifiċi tad-dispożizzjonijiet il-ġodda fil-qasam tad-determinazzjoni tar-rata ta’ akkwist tad-drittijiet għall-pensjoni (1.8 %) u tal-età tal-irtirar (66 sena), fejn l-għan huwa li “[fil-qasam tad-drittijiet għall-pensjoni] r-regoli u l-miżuri l-ġodda jiġu applikati gradwalment, fir-rispett [madankollu] tad-drittijiet miksuba [kweżiti] u tal-istennijiet [aspettattivi] leġittimi tal-persunal impjegat [anki mal-aġenziji] qabel id-dħul fis-seħħ” tar-riforma tal‑2014.

91      Għaldaqstant, anki jekk l-għan tar-regoli tranżitorji involuti, ċertament kien ukoll dak li jikkontrolla l-ispejjeż finanzjarji li jirrigwardaw l-ispejjeż amministrattivi tal-Unjoni, dawn ir-regoli ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jippreġudikaw id-drittijiet kweżiti u l-aspettattivi leġittimi tal-persunal, fil-kategoriji kollha tagħhom, li jkun “fis-servizz” qabel id-dħul fis-seħħ tar-riforma tal‑2014 (ara l-punt 74 iktar ’il fuq).

92      Minn dan l-aspett, għandu jiġi kkonstatat għaldaqstant li r-rikorrenti, filwaqt li kienet fis-servizz mal-Unjoni mingħajr interruzzjoni fis-servizz sa mill-ħatra tagħha fl‑2006 bħala uffiċjal tal-Kummissjoni, żammet b’obbligatorju, matul ir-rapport ta’ mpjieg tagħha kollu mal-Unjoni u minkejja l-pożizzjoni tagħha bil-LRP, l-assoċjazzjoni tagħha mal-iskema tal-pensjoni tal-Unjoni kif prevista mill-Artikolu 83 tar-Regolamenti tal-Persunal, u kkontribwixxiet għal dik l-iskema ta’ pensjonijiet abbażi tal-kontribuzzjonijiet meħuda mis-salarji li għalihom kellha dritt, l-ewwel bħala uffiċjal tal-Kummissjoni, u sussegwentement, mingħajr interruzzjoni fil-kontinwità, bħala membru tal-persunal tal-Unjoni, b’effett mill-ewwel reklutaġġ tagħha mal-FRONTEX, fl‑1 ta’ Frar 2012 u, sussegwentement, mal-EMSA, fl‑1 ta’ Ġunju 2015.

93      [Kif rettifikat permezz tad-digriet tat‑22 ta’ Jannar 2019] F’dawn iċ-ċirkustanzi, konsegwentement, għandu jiġi konkluż li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-miżuri tranżitorji inkwistjoni, ir-rikorrenti għandha titqies bħala li “daħlet fis-servizz” mal-Unjoni bejn l‑1 ta’ Mejju 2004 u l‑31 ta’ Diċembru 2013 u, peress li baqgħet fis-servizz wara din l-aħħar data, għandha dritt tibbenefika mill-kundizzjonijiet stabbiliti mill-imsemmija dispożizzjonijiet tranżitorji li jikkonċernaw min-naħa, ir-rata ta’ akkwist tad-drittijiet għall-pensjoni ta’ 1.9 % u, min-naħa l-oħra, l-età tal-irtirar ta’ 63 sena.

94      Għal dawn ir-raġunijiet kollha, jeħtieġ li jintlaqgħu l-motivi bbażati fuq il-ksur tal-Artikoli 21 u 22 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal u li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata, mingħajr il-bżonn li jiġu eżaminati l-motivi l-oħra.

 Fuq l-ispejjeż

95      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

96      Peress li l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti mir-rikorrenti, kif mitlub minn din tal-aħħar.

97      Konformement mal-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, moqri flimkien mal-Artikolu 1(2)(f) tal-imsemmija regoli, il-korpi u l-organi li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. L-intervenjenti jbatu għaldaqstant l-ispejjeż tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tas-16 ta’ April 2016, ikkonfermata permezz tan-nota tal-Uffiċċju “Amministrazzjoni u Ħlas tal-Intitolamenti Individwali” (PMO) tad-29 ta’ April 2016, hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess u dawk inkorsi minn Isabel Torné.

3)      L-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER), l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), l-Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (EU-LISA), l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA), l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

Frimodt Nielsen

Forrester

Perillo

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑14 ta’ Diċembru 2018.

Ir-Reġistratur

 

Il-President

E. Coulon

 

      S. Gervasoni


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.