Language of document :

Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Novembru 2016 – L-Isvezja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-837/16)

Lingwa tal-kawża: l-Isvediż

Partijiet

Rikorrent: Ir-Renju tal-Isvezja (rappreżentanti: A. Falk u F. Bergius, bħala aġenti)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni C(2016) 5644, tas-7 ta’ Settembru 2016, li tawtorizza għal ċerti użi s-sulfokromat taċ-ċomb isfar u s-sulfat tal-molibdat tal-kromat taċ-ċomb aħmar taħt ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (id-deċiżjoni kkontestata), u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni eċċediet is-setgħat ta’ implementazzjoni tagħha taħt l-Artikolu 291(2) TFUE u r-Regolament (KE) Nru 1907/2006.

Il-Kummissjoni eċċediet is-setgħat ta’ implementazzjoni tagħha billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-Artikoli 55 u 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006 u billi tat l-awtorizzazzjoni mitluba mingħajr ma kienu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fir-regolament għall-għoti ta’ tali awtorizzazzjoni u b’mod li jmur kontra l-għanijiet tar-regolament.

Il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006 billi tat l-awtorizzazzjoni mingħajr hija stess ma wettqet evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet għal tali għoti skont dak l-artikolu u mingħajr ma investigat b’mod suffiċjenti jekk il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-awtorizzazzjoni taħt dak l-artikolu humiex issodisfatti.

Il-Kummissjoni lanqas ma ħadet inkunsiderazzjoni l-Artikolu 55 tar-Regolament Nru 1907/2006 meta tat l-awtorizzazzjoni b’mod li jmur kontra l-għan tas-sistema ta’ awtorizzazzjoni, inter alia, li jiġi żgurat li s-suq intern jiffunzjona tajjeb u li sustanzi ta’ tħassib serju ħafna jiġu ssostitwiti gradwalment b’sustanzi jew tekniċi alternattivi, meta dan huwa possibbli ekonomikament u teknikament.

It-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni manifestament ħażina u applikazzjoni ħażina tal-liġi.

L-istess fatti bħal dawk msemmija fir-rigward tal-ewwel motiv jifformaw il-bażi ta’ dan il-motiv ukoll. In-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni tal-Artikoli 55 u 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006, kif deskritt iktar ’il fuq, għaldaqstant ifisser ukoll li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kjarament wettqet evalwazzjoni żbaljata u applikazzjoni żbaljata tal-liġi.

It-tielet motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ prekawzjoni u l-obbligu ta’ motivazzjoni.

Il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ prekawzjoni billi tat l-awtorizzazzjoni mingħajr ma wettqet hija stess evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet għal dan taħt l-Artikolu 60(4) tar-Regolament Nru 1907/2006 u mingħajr ma investigat b’mod suffiċjenti jekk il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni taħt dak l-artikolu humiex issodisfatti.

Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni naqset milli tosserva l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 296 TFUE, l-Artikolu 130 tar-Regolament Nru 1907/2006 u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, peress li ma huwiex possibbli li wieħed ikun jaf mid-deċiżjoni kkontestata kif il-Kummissjoni evalwat jekk il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 60(4) tar-regolament humiex issodisfatti.

____________