Language of document : ECLI:EU:C:2008:534

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

2 ta’ Ottubru 2008 (*)

“Ġurisdizzjoni – Regolament (KE) Nru 44/2001– Punt 2 tal-Artikolu 22 – Kawżi fuq il-validità tad-deċiżjonijiet tal-organi tal-kumpanniji – Ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Istat fejn il-kumpannija jkollha s-sede tagħha – Sindakat professjonali tat-tobba”

Fil-kawża C‑372/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mis-Supreme Court (l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Lulju 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Awwissu 2007, fil-kawżi

Nicole Hassett

vs

South Eastern Health Board,

fil-preżenza ta’:

Raymond Howard,

Medical Defence Union Ltd,

MDU Services Ltd,

u

Cheryl Doherty

vs

North Western Health Board,

fil-preżenza ta’

Brian Davidson:

Medical Defence Union Ltd,

MDU Services Ltd,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President tal-Awla, A. Tizzano (Relatur), A. Borg Barthet, M. Ilešič u J.-J. Kasel, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Ġunju 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Medical Defence Union Ltd u MDU Services Ltd, minn R. Bourke, solicitor, kif ukoll B. Murray, BL, u N. Travers, BL,

–        għal R. Howard u B. Davidson, minn D. McDonald, SC, u E. Regan, SC,

–        għall-Gvern Irlandiż, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn J. O Reilly, SC,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A.-M. Rouchaud-Joët u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 2001 L 12, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn R. Howard u B. Davidson (iktar’il quddiem “it-tobba”) u l-kumpanniji Medical Defence Union Ltd u MDU Service Ltd (iktar’il quddiem flimkien “MDU”), is-sindakati professjonali tagħhom, li għandhom bħala suġġett talba għal kumpens u/jew kontribuzzjoni għal kwalunkwe somma li kull wieħed minnhom jista’ jiġi kkundannat iħallas, bħala kumpens, lid-dipartiment tas-saħħa li huma jaħdmu għalih, fil-kuntest ta’ azzjoni għad-danni minħabba żball professjonali mressqa minn N. Hassett u C. Doherty kontra l-istess dipartimenti tas-saħħa.

 Il-Kuntest Ġuridiku

3        Il-ħdax-il premessa tar-Regolament 44/2001 hija fformulata kif ġej:

“Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. [...]”

4        L-Artikolu 2(1) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

5        L-Artikolu 5 tal-istess Regolament jiddisponi:

“Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’, fi Stat Membru ieħor, tkun imfittxijja:

(1)      (a)   f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ xi kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettieq ta’ l-obbligi f’dak il-każ;

[…]

(3)      f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ tort, delitt jew kwasi delitt, fil-qrati tal-post fejn l-effett tal-ħsara jkun twettaq jew jista’ jitwettaq;

[…]”

6        Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001:

“Persuna li tkun domiċiljata fi Stat Membru tista’ wkoll tiġi mfittxija:

[…]

(2) bħala parti terza f’azzjoni dwar mandat jew garanzija jew f’xi proċedimenti oħra dwar terzi partijiet, fil-qorti li tkun fil-pussess tal-proċedimenti oriġinali, sa kemm dawn kienu ġew mibdija biss bl-obbjettiv uniku li jitneħħa mill-ġurisdizzjoni tal-qorti kompetenti li tisma’ l-każ tiegħu;

[…]”

7        Skont l-Artikolu 22 tal-imsemmi Regolament:

“Dawn il-qrati li ġejjin għandhom ikollhom ġurisdizzjoni esklużiva, independentament mid-domiċilju:

[…]

(2) fi proċedimenti li jkollhom bħala l-obbjettiv tagħhom il-validità tal-kostituzzjoni, in-nullità jew id-dissoluzjoni ta’ kumpanniji jew ta’ persuni ġuridiċi oħra jew għaqdiet ta’ persuni naturali jew ġuridiċi, jew il-validità tad-deċiżjonijiet tal-organi tagħhom, il-qrati tal-Istat Membru [...]

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8        Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-kawżi prinċipali joriġinaw minn żewġ azzjonijiet għad-danni, imressqa minn N. Hassett u C. Doherty quddiem il-qrati Irlandiżi, kontra żewġ dipartimenti tas-saħħa Irlandiżi minħabba dannu gravi allegatament ikkawżat minħabba żball professjonali tat-tobba impjegati tal-imsemmija dipartimenti (iktar’il quddiem it-“tobba”). Dawn iż-żewġ azzjonijiet kienu s-suġġett ta’ tranżazzjoni li tat lok għall-ħlas ta’ kumpens lil kull rikorrenti.

9        Fil-kuntest ta’ dawn l-azzjonijiet, id-dipartimenti tas-saħħa inkwistjoni daħħlu fil-kawża liż-żewġ tobba, sabiex jitolbuhom il-ħlas ta’ kontribuzzjoni jew ta’ kumpens rigward l-imsemmija azzjonijiet għal danni.

10      It-tobba kienu, fil-mument tal-fatti tal-kawża, membri tal-MDU. L-MDU huwa sindakat professjonali mwaqqaf taħt forma ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata taħt il-liġi Ingliża, bis-sede tagħha fir-Renju Unit, u li l-għan tagħha huwa, b’mod partikolari, li tagħti kumpens lill-membri tagħha fil-kuntest ta’ kawżi dwar żbalji professjonali li huma jkunu kkommettew.

11      It-tobba, għalhekk, talbu lill-MDU kumpens u/jew kontribuzzjoni għal kwalunkwe somma li kull wieħed minnhom jista’ jiġi kkundannat iħallas lid-dipartimenti tas-saħħa kkonċernati. Fuq il-bażi tal-Artikoli 47 u 48 tal-istatuti tal-MDU, li jistipulaw li d-deċiżjoni dwar talba għal kumpens taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali assoluta tal-Bord tad-Diretturi, din iddeċiediet li tiċħad it-talbiet tagħhom għal kumpens.

12      Minħabba li kkunsidraw li dawn id-deċiżjonijiet ta’ ċaħda jiksru d-drittijiet statutarji tagħhom, it-tobba, awtorizzati permezz ta’ digriet tal-High Court tat-22 ta’ Ġunju 2005 sabiex jinkludu fil-kawża lill-MDU b’intervent obbligatorju, sejħulha fil-kawża.

13      Għalhekk l-MDU ressqet eċċezzjoni ta’ proċedura li tfittex li tannulla dawn l-interventi. Hija sostniet li s-suġġett tat-talbiet imressqa kontra tagħha, sostanzjalment, kien dwar il-validità tad-deċiżjonijiet adottati mill-Bord tad-Diretturi tagħha u, għalhekk, li t-talbiet tagħha jaqgħu taħt il-punt 2 tal-Artikolu 22, tar-Regolament Nru 44/2001, b’mod li l-qrati Brittanniċi biss u mhux il-qrati Irlandiżi kellhom ġurisdizzjoni.

14      It-tobba, min-naħa l-oħra, isostnu li, fid-dawl tan-natura tat-talbiet tagħhom, il-qrati Irlandiżi kellhom ġurisdizzjoni bis-saħħa tal-punti 1 u 3 tal-Artikolu 5, u l-punt 2 tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 44/2001. B’mod partikolari, minn naħa, l-MDU naqset mill-obbligi kuntrattwali tagħha meta naqset milli teżamina b’mod xieraq it-talbiet għal kumpens li ġew indirizzati lilha. Min-naħa l-oħra, peress li l-MDU kienet diġà assistiet lit-tobba fid-difiża tagħhom fil-kuntest tal-azzjoni għal żball professjonali, ma setgħetx tirrifjutalhom kumpens f’dan l-istadju avvanzat tal-proċedura.

15      L-eċċezzjoni ta’ proċedura mressqa mill-MDU ġiet miċħuda minħabba li t-talbiet tat-tobba ma jaqgħux taħt il-punt 2 tal-Artikolu 22, tal-imsemmi regolament. L-MDU appellat quddiem is-Supreme Court li ddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domanda preliminari:

“Fejn tobba jiffurmaw sindakat professjonali taħt il-forma ta’ kumpannija, irreġistrata skond il-liġijiet ta’ Stat Membru, sabiex tipprovdi assistenza u indennizz, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom, għall-membri tiegħu li jipprattikaw f’dak l-Istat u fi Stat Membru ieħor, u l-provvista ta’ din l-assistenza jew indennizz tiddependi mit-teħid ta’ deċiżjoni mill-Bord tad-Diretturi ta’ dik il-kumpannija, skond l-istatut ta’ assoċjazzjoni tagħha, fis-setgħa diskrezzjonali assoluta tiegħu, il-kwistjonijiet li fihom deċiżjoni ta’ rifjut, b’applikazzjoni tal-imsemmija statut, ta’ assistenza jew indennizz lil tabib li jipprattika fi Stat Membru ieħor tiġi kkontestata minn dak it-tabib abbażi ta’ ksur, mill-kumpannija, ta’ drittijiet kuntrattwali jew drittijiet legali oħrajn tat-tabib ikkonċernat, għandhom jitqiesu li huma kwistjonijiet li s-suġġett tagħhom huwa l-validità ta’ deċiżjoni ta’ organu ta’ dik il-kumpannija fis-sens [tal-punt 2 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001], b’mod li l-qrati tal-Istat Membru li fih din il-kumpannija jkollha s-sede tagħha jkollhom ġurisdizzjoni esklużiva?”

 Fuq id-domanda preliminari

16      Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, sostanzjalment, jekk il-punt 2 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001 għandux jiġi interpretat fis-sens li azzjoni, bħal dik fil-kawża prinċipali, li fil-kuntest tagħha parti tallega li deċiżjoni adottata minn organu ta’ kumpannija tkun kisret id-drittijiet li l-imsemmija parti tippretendi li joħorġu mill-istatut ta’ assoċjazzjoni ta’ din il-kumpannija, tirrigwarda l-validità tad-deċiżjonijiet tal-organi ta’ kumpannija, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

17      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, ta’ min ifakkar li, minn naħa, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 44/2001 għandhom jiġu interpretati b’mod awtonomu, filwaqt li jsir riferiment għas-sistema u għall-għanijiet tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2006, Reisch Montage, C-103/05, Ġabra p. I-6827, punt 29).

18      Minn naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-ħdax-il premessa tar-Regolament 44/2001, il-ġurisdizzjoni tal-prinċipju tad-domiċilju tal-konvenut għandha tkun dejjem disponibbli, ħlief f’xi każijiet determinati b’mod ċar fejn is-suġġett inkwistjoni jiġġustifika kriterju ieħor ta’ rabta. Każijiet bħal dawn għandhom, għalhekk, ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni dejqa.

19      Il-Qorti tal-Ġustizzja adottat preċiżament tali interpretazzjoni rigward id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni tas-27 ta’ Settembru 1968 dwar il-ġurisdizzjoni u l-infurzar tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32, iktar’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”), dispożizzjonijiet li huma sostanzjalment identiċi għal dawk tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’dan ir-rigward li, bħala eċċezzjoni għar-regola ġenerali ta’ ġurisdizzjoni, l-imsemmija dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Brussell m’għandhomx jiġu interpretati f’sens iktar wiesgħa milli jitlob l-għan tagħhom, peress li għandhom bħala effett li jiċħdu lill-partijiet mill-għażla tal-ġurisdizzjoni li kieku kienet tkun tagħhom u, f’ċerti każijiet, li jressquhom quddiem ġurisdizzjoni li mhijiex il-ġurisdizzjoni proprja tad-domiċilju tal-ebda waħda minnhom (sentenzi tal-14 ta’ Diċembru 1977, Sanders, 73/77, Ġabra p. 2383, punti 17 u 18; tas-27 ta’ Jannar 2000, Dansommer, C-8/98, Ġabra p. I-393, punt 21, kif ukoll tat-18 ta’ Mejju 2006, ČEZ, C-343/04, Ġabra p. I-4557, punt 26).

20      Issa, kif infatti jikkonferma r-rapport ta’ M. Jenard rigward il-Konvenzjoni ta’ Brussell (ĠU 1979, C 59, p. 1), l-għan essenzjali mfittex minn tali eċċezzjoni, li tipprevedi l-ġurisdizzjoni esklużiva tal-qrati tal-Istat Membru fejn il-kumpannija jkollha s-sede tagħha, huwa li jiċċentralizza l-ġurisdizzjoni sabiex jiġu evitati sentenzi kontradittorji f’dak li jirrigwarda l-eżistenza tal-kumpanniji u l-validità tad-deċiżjonijiet tal-organi tagħhom.

21      Kif jirriżulta wkoll mill-imsemmi rapport, il-qrati tal-Istat Membru fejn il-kumpannija jkollha s-sede tagħha jidhru, fil-fatt, fl-aħjar pożizzjoni sabiex jaqtgħu dawn il-kawżi, b’mod partikolari minħabba li l-formalitajiet ta’ pubbliċità tal-kumpannija jsiru fl-istess Stat. L-attribuzzjoni ta’ tali kompetenza esklużiva lil dawn il-qrati għalhekk titwettaq fl-interess ta’ amministrazzjoni xierqa tal-ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sanders, iċċitata qabel, punti 11 u 17).

22      Kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi l-MDU, ma jistax jiġi dedott mill-prinċipji msemmija fil-punti preċedenti li huwa biżżejjed, sabiex japplika l-punt 2 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001, li azzjoni ġudizzjarja tippreżenta xi rabta kwalunkwe ma’ deċiżjoni meħuda minn organu ta’ kumpannija (ara, b’analoġija mal-punt 1 tal-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, is-sentenzi tas-17 ta’ Mejju 1994, Webb, C-294/92, Ġabra p. I-1717, punt 14, u tas-27 ta’ Jannar 2000, Dansommer, iċċitat qabel, punt 22).

23      Fil-fatt, kif isostnu t-tobba, kieku l-kawżi kollha dwar deċiżjoni ta’ organu ta’ kumpannija kellhom jaqgħu taħt il-punt 2 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001, dan ikun ifisser fil-verità li l-azzjonijiet ġudizzjarji, kemm jekk ikunu ta’ natura kuntrattwali, delittwali jew ta’ natura oħra, imressqa kontra kumpannija jkunu jaqgħu kważi dejjem taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru fejn il-kumpannija jkollha s-sede tagħha.

24      Issa, tali interpretazzjoni tal-imsemmi artikolu twassal sabiex tissottometti għall-ġurisdizzjoni derogatorja inkwistjoni kemm kawżi li ma jkunux ser jagħtu lok għal sentenzi kontradittorji fuq il-validità tad-deċiżjonijiet tal-organi ta’ kumpannija, safejn id-deċiżjoni tagħhom ma jkollha l-ebda effett fuq din il-validità, kif ukoll kawżi li ma jeħtieġu l-ebda eżami tal-formalitajiet ta’ pubbliċità applikabbli għal kumpannija.

25      Din l-interpretazzjoni testendi, għalhekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001 lil hinn minn dak li jitlob l-għan tiegħu, kif imfakkar fil-punti 20 u 21 ta’ din is-sentenza.

26      Isegwi li, kif isostnu ġustament it-tobba u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, l-imsemmi Artikolu għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jipprevedi biss kawżi fejn parti tikkontesta l-validità ta’ deċiżjoni ta’ organu ta’ kumpannija fid-dawl tad-dritt tal-kumpanniji applikabbli jew ta’ dispożizzjonijiet statutarji dwar it-tħaddim tal-organi tagħha.

27      Issa, ma jirriżultax mid-deċiżjoni tar-rinviju li t-tobba kienu qajmu quddiem il-High Court dawn il-kontestazzjonijiet.

28      Fil-fatt, fil-kawża prinċipali, it-tobba qatt ma jikkontestaw il-fatt li l-Bord tad-Diretturi tal-MDU kellu s-setgħa, skont l-istatut ta’ assoċjazzjoni tagħha, li jadotta d-deċiżjoni li tiċħad it-talba tagħhom għall-kumpens.

29      Min-naħa l-oħra, dawn it-tobba kkontestaw il-mod ta’ eżerċizzju ta’ din is-setgħa. F’dan il-każ, huma jsostnu li l-MDU ċaħdet ex officio t-talba tagħhom għal kumpens, mingħajr ma għamlet eżami fil-fond ta’ din it-talba, u għalhekk kisret id-drittijiet li huma jippretendu li joħorġu mill-istatut ta’ assoċjazzjoni tal-MDU fil-kwalità tagħhom bħala membri tagħha.

30      Konsegwentement, il-kawżi prinċipali, bejn l-imsemmija tobba u l-MDU, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 2 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001.

31      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-punt 2 tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 44/2001 għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni, bħal dik fil-kawża prinċipali, li fil-kuntest tagħha parti tallega li deċiżjoni adottata minn organu ta’ kumpannija tkun tikser id-drittijiet li l-imsemmija parti tippretendi li joħorġu mill-istatut ta’ assoċjazzjoni ta’ din il-kumpannija, ma jirrigwardax il-validità tad-deċiżjonijiet tal-organi ta’ kumpannija, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 Fuq l-ispejjeż

32      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-punt 2 tal-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni, bħal dik fil-kawża prinċipali, li fil-kuntest tagħha parti tallega li deċiżjoni adottata minn organu ta’ kumpannija tkun tikser id-drittijiet li l-imsemmija parti tippretendi li joħorġu mill-istatut ta’ assoċjazzjoni ta’ din il-kumpannija, ma jirrigwardax il-validità tad-deċiżjonijiet tal-organi ta’ kumpannija, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni,.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.