Language of document : ECLI:EU:C:2020:587

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

CAMPOS SÁNCHEZ BORDONA

ippreżentati fis-16 ta’ Lulju 2020 (1)

Kawża C584/19

Staatsanwaltschaft Wien

vs

et,

bl-intervent ta’:

Staatsanwaltschaft Hamburg

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesgericht für Strafsachen Wien (il-Qorti kriminali reġjonali ta’ Vjenna, l-Awstrija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali — Ordni ta’ investigazzjoni Ewropea — Prosekutur pubbliku li jeżerċita l-funzjonijiet ta’ awtorità emittenti — Indipendenza tal-Uffiċċju tal-Prosekutur mill-poter eżekuttiv — Direttiva 2014/41/UE — Awtorità ġudizzjarja bis-setgħa ta’ emissjoni — Kunċett awtonomu — Differenzi bejn ir-regolamentazzjoni tad‑Direttiva 2014/41/UE u tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI — Protezzjoni tad-drittijiet fundamentali — Neċessità ta’ intervent ġudizzjarju”






1.        Il-Prosekuturi Pubbliċi tal-Ġermanja u tal-Awstrija huma, rispettivament, l-awtoritajiet emittenti u ta’ eżekuzzjoni tal-ordnijiet ta’ investigazzjoni Ewropej (iktar ’il quddiem l-“OIE”) ittrattati skont id-Direttiva 2014/41/UE (2).

2.        F’din il-kawża, l-iStaatsanwaltschaft Hamburg (l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Hamburg, il-Ġermanja) ħareġ OIE sabiex l-iStaatsanwaltschaft Wien (l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Vjenna, l-Awstrija) jipprovdilu informazzjoni dwar kont bankarju domiċiljat fl-Awstrija. Peress li d-dritt ta’ dan il-pajjiż tal-aħħar jeħtieġ, sabiex tiġi pprovduta din l-informazzjoni, awtorizzazzjoni minn qabel minn imħallef, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Vjenna talab din l-awtorizzazzjoni mingħand il-Landesgericht für Strafsachen Wien (il-Qorti Kriminali Reġjonali ta’ Vjenna).

3.        Essenzjalment, dik il-qorti tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk il-ġurisprudenza stabbilita dwar l-indipendenza tal-Prosekutur Pubbliku fil-kuntest tal-mandati ta’ arrest Ewropej (iktar ’il quddiem il-“MAE”) skont id-Deċiżjoni Kwadru 2002/584/JHA tistax tiġi trasposta għall-OIE (3).

I.      Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni. Id-Direttiva 2014/41

4.        L-Artikolu 1 (“L-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew u l-obbligu li jiġi eżegwit”) jipprovdi:

“1. L-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew [Ewropea] (OIE) huwa [hija] deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa jew validata minn awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru (‘l-Istat emittenti’) sabiex waħda jew aktar miżuri investigattivi speċifiċi jiġu eżegwiti fi Stat Membru ieħor (‘l-Istat ta’ eżekuzzjoni’) bil-ħsieb li jinkisbu provi f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

L-OIE jista’ jinħareġ [tista’ tinħareġ] ukoll biex jinkisbu provi li jkunu diġà fil-pussess tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni.

2. L-Istati Membri għandhom jeżegwixxu kwalunkwe OIE abbażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u f’konformità ma’ din id-Direttiva.

3. Il-ħruġ ta’ OIE jista’ jintalab minn persuna suspettata jew akkużata, jew minn avukat f’isimha, fi ħdan il-qafas tad-drittijiet ta’ difiża applikabbli f’konformità mal-proċedura kriminali nazzjonali.

4. Din id-Direttiva m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett għad-drittijiet fundamentali ul-prinċipji legali kif sanċiti fl-Artikolu 6 tat-TUE, inklużi d-drittijiet ta’ difiża ta’ persuni suġġetti għal proċedimenti kriminali, u kwalunkwe obbligu li jaqa’ fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji f’dan ir-rigward ma għandux jiġi affettwat”.

5.        Skont l-Artikolu 2 (“Definizzjonijiet”):

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)      ‘Stat emittenti’ tfisser l-Istat Membru li fih jinħareġ l-OIE;

(b)      ‘Stat ta’ eżekuzzjoni’ tfisser l-Istat Membru li jeżegwixxi l-OIE, li fih għandha tiġi eżegwita l-miżura investigattiva;

(c)      ‘awtorità emittenti’ tfisser:

(i)      imħallef, qorti, imħallef inkwirenti jew prosekutur pubbliku kompetenti fil-każ ikkonċernat; jew

(ii)      kwalunkwe awtorità kompetenti oħra kif definita mill-Istat emittenti li, fil-każ speċifiku, qed taġixxi fil-kapaċità tagħha bħala awtorità ta’ investigazzjoni fi proċedimenti kriminali b’kompetenza li tordna l-ġbir ta’ provi f’konformità mal-liġi nazzjonali. Barra minn hekk, qabel ma jintbagħat [tintbagħat] lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni, l-OIE għandu jiġi vvalidat [għandha tiġi vvalidata], wara eżami tal-konformità tiegħu [tagħha] mal-kondizzjonijiet għall-ħruġ ta’ OIE taħt din id-Direttiva, partikolarment il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6(1), minn imħallef, qorti, imħallef inkwirenti jew prosekutur pubbliku fl-Istat emittenti. Fejn l-OIE jkun ġie validat [tkun ġiet ivvalidata] minn awtorità ġudizzjarja, dik l-awtorità tista’ titqies ukoll bħala awtorità emittenti għall-finijiet ta’ trażmissjoni tal-OIE;

(d)      ‘awtorità ta’ eżekuzzjoni’ tfisser awtorità b’kompetenza li tirrikonoxxi OIE u tiżgura l-eżekuzzjoni tiegħu [tagħha] f’konformità ma’ din id-Direttiva u l-proċeduri applikabbli f’każ domestiku simili. Dawn il-proċeduri jistgħu jkunu jeħtieġu awtorizzazzjoni minn qorti fl-Istat ta’ eżekuzzjoni fejn dan ikun previst mil-liġi nazzjonali tiegħu.”

6.        L-Artikolu 6 (“Kondizzjonijiet għall-emissjoni u t-trażmissjoni ta’ OIE”) jipprovdi:

“1. L-awtorità emittenti tista’ toħroġ OIE biss fejn tkun sodisfatta li ġew sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)      l-emissjoni tal-OIE tkun meħtieġa u proporzjonata għall-fini tal-proċedimenti msemmija fl-Artikolu 4 b’kont meħud tad-drittijiet tal-persuna suspettata jew akkużata; u

(b)      il-miżura jew miżuri investigattivi indikati fl-OIE setgħu ġew ordnati taħt l-istess kondizzjonijiet f’każ domestiku simili.

2. Il-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu vvalutati mill-awtorità emittenti f’kull każ.

3. Fejn l-awtorità ta’ eżekuzzjoni jkollha raġuni għalxiex temmen li l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ma ġewx sodisfatti, hija tista’ tikkonsulta lill-awtorità emittenti dwar l-importanza li l-OIE jiġi eżegwit [tiġi eżegwita]. Wara dik il-konsultazzjoni, l-awtorità emittenti tista’ tiddeċiedi li tirtira l-OIE.”

B.      Id-dritt nazzjonali

1.      Id-dritt Ġermaniż. Il-Gerichtsverfassunsgesetz (4)

7.        L-Artikolu 146 jindika li:

“L-uffiċjali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur għandhom jikkonformaw mal-istruzzjonijiet uffiċjali mogħtija mis-superjuri tagħhom”.

8.        L-Artikolu 147 jistipula li:

“Is-setgħa ta’ superviżjoni u kontroll tikkorrispondi:

1.      għall-Ministru Federali tal-Ġustizzja u għall-protezzjoni tal-konsumatur fir-rigward tal-Prosekutur Federali Ġenerali u l-prosekuturi federali;

2.      għall-Amministrazzjoni tal-ġustizzja tal-Land fir-rigward tal-uffiċjali kollha tal-prosekutur pubbliku tal-Land ikkonċernat;

3.      għall-ogħla uffiċjal tal-prosekutur pubbliku quddiem il-qrati superjuri reġjonali ċivili u kriminali u quddiem il-qrati ċivili u kriminali reġjonali fir-rigward tal-uffiċjali kollha tal-Prosekutur Pubbliku quddiem il-qorti distrettwali kkonċernata.”

2.      Id-dritt Awstrijak

a)      L-iStrafprozessordnung (5)

9.        L-Artikolu 4(1) jattribwixxi l-inkjesti kriminali lill-Prosekutur Pubbliku.

10.      Fl-eżerċizzju ta’ dan il-kompitu, il-Prosekutur Pubbliku għandu jkollu awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel sabiex jimplimenta ċerti miżuri ta’ investigazzjoni partikolarment invażivi (Artikoli 101 u 105).

11.      Fost dawn il-miżuri hemm il-ġbir ta’ informazzjoni dwar il-kontijiet u l-operazzjonijiet bankarji (l-Artikolu 109(4) moqri flimkien mal-Artikolu 116(4)).

b)      Il-Bundesgesetz über die justizielle Zusammenarbeit in Strafsachen mit den Mitgliedstaaten der Europäischen Union (6)

12.      L-Artikolu 55c jiddikjara li l-Uffiċċju tal-Prosekutur kompetenti għall-eżekuzzjoni ta’ OIE huwa dak li l-miżura mitluba li titwettaq taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu.

13.      L-Artikolu 55e jipprovdi li d-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Prosekutur li jeżegwixxi OIE għandha tinkludi: i) informazzjoni dwar il-ħatra tal-prosekutur pubbliku, identifikazzjoni tal-persuna investigata, sa fejn ikun possibbli, id-deskrizzjoni tal-fatti u l-klassifikazzjoni tagħhom, kif ukoll l-informazzjoni dwar id-drittijiet tal-persuna affettwata mill-miżura; ii) deskrizzjoni tal-miżura li għandha tiġi eżegwita; iii) il-motivazzjoni li tiġġustifika l-legalità tagħha; u iv) kopja tal-OIE.

II.    Il-fatti u d-domanda preliminari

14.      L-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Hamburg fetaħ proċedura kriminali kontra A u persuni oħra mhux identifikati (7), fejn sabiex jiġu ċċarati l-fatti u, b’mod partikolari, jiġu identifikati l-awturi tagħhom, bagħat OIE lill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Vjenna. Huwa talab li jingħatawlu kopji ta’ ċerti dokumenti relatati ma’ kont bankarju Awstrijak, għall-perijodu bejn l-1 ta’ Ġunju u t-30 ta’ Settembru 2018.

15.      L-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Vjenna talab lil-Landesgericht für Strafsachen Wien (il-Qorti Kriminali Reġjonali ta’ Vjenna, l-Awstrija), skont l-Artikoli 109(4) u 116 tas-StPO, l-awtorizzazzjoni sabiex jaċċedi għall-informazzjoni tal-kontijiet u t-tranżazzjonijiet bankarji, b’tali mod li l-istabbiliment bankarju jiġi obbligat jibgħatlu d-dokumenti msemmija fl-OIE.

16.      Qabel l-għoti tal-awtorizzazzjoni, din il-qorti tirrileva li peress li l-Prosekutur Pubbliku Ġermaniż huwa espost għar-riskju li jirċievi, direttament jew indirettament, ordnijiet jew istruzzjonijiet individwali mill-poter eżekuttiv, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistax jitqies bħala awtorità ġudizzjarja emittenti ta’ MAE (8). Hija żżid li din l-istess konklużjoni tista’ wkoll tiġi trasposta sabiex l-OIE maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Hamburg tiġi miċħuda.

17.      Għalkemm id-Direttiva 2014/41 issemmi lill-Prosekutur Pubbliku bħala awtorità emittenti, mhux l-Uffiċċji tal-Prosekutur tal-Istati Membri kollha jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ indipendenza meħtieġ mill-organi ġudizzjarji. Fl-ipoteżi li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-MAE tapplika għall-OIE, il-kunċett ta’ “prosekutur pubbliku” imsemmi fl-Artikolu 2(c)(i) tad-Direttiva 2014/41 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jinkludix lill-Uffiċċji tal-Prosekutur esposti għar-riskju li jirċievu struzzjonijiet individwali mill-poter eżekuttiv, bħal dak ta’ Hamburg (9).

18.      Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju tagħmel din id-domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Il-kunċetti ta’ ‘awtorità ġudizzjarja’ skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali u ta’ ‘prosekutur pubbliku’ skont l-Artikolu 2(c)(i) tal-imsemmija direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li jifformaw parti minnhom anki l-uffiċċji tal-prosekutur pubbliku ta’ Stat Membru li, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar il-ħruġ ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropew, huma esposti għar-riskju li jkunu suġġetti, direttament jew indirettament, għal ordnijiet jew għal struzzjonijiet individwali min-naħa tas-setgħa eżekuttiva, pereżempju mis-Senatur għall-Ġustizzja ta’ Hamburg?”

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

19.      Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari wasal għand il-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Awwissu 2019, flimkien mat-talba għal proċedura mħaffa, kif ġie deċiż.

20.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-Gvern Ġermaniż, mill-Gvern Awstrijak, mill-Gvern Spanjol, mill-Gvern Olandiż u mill-Gvern Pollakk kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

IV.    Evalwazzjoni

A.      Osservazzjoni preliminari

21.      Il-qorti tar-rinviju hija mitluba tiddeċiedi jekk tawtorizzax l-implimentazzjoni ta’ miżura investigattiva mitluba mill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Vjenna. Kieku fl-oriġini ta’ din it-talba ma kienx intervjena l-Prosekutur Pubbliku Ġermaniż, ma jidhirx li kien ikun hemm diffikultajiet tad-dritt nazzjonali sabiex din tintlaqa’ u, jekk ikun il-każ, sabiex tkun fondata.

22.      Bla ħsara għal dak li tifhem il-qorti tar-rinviju stess, nissupponi li, jekk din l-istess talba tal-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Vjenna kienet tressqet fuq talba tal-pulizija Awstrijaka (jiġifieri ta’ awtorità li taqa’ taħt il-poter eżekuttiv), tali fattur, waħdu, ma kienx jipprekludi lil din il-qorti milli tipproċessa t-talba.

23.      Jekk dan huwa l-każ, ma narax x’inhi l-problema, anki jekk il-Prosekutur Pubbliku Ġermaniż ma setax jiġi kklassifikat (minħabba n-nuqqas ta’ indipendenza tiegħu mill-poter eżekuttiv) bħala “awtorità ġudizzjarja”, sabiex il-qorti tar-rinviju tiddeċiedi fuq it-talba li, b’oriġini mill-Prosekutur Pubbliku ta’ Hamburg u bi provenjenza immedjata mill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Vjenna (li jaġixxi fil-kwalità tiegħu ta’ “awtorità ta’ eżekuzzjoni”, skont id-dritt nazzjonali), għandha inkwistjoni quddiemha.

24.      Barra minn hekk, il-Prosekutur Pubbliku Awstrijak lanqas ma jgawdi indipendenza mill-poter eżekuttiv, kif diġà kellha l-opportunità li tiddeċiedi l-Qorti tal-Ġustizzja (10). Jidhirli li dan ma jipprekludihx milli jressaq talbiet quddiem il-qorti tar-rinviju għal miżuri investigattivi li jqis li huma xierqa, fiċ-ċirkustanzi tal-Artikoli 109(4) u 116 tas-StPO.

25.      L-istess japplika għall-pulizija jew għal awtoritajiet amministrattivi oħra (11). Id-domanda, għalhekk, hija jekk in-nuqqas ta’ indipendenza tal-Prosekutur Pubbliku Awstrijak iwassalx lill-qorti biex tiċħad talba għal aċċess għad-dokumenti ta’ kont bankarju li, fuq l-inizjattiva tal-pulizija jew ta’ awtoritajiet amministrattivi oħra, hija indirizzata lilha mill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Vjenna.

26.      Fir-realtà, dak li huwa essenzjali sabiex il-qorti tar-rinviju tieħu d-deċiżjoni tagħha (tawtorizzax il-miżura ta’ investigazzjoni jew le) ma huwiex tant l-oriġini tat-talba iżda l-funzjoni ġudizzjarja proprja tagħha. Anki jekk MAE maħruġ minn prosekutur pubbliku Awstrijak (mhux indipendenti mill-poter eżekuttiv) jista’ jkun effikaċi wara li jkun ġie approvat mill-qorti nazzjonali kompetenti (12), li tistħarreġ il-proporzjonalità tiegħu, dan l-istess prinċipju jista’, a fortiori, japplika għal miżuri ta’ investigazzjoni li l-effett tagħhom fuq il-ħajja tal-persuna kkonċernata huwa ferm iżgħar minn dak li jirriżulta mill-MAE.

27.      Fl-aħħar nett, inżid li d-dritt tal-Unjoni jinkludi regoli li jimponu d-dmir fuq l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri li jikkooperaw bejniethom sabiex jiġbru mingħand l-istituzzjonijiet finanzjarji ċerta data tal-kontijiet bankarji miftuħa fihom (13). Dan id-dmir ta’ kooperazzjoni ma jistipulax li l-awtorità rikjedenti tkun indipendenti mill-poter eżekuttiv.

28.      Id-dritt tal-Unjoni għalhekk jippermetti li l-awtoritajiet amministrattivi ta’ Stat Membru (li mid-definizzjoni tagħhom ma humiex indipendenti) jitolbu lill-kollegi tagħhom fi Stat Membru ieħor informazzjoni konkreta dwar kontijiet bankarji, li dawn tal-aħħar, bħala prinċipju, huma obbligati li jipprovdulhom. Bħala prinċipju, minn din il-perspettiva, ma jkunx hemm problema sabiex l-istess kriterju japplika għar-relazzjonijiet tal-Prosekuturi Pubbliċi f’dan il-qasam, meta dawn jaġixxu bħala awtoritajiet emittenti jew ta’ eżekuzzjoni ta’ OIE.

B.      Awtoritajiet emittenti tal-OIE

29.      Id-Direttiva 2014/41 ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 82(1) TFUE, li jipprovdi li l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku.

30.      L-OIE hija ddefinita bħala deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa jew ivvalidata minn awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru (“l-Istat emittenti”) sabiex miżura jew miżuri investigattivi speċifiċi jiġu eżegwiti fi Stat Membru ieħor (“l-Istat ta’ eżekuzzjoni”), bil-għan li jinkisbu provi (14).

31.      Id-Direttiva 2014/41, li tissostitwixxi diversi strumenti konvenzjonali ta’ assistenza ġudizzjarja (15), hija intiża li ssir l-uniku strument regolatorju sabiex jitwettqu dmirijiet ta’ investigazzjoni u għall-kisba tal-provi fl-ispazju Ewropew. L-għan tagħha huwa li tiġi ffaċilitata u mħaffa l-kisba u t-trażmissjoni ta’ provi fi ħdan l-Unjoni, kif ukoll li tittejjeb l-effikaċja tal-proċeduri ta’ investigazzjoni.

32.      L-iktar karatteristika importanti tal-OIE, f’dak li jirrigwarda dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, hija li d-Direttiva 2014/41 tinkludi żewġ kategoriji ta’ “awtoritajiet emittenti”:

L-awtoritajiet ġudizzjarji (16), li jistgħu jkunu biss “imħallef, qorti, imħallef inkwirenti jew prosekutur pubbliku kompetenti fil-każ ikkonċernat” [Artikolu 2(c)(i)], jitqiesu li huma lkoll fuq livell ugwali.

Iżda l-awtoritajiet mhux ġudizzjarji huma kompetenti sabiex jinvestigaw fil-kuntest tal-proċeduri kriminali u jordnaw il-kisba ta’ provi skont id-dritt nazzjonali [Artikolu 2(c)(ii)] (17). L-OIE maħruġa minn waħda jew l-oħra minnhom għandhom jiġu vvalidati minn awtorità ġudizzjarja (18).

33.      L-Artikolu 2(c)(i) tad-Direttiva 2014/41 jsemmi lill-prosekutur pubbliku, b’mod partikolari, fost l-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti ta’ OIE. Sa issa, ma kien hemm l-ebda dubju li din l-indikazzjoni ċara kienet tippermetti lill-prosekuturi pubbliċi kompetenti (skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom) joħorġu dawn l-ordnijiet direttament.

34.      Id-dubji tal-qorti tar-rinviju jqumu, kif rajna, minħabba s-sentenza OG u PI (l-Uffiċċji tal-Prosekuturi ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) dwar il-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja” fil-kuntest tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584. Peress li f’din is-sentenza ntqal li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġermaniż ma kienx jissodisfa l-elementi ta’ indipendenza indispensabbli għall-ħruġ ta’ MAE, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ma jissodisfahomx lanqas għall-ħruġ ta’ OIE, peress li ma għandux il-kwalità ta’ awtorità ġudizzjarja (19) indipendenti.

35.      Li jintlaqa’ dan l-argument ikun ifisser li, fil-Ġermanja, il-prosekuturi pubbliċi ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala awtorità emittenti, fis-sens tal-Artikolu 2(c)(i) tad-Direttiva 2014/41, u li l-OIE maħruġa minnhom ikunu jeħtieġu validazzjoni. Fi kliem ieħor, dawn ikunu jaqgħu taħt il-punt (ii). Bħala konsegwenza addizzjonali, u għall-kuntrarju tal-kliem ta’ dan l-istess punt (ii), huma lanqas ma jistgħu jaġixxu bħala awtorità li tivvalida l-OIE maħruġa minn awtoritajiet (amministrattivi) oħra.

36.      Fil-punti li ġejjin, ser insostni li l-frażi “awtorità ġudizzjarja” ma għandhiex neċessarjament tiġi interpretata bl-istess mod għal kull wieħed mill-istrumenti ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali.

37.      Jiena nqis li ma hemm ebda rekwiżit, li jirriżulta mid-dritt primarju tal-Unjoni, li din l-interpretazzjoni tkun unitarja. Wieħed jista’ jaħseb li definizzjoni unika ta’ dan il-kunċett, valida għall-oqsma kollha tal-kooperazzjoni ġudizzjarja kriminali, tissemplifika d-diffikultajiet ta’ interpretazzjoni. Madankollu, nemmen li jiġri l-oppost: jekk wieħed iċedi għal tali tentazzjoni ermenewtika, dan jikkawża iktar problemi milli dawk li apparentement isolvi.

38.      Il-leġiżlatur tal-Unjoni huwa liberu li jinkludi f’dan il-kunċett – fl-osservanza tal-kontenut essenzjali tiegħu, jiġifieri li ma jestendihx għal entitajiet barranin għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja – kwalunkwe waħda mill-istituzzjonijiet li jipparteċipaw f’din tal-aħħar. Kollox jiddependi mill-kuntest leġiżlattiv li taħtu taqa’ kull modalità ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja.

C.      Is-sentenza OG u PI (l-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau)

39.      F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddelimitat il-kunċett ta’ “awtorità ġudizzjarja” fil-konfront tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584, u għalhekk:

Hija rrilevat li dan il-kunċett huwa ta’ natura awtonoma u għandu jinftiehem b’mod uniformi fl-Unjoni kollha, fid-dawl tal-formulazzjoni tar-regola interpretata, il-kuntest tagħha u l-għan tagħha (20).

Hija rreferiet espressament għat-“termini ‘awtorità ġudizzjarja’ li jissemmew f’dik id-dispożizzjoni [fid-Deċiżjoni Kwadru]” (21).

Hija semmiet il-“kunċett ta’ ‘awtorità ġudizzjarja’, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584” (22).

Analizzat il-“kuntest li jinsab fih [l-imsemmi Artikolu 6(1)]” (23).

Ikkunsidrat l-għan tad-Deċiżjoni Kwadru (24).

40.      Fil-konklużjonijiet tiegħi f’din l-istess kawża diġà indikajt li “il-modalitajiet ta’ din il-parteċipazzjoni tal-Prosekutur Pubbliku fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja huma varjati u s-soluzzjonijiet għal xi oqsma ma għandhomx jiġu estrapolati b’mod mekkaniku jew awtomatiku għal oħrajn ta’ natura differenti” (25).

41.      Hija semmiet, preċiżament, l-eżempju tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/41, li inkluda lill-prosekutur pubbliku fost l-awtoritajiet awtorizzati sabiex joħorġu OIE. Barra minn hekk, fakkret fil-konklużjonijiet tal-kawża Özçelik sabiex tenfasizza li “veru li wieħed ma jistax iqabbel, sempliċiment, l-intervent tal-Uffiċċju tal-Prosekutur f’qasam (li jikkonċerna l-libertà, affettwata mid-detenzjoni tal-persuni) ma’ dak f’qasam ieħor (dak tal-kisba tal-provi) […] L-aċċettazzjoni tiegħu bħala awtorità ġudizzjarja fid-Direttiva 2014/41/UE, għall-ordnijiet ta’ investigazzjoni, ma tippreġudikax neċessarjament l-estensjoni ta’ din il-kunsiderazzjoni għad-Deċiżjoni Qafas għal dak li jikkonċerna l-mandati ta’ arrest Ewropej” (26).

42.      Is-sentenza OG u PI (l-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) tikkonferma li l-Prosekutur Pubbliku Ġermaniż huwa “awtorità ġudizzjarja” (27). Ir-raġunijiet sabiex dan ma jiġix rikonoxxut il-funzjoni ta’ awtorità emittenti tal-MAE jirrigwardaw in-nuqqas ta’ indipendenza tiegħu, peress li huwa possibbli li dan jirċievi ordnijiet mill-poter eżekuttiv f’kawżi partikolari. Madankollu, essenzjalment, dawn huma bbażati fuq il-fatt li l-portata naturali tal-MAE tikkorrispondi għal indħil serju tal-poter pubbliku fil-ħajja ta’ persuna: iċ-ċaħda tal-libertà (proviżorja jew permezz ta’ sentenza finali) protetta mill-Artikolu 6 tal-Karta, li trid tkun riżervata, b’xi mod jew ieħor, għall-imħallfin indipendenti fis-sens strett tal-kelma (28).

43.      Madankollu, jekk tiġi aċċettata din il-premessa (li jiena naqbel magħha u diġà rrakkomandajtha fil-konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża), għandu jsir enfasi sabiex il-formula adottata fil-kuntest tal-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 ma jkollhiex għalfejn tiġi applikata awtomatikament għad-Direttiva 2014/41.

44.      Barra minn hekk, jekk wieħed jaqra l-Artikolu 1(1) u tal-Artikolu 2(c) tad-Direttiva 2014/41 flimkien, filwaqt li jitqiesu l-elementi l-oħra li jippermettu li jinftiehem aħjar il-kontenut tagħhom, huwa rakkomandat li l-Prosekutur Pubbliku (kwalunkwe prosekutur pubbliku ta’ Stat Membru) jingħata rikonoxximent tal-kwalità tiegħu ta’ “awtorità ġudizzjarja”, bħala “korp li jipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali”.

45.      Ser nipprova nsemmi wħud mir-raġunijiet li għalihom is-sistema legali tal-OIE ma tistax tiġi mqabbla ma’ dik tal-MAE.

D.      Paragun bejn id-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 u d-Direttiva 2014/41

46.      Hemm bosta differenzi bejn is-sistema legali tal-MAE u dik tal-OIE, li huma dovuti għad-differenza fin-natura tagħhom u l-funzjonalità eteroġena tagħhom fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja kriminali. Madankollu, ser nillimita ruħi sabiex nenfasizza dawk li jirrigwardaw lill-awtoritajiet kompetenti fl-emissjoni jew eżekuzzjoni tat-tnejn li huma.

1.      Il-ħatra ta’ awtoritajiet emittenti

47.      L-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 jirreferi biss, fil-każ tal-MAE, għall-“awtorità ġudizzjarja tal-Istat Membru emittenti”. Min-naħa l-oħra, it-trattament li tipprovdi d-Direttiva 2014/41 lill-awtorità emittenti tal-OIE huwa differenti ħafna peress li jinkludi lista ta’ awtoritajiet ġudizzjarji (fis-sens spjegat iktar ’il fuq) awtorizzati sabiex joħorġu l-OIE, li fosthom insibu b’mod nominattiv lill-prosekutur pubbliku (29).

48.      Għalkemm, fil-proċedura ta’ tfassil tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584, l-inklużjoni jew l-esklużjoni tal-Prosekutur Pubbliku baqgħet ma ġietx deċiża (30), fl-2014 id-deċiżjoni espliċita (u fl-affermattiv) tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jaċċettaha bħala awtorità emittenti tal-OIE ma tistax titqies li hija każwali jew bi żball.

49.      Din id-deċiżjoni kienet intenzjonali u għandha l-għan li tinkludi, b’mod ċar u b’tali mod li ma jkunx hemm dubji, lill-awtoritajiet ġudizzjarji kollha (b’mod speċifiku, il-prosekutur pubbliku) li, fil-qasam proċedurali tal-Istati Membri, ikunu fiċ-ċentru, imexxu jew jintervjenu b’mod sinjifikattiv fl-investigazzjoni kriminali.

50.      Il-Protokoll ta’ spjegazzjoni tal-inizjattiva tar-Renju tal-Belġju, tar-Repubblika tal-Bulgarija, tar-Repubblika tal-Estonja, tar-Renju ta’ Spanja, tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Renju tal-Isvezja għad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali (31) jenfasizza fost l-għanijiet speċifiċi tiegħu dak li jippreżerva l-karatteristiċi partikolari tas-sistemi nazzjonali u tal-kultura ġuridika tagħhom.

51.      Dan il-Protokoll jenfasizza li s-settur tal-ġbir tal-provi jinsab fost dawk li għandhom l-ikbar differenzi bejn is-sistemi nazzjonali, li ħafna drabi joriġinaw kemm mill-kultura ġuridika tagħhom kif ukoll mill-istorja tal-Istati Membri. Huwa kkonkluda li huwa essenzjali li titjieb il-kooperazzjoni f’dan il-qasam, mingħajr ma jiġu affettwati l-aspetti fundamentali jew id-differenzi bejn is-sistemi nazzjonali.

52.      Għalhekk ma huwiex b’kumbinazzjoni li l-Artikolu 2(c)(i) tad-Direttiva 2014/41 juża s-sentenza “kompetenti fil-każ ikkonċernat”, wara li jelenka l-awtoritajiet ġudizzjarji emittenti tal-OIE. Lanqas ma huwa bi żball li d-dispożizzjonijiet suċċessivi ta’ din id-direttiva jirrepetu l-frażi “skont il-liġi nazzjonali”, jew frażijiet simili oħra, sabiex jirreferu għal ċerti aspetti ta’ organizzazzjoni u ta’ proċedura.

53.      Permezz ta’ dawn il-frażijiet, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jeskludi kwalunkwe tentattiv li l-leġiżlazzjonijiet ta’ proċedura kriminali tal-Istati Membri jiġu unifikati, filwaqt li tiġi osservata l-libertà tagħhom li jorganizzaw is-sistemi istituzzjonali rispettivi tagħhom skont ir-regoli nazzjonali tagħhom stess.

54.      Il-lista tal-awtoritajiet li tinsab fl-Artikolu 2(c)(i) tad-Direttiva 2014/41 hija konformi ma’ dan il-kriterju meta tinkludi, fuq bażi ugwali, “imħallef, qorti, imħallef inkwirenti jew prosekutur pubbliku”. Dawn huma, preċiżament, id-detenturi tal-funzjonijiet ta’ tmexxija tal-investigazzjoni kriminali fid-diversi Stati Membri.

55.      Konsegwentement, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni huwa konxju tal-pluralità tal-Uffiċċji tal-Prosekutur li jeżistu f’diversi Stati Membri, l-inklużjoni tal-prosekutur pubbliku fost l-awtoritajiet emittenti kkwalifikati tista’ tinftiehem biss bħala r-riżultat ta’ rieda konxja li jinkludi t-tipi kollha ta’ prosekuturi pubbliċi responsabbli mill-investigazzjoni kriminali f’dawn l-Istati, irrispettivament mil-livell tar-rabta tagħhom mal-poter eżekuttiv.

56.      Evidentement, dan il-livell (varjabbli) ta’ rabta ma setax ma jindunax bih il-leġiżlatur tal-Unjoni, li jaf li l-maġġoranza tal-Istati Membri li jagħtu lill-prosekutur pubbliku funzjonijiet istruttorji fil-kuntest tal-proċeduri kriminali żammew rabta bejnu u l-poter eżekuttiv.

57.      Id-Direttiva 2014/41 ġiet adottata sabiex tħaffef il-kisba u t-trażmissjoni ta’ provi li għandhom dimensjoni tranżnazzjonali, billi jiġi ssemplifikat il-qafas regolatorju, frammentarju u kumpless, fis-seħħ sa dak iż-żmien (32). L-istrumenti ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja li jippreċeduha ma kinux jeħtieġu l-indipendenza tal-Prosekutur Pubbliku mill-poter eżekuttiv, fir-rigward tal-funzjonijiet tiegħu fil-qasam tal-investigazzjoni, u ma hemm xejn li jagħti x’jifhem –għall-kuntrarju– li l-leġiżlatur Ewropew għażel li jistabbilixxi tali rekwiżit (ġdid). Kif ġara bl-istrumenti ta’ kooperazzjoni kriminali preeżistenti f’dan il-qasam, huwa pprefera jirrispetta l-istrutturi ta’ investigazzjoni kriminali tad-diversi Stati Membri.

2.      Il-pożizzjoni msaħħa tal-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni

58.      Id-Direttiva 2014/41 u d-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 għandhom komuni bejniethom il-possibbiltà li l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tista’ tirrifjuta li twettaq dak li huwa mitlub minnha, anki jekk dan ikun għal raġunijiet differenti. Il-partikolarità tad-Direttiva 2014/41 hija li, barra minn hekk, din tagħti lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni firxa wiesgħa ta’ mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni (33) u ta’ modifika tal-portata tal-miżura ta’ investigazzjoni.

59.      Għall-kuntrarju tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/41 jawtorizza lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni sabiex tirrikorri għal miżuri ta’ investigazzjoni differenti minn dawk indikati fl-OIE. Hija tista’ tagħmel dan meta dawn tal-aħħar “ma [jkunux jeżistu] taħt il-liġi tal-Istat ta’ eżekuzzjoni […] jew ma [jkunux] disponibbli f’każ domestiku simili” (34) (paragrafu 1), jew meta l-awtorità ta’ eżekuzzjoni tista’ tagħżel miżura oħra li “jkollha l-istess riżultat permezz ta’ mezzi inqas intrużivi” (paragrafu 3).

60.      Id-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 ma toffrix tali marġni ta’ manuvra u, għall-kuntrarju, tikkundizzjona strettament l-azzjoni tal-awtorità ta’ eżekuzzjoni tal-MAE. Iċ-ċentru ta’ gravità tal-MAE, jekk wieħed jista’ juża din l-espressjoni, huwa l-awtorità emittenti, li l-pożizzjoni ta’ indipendenza istituzzjonali tagħha (35), bħala tali, tagħti lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni l-garanzija (36) li r-restrizzjoni għal-libertà personali, minn din il-perspettiva, ma tistax tiġi kkontestata.

61.      Għall-kuntrarju, fil-qasam tal-OIE, ma huwiex essenzjali li l-awtorità emittenti jkollha l-istess livell ta’ indipendenza, sabiex ikollha rabta mal-awtorità ta’ eżekuzzjoni. Minbarra l-preżunzjoni li tirriżulta mill-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha, kif rajna, firxa ta’ possibbiltajiet sabiex tikkonstata n-nuqqas ta’ disfunzjonijiet.

62.      Id-differenza fis-sistemi legali bejn l-MAE u l-OIE hija kkorroborata mis-suġġettar ta’ dawn tal-aħħar, bħala kriterju prinċipali tal-aġir tal-awtoritajiet ta’ eżekuzzjoni, mhux biss għad-Direttiva 2014/41, iżda wkoll għall-“proċeduri applikabbli f’każ domestiku simili” (Artikolu 2(d)).

63.      Minn din il-premessa tirriżulta konsegwenza li naħseb li hija rilevanti f’dan il-każ, li għaliha jirreferi l-istess Artikolu 2(d) in fine tad-Direttiva 2014/41 u li ser nerġa’ nirreferi għaliha iktar ’il quddiem: “dawn il-proċeduri jistgħu jkunu jeħtieġu awtorizzazzjoni minn qorti fl-Istat ta’ eżekuzzjoni fejn dan ikun previst mil-liġi nazzjonali tiegħu” (37).

64.      Meta l-miżura investigattiva titlob awtorizzazzjoni ġudizzjarja, skont il-leġiżlazzjoni domestika tal-Istat ta’ eżekuzzjoni (li huwa l-każ fl-Awstrija), din issir fattur addizzjonali ta’ garanzija proprja ġudizzjarja. Huwa l-imħallef jew il-qorti magħżula skont ir-regoli tal-Istat ta’ eżekuzzjoni li għandhom jagħtu din l-awtorizzazzjoni.

65.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-implimentazzjoni effettiva tal-OIE tiddependi għalhekk, minn qorti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, ikunu liema jkunu l-awtoritajiet emittenti u ta’ eżekuzzjoni. Id-Direttiva 2014/41 ma tispeċifikax, loġikament, f’liema Stati Membri hija imposta tali awtorizzazzjoni ġudizzjarja mir-regoli proċedurali nazzjonali għall-eżekuzzjoni tal-miżura investigattiva.

E.      Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuna ssuspettata jew akkużata

66.      Il-qorti tar-rinviju tinvoka l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u ta’ drittijiet proċedurali oħra tal-persuni kkonċernati, billi tirreferi għall-punti 67 et seq. tas-sentenza OG u PI (l-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), bħala argument supplimentari għad-deċiżjoni tar-rinviju tagħha.

67.      Il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, kif ukoll tad-drittijiet proċedurali l-oħra tal-persuni suġġetti għal investigazzjonijiet fuq attivitajiet kriminali, hija preokkupazzjoni li rriżultat mill-ħidma preparatorja tad-Direttiva 2014/41 u li ġiet riflessa fiha (38).

68.      Il-Protokoll kien juri bħala għan speċifiku ż-żamma ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u ta’ drittijiet proċedurali oħra tal-persuni suġġetti għall-investigazzjoni. Dan l-għan (u r-rifless sussegwenti tiegħu fir-regola pożittiva) huwa marbut mal-fatt li l-ġbir tal-provi fi Stat Membru ieħor ma għandux jaffettwa l-garanziji tal-persuna suġġetta għal investigazzjoni, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda d-dritt għal proċess ġust. Huwa għalhekk li d-Direttiva 2014/41 hija marbuta ma’ Direttivi oħra dwar id-drittijiet proċedurali fil-kuntest tal-proċeduri kriminali (39).

69.      Hawnhekk ukoll f’dan l-ambitu, id-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 u d-Direttiva 2014/41 isegwu loġiċi li ma jikkoinċidux:

Kif diġà rrilevajt, id-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 għandha effett fuq id-dritt li jista’ jaffettwa bl-iktar mod qawwi l-azzjoni pubblika intiża għar-repressjoni tal-attività kriminali. L-għan immedjat u dirett tal-MAE huwa li jċaħħad lil persuna mil-libertà tagħha sabiex tiġi kkonsenjata lil Stat Membru ieħor, fejn ikollha sservi sentenza jew tkun suġġetta għal proċedura kriminali (40). Din il-libertà hija waħda minn dawk inklużi fil-Karta (l-Artikolu 6) u, għalhekk, għandu jkollha l-protezzjoni ġudizzjarja dovuta (l-Artikolu 47).

Naturalment, id-Direttiva 2014/41 tinsisti fuq il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u tad-drittijiet proċedurali tal-persuna kkonċernata (issuspettata jew akkużata) għall-miżuri investigattivi. Iżda, anki jekk uħud minn dawn il-miżuri jistgħu, min-naħa tagħhom, iwasslu għal limitazzjoni ta’ dritt fundamentali, l-ebda waħda minnhom ma għandha l-intensità ta’ MAE. Il-prattika tal-OIE għandha, mingħajr dubju, issir b’rispett għad-drittijiet fundamentali (41), iżda dan ma jfissirx li, awtomatikament, dawn dejjem ikunu limitati, tkun xi tkun il-miżura miftiehma.

70.      Il-miżuri investigattivi li d-Direttiva 2014/41 tippermetti li jiġu pprattikati fil-fatt ikopru firxa varjata ħafna: ivarjaw minn dawk li ma humiex “invażivi” (42) (il-premessa 16 u l-Artikolu 10(2)) sa dawk li huma invażivi u għalhekk jistgħu jinvolvu ftit jew wisq “indħil” fuq ċerti drittijiet fundamentali (il-premessa 10).

71.      Huwa possibbli wkoll li l-miżuri ordnati jiġu ordnati fuq talba tal-persuna ssuspettata jew akkużata (l-Artikolu 1(3)) u, għaldaqstant, għall-benefiċċju tagħha, li jeskludi kwalunkwe effett negattiv fuq l-isfera tad-drittijiet u l-interessi tagħha.

72.      Abbażi ta’ dawn il-premessi, jidhirli li jkun utli li jiġi indirizzat separatament il-mod kif id-drittijiet tal-investigaturi huma protetti fl-istadji ta’ emissjoni u ta’ eżekuzzjoni tal-OIE, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-intervent tal-Prosekutur Pubbliku fiż-żewġ stadji.

1.      Il-protezzjoni, fl-istadju tal-emissjoni, tad-drittijiet tal-persuna ssuspettata jew akkużata

73.      L-awtorità emittenti għandha tiggarantixxi r-rispett għad-drittijiet tal-persuna ssuspettata jew akkużata: dan huwa ddikjarat fil-premessa 12 tad-Direttiva 2014/41 (43) u huwa stabbilit fl-Artikolu 6(1) u (2) tagħha.

74.      Id-Direttiva 2014/41 tibda bil-preżunzjoni tar-rispett tal-Istati Membri l-oħra għad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, għad-drittijiet fundamentali. (44) F’dan ir-rigward, il-formola tal-OIE tinsab fl-Anness A ta’ din id-direttiva (iktar ’il quddiem il-“formola”) jibda b’introduzzjoni li fiha l-awtorità emittenti għandha tiċċertifika hija stess li, b’mod partikolari, li l-OIE huwa neċessarju u proporzjonat u li d-drittijiet tal-persuna ssuspettata jew akkużata ttieħdu inkunsiderazzjoni.

75.      Fir-rwol tiegħu ta’ garanti tal-legalità u, b’estensjoni, tad-drittijiet individwali, meta l-Prosekutur Pubbliku jaġixxi bħala awtorità emittenti, huwa għandu josserva dawn ir-rekwiżiti. Għalhekk il-formola għandha timtela bl-iktar mod xieraq sabiex l-awtorità ta’ eżekuzzjoni li tirċeviha ma jkollhiex dubji dwar l-osservanza tar-restrizzjonijiet tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2014/41.

76.      Il-liġi nazzjonali, filwaqt li tistabbilixxi l-Prosekutur Pubbliku bħala awtorità emittenti, tista’ tagħti lil qorti l-kompetenza li tawtorizza l-adozzjoni ta’ ċerti miżuri (speċjalment jekk dawn ikunu ta’ natura invażiva). Id-Direttiva 2014/41 ma tipprevedix in-neċessità ta’ tali awtorizzazzjoni qabel jinħareġ OIE, iżda xejn ma jipprekludi li l-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat teżiġi dan. F’tali ipoteżi, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuna ssuspettata jew tal-persuna akkużata tkun assigurata doppjament, sa mill-oriġini tagħha fl-Istat emittenti (45).

2.      Il-protezzjoni, fl-istadju tal-eżekuzzjoni, tad-drittijiet tal-persuna ssuspettata jew akkużata

77.      Il-garanzija tad-drittijiet fundamentali fl-Istat ta’ eżekuzzjoni hija stabbilita fil-premessa 19 (46) tad-Direttiva 2014/41 u kkonkretizzata fl-Artikolu 11(1)(f) tagħha, li jipprovdi li, “[m]ingħajr preġudizzju għall-Artikolu 1(4), ir-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni ta’ OIE jistgħu jiġu rifjutati fl-Istat ta’ eżekuzzjoni […] fejn ikun hemm raġunijiet sostantivi għalxiex jitwemmen li l-eżekuzzjoni ta’ miżura investigattiva […] tkun inkompatibbli mal-obbligi tal-Istat ta’ eżekuzzjoni taħt l-Artikolu 6 tat-TUE u l-Karta”.

78.      L-espressjoni “mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 1(4)” (47) turi l-importanza ta’ din id-dispożizzjoni tad-Direttiva 2014/41, li ssir waħda mill-klawżoli ġenerali intiżi sabiex jirregolaw l-attività tal-awtoritajiet, emittenti jew ta’ eżekuzzjoni tal-OIE.

79.      Għalhekk huwa l-Prosekutur Pubbliku, fl-Istati Membri li ħatruh bħala awtorità ta’ eżekuzzjoni, li għandu jikkonforma ma’ dawn ir-rekwiżiti, li jistgħu saħansitra jwassluh sabiex jirrifjuta r-rikonoxximent jew l-eżekuzzjoni tal-OIE.

80.      Mingħajr ma tasal għal soluzzjoni drastika bħal din, id-Direttiva 2014/41 tagħti lill-Prosekutur Pubbliku, jekk ikun nominat bħala l-awtorità ta’ eżekuzzjoni, setgħat sabiex jirregola l-eżekuzzjoni tal-OIE: billi juża l-Artikolu 10 (miżuri investigattivi differenti minn dawk mitluba), jew il-mekkaniżmu ta’ konsultazzjoni mal-awtorità emittenti (l-Artikoli 6(3) u 9(6)).

81.      Finalment, fil-mument tal-eżekuzzjoni tal-OIE, il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u tad-drittijiet proċedurali l-oħra tal-persuna ssuspettata jew akkużata diġà tkun għaddiet minn sensiela ta’ filtri u “salvagwardji” (48) li jgħinu sabiex jitneħħa kwalunkwe dubju f’dan ir-rigward.

82.      Iċ-ċirku ta’ protezzjoni ta’ dawn id-drittijiet jintemm, fl-iskema tad-Direttiva 2014/41, billi jimponi l-istabbiliment ta’ “rimedji legali”, imsemmija fil-premessa 22 (49) u stabbiliti fl-Artikolu 14.

83.      Dawn ir-rimedji legali, kemm fl-Istat emittenti kif ukoll fl-Istat ta’ eżekuzzjoni (50), jimlew, biex ngħidu hekk, il-vojt li kien perċepit fid-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 u li wassal għad-domandi preliminari magħmula minn qrati oħra, li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tirrispondihom. Għalhekk, it-tħassib espress, f’dan ir-rigward, fid-deċiżjoni tar-rinviju ma jikkorrispondix għat-termini tad-Direttiva 2014/41.

3.      L-azzjoni eventwali (supplimentari) ta’ qorti tal-Istat ta’ eżekuzzjoni, meta, f’dan l-Istat, il-Prosekutur Pubbliku jkun awtorità ta’ eżekuzzjoni

84.      Skont l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2014/41, l-eżekuzzjoni ta’ OIE għandha titwettaq “f’konformità ma’ din id-Direttiva u l-proċeduri applikabbli f’każ domestiku simili. Dawn il-proċeduri jistgħu jkunu jeħtieġu awtorizzazzjoni minn qorti fl-Istat ta’ eżekuzzjoni fejn dan ikun previst mil-liġi nazzjonali tiegħu.”

85.      Il-qorti tar-rinviju, f’din il-kawża, hija dik li għandha tawtorizza l-miżura mitluba mill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Vjenna, peress li dan huwa stabbilit fl-StPO. Għaldaqstant, l-intervent tagħha ma huwiex meħtieġ mid-Direttiva 2014/41, anki jekk din, fl-osservanza tal-proċeduri nazzjonali, ma tostakolax it-twettiq tagħha. Madankollu, dan l-intervent ma jagħmilx lil din il-qorti awtorità ta’ eżekuzzjoni (51).

86.      Fil-loġika tad-Direttiva 2014/41, huwa pprovdut li, fl-evalwazzjoni tat-talba għal awtorizzazzjoni, il-qorti kompetenti ma tissostitwixxix lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni ta’ dan l-Istat Membru. Hija biss din tal-aħħar (f’dan il-każ, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Vjenna) li għandha s-setgħa timplimenta l-miżura mitluba.

87.      Il-qorti tar-rinviju, li għandha tagħti l-awtorizzazzjoni ġudizzjarja sabiex ikun hemm aċċess għall-informazzjoni tal-kont bankarju, għalhekk ma għandhiex tinvestiga liema kienu r-rabtiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Hamburg (li aġixxa bħala awtorità emittenti) mal-poter eżekuttiv tal-Istat emittenti. Kieku kien mod ieħor, dik il-qorti kienet tintroduċi kundizzjoni addizzjonali, mhux prevista mid-Direttiva 2014/41, li lanqas ma hija imposta fuq il-korpi ta’ investigazzjonijiet nazzjonali.

88.      Fi kliem ieħor, u sabiex immur lura għall-bidu ta’ din l-analiżi, il-loġika tad-Direttiva 2014/41 hija riflessa fil-fatt li l-qorti tar-rinviju, għall-finijiet tal-aċċettazzjoni tagħha, għandha tindirizza l-OIE li ġej indirettament mill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Hamburg, u direttament mill-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Vjenna, bl-istess mod bħal talba għal awtorizzazzjoni ta’ miżuri mitluba mill-Prosekutur Pubbliku Awstrijak fil-kuntest ta’ investigazzjoni kriminali Awstrijaka.

F.      Korollarju

89.      Id-Direttiva 2014/41 tinkludi leġiżlazzjoni kompleta tar-relazzjonijiet bejn l-awtoritajiet emittenti u ta’ eżekuzzjoni tal-OIE. Fi kwalunkwe mument, din il-leġiżlazzjoni tieħu inkunsiderazzjoni r-rispett tad-drittijiet fundamentali u d-drittijiet proċedurali l-oħra tal-persuna ssuspettata jew akkużata. Minbarra l-preżunzjoni inerenti għall-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, is-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja kriminali toffri, f’dan il-qasam, garanziji suffiċjenti li d-drittijiet ta’ dawn il-persuni huma protetti.

90.      Dan il-qafas regolatorju huwa wiesa’ biżżejjed sabiex jinkludi, bħala awtoritajiet emittenti, lill-Prosekuturi Pubbliċi tal-Istati Membri kollha, tkun xi tkun il-pożizzjoni istituzzjonali tagħhom fir-rigward tal-poter eżekuttiv. F’kull każ, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tikkunsidra jekk il-kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni tagħha humiex issodisfatti fil-kuntest tal-OIE. Kontra d-deċiżjoni tagħha, id-Direttiva 2014/41 tipprevedi r-rimedji ġudizzjarji xierqa.

91.      Il-fatt li l-Prosekutur Pubbliku ta’ Stat Membru jista’ jirċievi struzzjonijiet speċifiċi mill-poter eżekuttiv għalhekk ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi rrifjutata sistematikament l-eżekuzzjoni tal-OIE li jkunu nħarġu. Għall-kuntrarju:

Kull awtorità ta’ eżekuzzjoni għandha tiżgura li l-Prosekutur Pubbliku emittenti ma jkunx suġġett għal dawn l-istruzzjonijiet. Dan probabbilment joħloq inċertezza legali u dewmien kunsiderevoli (52) fit-tmexxija tal-investigazzjonijiet kriminali ta’ dimensjoni transkonfinali, li jagħmel iktar diffiċli li “tiġi żgurata kooperazzjoni rapida, effettiva u konsistenti bejn l-Istati Membri f’materji kriminali” (53).

Minn dan tirriżulta emenda impliċita tad-Direttiva 2014/41, fejn l-Artikolu 2(c)(i) tagħha, u jkollhom jiġu jeskludi l-Prosekuturi Pubbliċi ta’ ċerti pajjiżi, sabiex jiġu inklużi fil-punt (ii) tal-istess subparagrafu (c), li jfisser li lanqas ma jistgħu jivvalidaw id-deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet amministrattivi oħra li joħorġu l-OIE.

Din hija limitata sabiex tiddefinixxi mill-ġdid it-tqassim tal-kompetenzi tal-awtoritajiet emittenti fl-Istati Membri (54), bl-effett li tinħoloq distorsjoni tar-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni, li ma riedx jibdel, iżda ried jirrispetta s-sistemi istituzzjonali u proċedurali tal-Istati Membri fis-seħħ meta ġiet adottata d-Direttiva 2014/41.

V.      Konklużjoni

92.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lil-Landesgericht für Strafsachen Wien (il-Qorti Kriminali Reġjonali ta’ Vjenna, l-Awstrija) kif ġej:

“Il-Prosekuturi Pubbliċi tal-Istati Membri li ħatruhom bħala awtoritajiet emittenti jistgħu jiġu kklassifikati bħala awtoritajiet ġudizzjarji emittenti fis-sens tal-Artikolu 2(c)(i) tad-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-ordni ta’ investigazzjoni Ewropea f’materji kriminali”.


1      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropew f’materji kriminali (ĠU 2014, L 130, p. 1).


3      Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45).


4      Il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni Ġudizzjarja.


5      Il-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (iktar ’il quddiem, “StPO”).


6      Il-Liġi Federali dwar il-Kooperazzjoni Ġudizzjarja f’Materji Kriminali mal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.


7      L-investigazzjoni hija bbażata fuq il-fatt li, f’Lulju 2018, bl-użu ta’ data miksuba b’mod illegali, tlettax-il ordni ta’ trasferiment ġew iffalsifikati mill-persuni ssuspettati, li magħhom ġie ttrasferit l-ammont ta’ EUR 9 775.04 f’kont bankarju (miftuħ f’isem A ma’ bank Awstrijak).


8      Sentenza tas-27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (l-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u Zwickau) (C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456; iktar ’il quddiem is-“sentenza OG u PI (l-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau”)).


9      L-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Hamburg huwa organikament suġġett għall-Justizsenator (Senatur għall-Ġustizzja) ta’ Hamburg, li jifforma parti mill-poter eżekuttiv u jista’ jingħata struzzjonijiet f’każijiet speċifiċi.


10      Sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2019, NJ (l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Vjenna) (C‑489/19 PPU, EU:C:2019:849), punt 40: “[…] fir-rigward tal-Uffiċċji tal-Prosekutur Awstrijaċi, mill-Artikolu 2(1) tal-Liġi dwar l-Uffiċċji tal-Prosekutur jirriżulta li dawn jirrispondu direttament lill-Uffiċċji tal-Prosekutur Ġenerali u huma suġġetti għall-ordnijiet tagħhom u li dawn tal-aħħar huma, min-naħa tagħhom, subordinati għall-Ministru Federali għall-Ġustizzja. Issa, peress li l-indipendenza meħtieġa teħtieġ li jkunu jeżistu regoli statutorji u organizzattivi xierqa sabiex jiġi ggarantit li l-awtorità ġudizzjarja emittenti ma tkunx esposta, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, għal kwalunkwe riskju li tkun suġġetta b’mod partikolari għal struzzjonijiet individwali min-naħa tal-poter eżekuttiv, l-Uffiċċji tal-Prosekutur Awstrijaċi ma jistgħux jitqiesu li jissodisfaw dan ir-rekwiżit (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Mejju 2019, OG u PI (L-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), C‑508/18 u C‑82/19 PPU, EU:C:2019:456, punti 74 u 84)”. Mingħajr korsiv fl-oriġinal.


11      Esklużi espliċitament mill-Qorti tal-Ġustizzja mil-lista ta’ awtoritajiet li jipparteċipaw fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali [punt 50 tas-sentenza OG u PI (l-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau)].


12      Sentenza tat-9 ta’ Ottubru 2019, l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Vjenna (C‑489/19 PPU, EU:C:2019:849), il-parti operattiva: “[…] minkejja li dawn l-Uffiċċji tal-Prosekutur jiġu esposti għal riskju li jkunu suġġetti, direttament jew indirettament, għal ordnijiet jew għal struzzjonijiet individwali min-naħa tal-poter eżekuttiv, […] dawn il-mandati ta’ arrest huma s-suġġett, obbligatorjament, […] ta’ approvazzjoni minn qorti li tistħarreġ b’mod indipendenti u oġġettiv, billi jkollha aċċess għall-fajl dwar il-kawża kriminali kollu kemm hu li fih ikunu inklużi eventwali ordnijiet jew struzzjonijiet individwali min-naħa tal-poter eżekuttiv, il-kundizzjonijiet għall-ħruġ kif ukoll il-proporzjonalità ta’ dawn l-istess mandati ta’ arrest, billi għalhekk tadotta deċiżjoni awtonoma li tagħtihom il-forma definittiva tagħhom”.


13      L-Artikolu 8(3)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE, tal-15 ta’ Frar 2011, dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-direttiva 77/799/KEE (ĠU 2011, L 64, p. 1), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE, tad-9 ta’ Diċembru 2014 (ĠU 2014, L 359, p. 1). Ara s-sentenza tal-14 ta’ April 2016, Sparkasse Allgäu (C‑522/14, EU:C:2016:253).


14      L-OIE jistgħu jkopru kważi l-mezzi kollha ta’ prova: huwa biżżejjed li l-miżura mitluba teżisti fl-ordinament ġuridiku tal-Istat ta’ eżekuzzjoni (l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/41).


15      L-Artikolu 34 tad-Direttiva 2014/41. Meta mqabbel ma’ dawn l-istrumenti preċedenti, il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku huwa inqas strett, u ċerti limiti saru aċċettati.


16      It-termini “ġudizzjarju” u “mhux ġudizzjarju” ma jidhrux, bħala tali, fil-lista ta’ definizzjonijiet fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/41. L-użu tagħhom, għalhekk, għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni, bażikament, jirrispondi għan-natura tal-istituzzjonijiet inklużi fiż-żewġ kategoriji.


17      Is-Segretarjat tan-Network Ġudizzjarju Ewropew stabbilixxa lista ta’ awtoritajiet kompetenti, aġġornata fit-30 ta’ Settembru 2019, li turi d-diversità tal-kriterji segwiti f’24 Stat Membru. Il-maġġoranza (16) ma jipprevedux il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet emittenti mhux ġudizzjarji, li l-intervenzjoni tagħhom teħtieġ validazzjoni. L-Istati li jikkunsidrawha jinkludu f’din il-kategorija lill-awtoritajiet amministrattivi kompetenti fil-qasam fiskali, doganali u amministrattivi inġenerali. (https://www.ejn-crimjust.europa.eu/ejn/EJN_RegistryDoc/EN/3115/0/0).


18      Fil-Ġermanja, l-OIE jistgħu jinħarġu mill-awtoritajiet amministrattivi awtorizzati sabiex jibdew azzjonijiet ġudizzjarji għal ksur amministrattiv, u l-validazzjoni tagħhom issir mill-Uffiċċju tal-Prosekutur fil-lokalità tagħhom. Madankollu, fir-rigward tal-awtoritajiet fiskali, il-Finanzamts jikkunsidraw li, skont l-Artikolu 399(1) tal-Kodiċi Fiskali Ġermaniż, huma jeżerċitaw il-funzjonijiet tal-Prosekutur Pubbliku fil-kuntest tal-proċeduri kriminali għal ksur fiskali u għandhom għalhekk jiġu rrikonoxxuti bħala awtoritajiet emittenti ta’ OIE skont l-Artikolu 2(c)(i) tad-Direttiva 2014/41. Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari C‑66/20 Finanzamt für Steuerstrafsachen und Steuerfahndung Münster jirrigwarda l-problemi li tqajjem din id-domanda.


19      Mad-diffikultajiet sabiex jiġu ppreċiżati l-parametri tal-“awtorità ġudizzjarja”, jingħad ukoll li l-verżjoni Ġermaniża tad-Direttiva 2014/41, fl-Artikolu 1(1) tagħha, tuża l-espressjoni “gerichtliche Entscheidung”, li jidher li tevoka l-azzjoni ta’ qorti (“Gericht”). Minħabba dan il-fatt, il-Kummissjoni (fil-punt 28 tal-osservazzjonijiet tagħha) u l-Gvern Ġermaniż (fil-punt 42 tal-osservazzjonijiet tiegħu) jirrakkomandaw li jintużaw il-kliem “justizielle Entscheidung”.


20      Sentenza OG u PI (l-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau, punt 49).


21      Ibidem, punt 50.


22      Ibidem, punt 51.


23      Ibidem, punt 52.


24      Ibidem, punti 49 u 56.


25      Konklużjonijiet fil-kawżi OG u PI (l-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), EU:C:2019:337, punti 37 sa 40).


26      Konklużjonijiet tal-kawża Özçelik (C‑453/16 PPU, EU:C:2016:783), punt 51. B’mod speċifiku, il-klassifikazzjoni bħala awtorità ġudizzjarja tal-Prosekutur Pubbliku fil-kuntest tal-MAE kienet limitata għall-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584, bħala awtorità li għandha s-setgħa li tagħti d-“deċiżjoni ġudizzjarja” msemmija fil-punt (c) (mandat ta’ arrest nazzjonali), li tippreċedi l-ħruġ ta’ MAE. Fil-konklużjonijiet tal-kawża OG u PI (l-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau) hija enfasizzat ukoll, kif, f’oqsma oħra tal-kooperazzjoni kriminali, il-Prosekutur Pubbliku huwa kkunsidrat bħala “awtorità ġudizzjarja” (punt 38).


27      Sentenza OG u PI (l-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), punti 50 sa 63: “it-termini ‘awtorità ġudizzjarja’ li jissemmew f’[l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584] ma jindikawx biss l-imħallfin u l-qrati ta’ Stat Membru, iżda għandhom jinftiehmu li jkopru, b’mod iktar wiesa’, l-awtoritajiet imsejħa sabiex jipparteċipaw fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali ta’ dan l-Istat Membru” (punt 50). Fiċ-ċirkustanzi li ġew eżaminati, ġie deċiż li l-“uffiċċji tal-prosekutur [Ġermaniżi] […] jipparteċipaw fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali” (punt 63), u minn dan jiġi dedott li huma awtorità ġudizzjarja.


28      Sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2019, NJ (l-Uffiċċju tal-Prosekutur ta’ Vjenna) (C‑489/19 PPU, EU:C:2019:849, punt 35: “[…] peress li ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew huwa tali li jippreġudika d-dritt għal-libertà tal-persuna kkonċernata, stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Karta, din il-protezzjoni timplika li deċiżjoni li tissodisfa r-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva għandha tiġi adottata, tal-inqas, f’wieħed miż-żewġ livelli ta’ din il-protezzjoni”.


29      Barra minn hekk, kif diġà semmejt, din tinkludi l-possibbiltà li tiġi rrikonoxxuta n-natura ta’ awtorità emittenti lill-funzjonijiet amministrattivi, doganali jew fiskali, wara validazzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji.


30      Nirreferi għall-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi Özçelik (C‑531/16 PPU, EU:C:2016:783), punti 39 sa 41; u PF (Prosekutur Ġenerali tal-Litwanja) (C‑509/18, EU:C:2019:338), punti 36 sa 46.


31      Dokument 9288/10 ADD 2 tal-Kunsill tat-23 ta’ Ġunju 2010 (iktar’ il quddiem il-“Protokoll”), p. 22.


32      Il-premessi 5 u 6 tad-Direttiva 2014/41.


33      L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2014/41 jagħti lill-awtorità emittenti r-rwol li tevalwa n-neċessità u l-proporzjonalità tal-ħruġ tal-OIE, ir-rispett tad-drittijiet tal-persuna ssuspettata u tal-persuna akkużata, kif ukoll il-verifika li l-miżuri setgħu jittieħdu fl-istess kundizzjonijiet għal każ intern simili. Jekk l-awtorità ta’ eżekuzzjoni jkollha dubji rigward l-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet, l-Artikolu 6(3) jawtorizzaha tikkonsulta mal-awtorità emittenti. Fit-twettiq tal-OIE, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni u l-awtorità emittenti jistgħu jikkonsultaw lil xulxin (l-Artikolu 9(6) tad-Direttiva 2014/41).


34      Din il-prekawzjoni hija marbuta, għal darba oħra, mal-kriterju li r-regoli interni ta’ kull Stat Membru ma jiġux mibdula fil-qasam tal-proċedura kriminali.. Madankollu, l-awtorità ta’ eżekuzzjoni ma tistax tagħmel użu mill-fakultà mogħtija lilha fl-Artikolu 10(1), fil-każijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 tiegħu.


35      Sentenza OG u PI (l-Uffiċċji tal-Prosekutur ta’ Lübeck u ta’ Zwickau), punt 73: “[…] għandha tkun tista’ [toħroġ MAE] oġġettivament, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-provi kollha inkriminanti u skaġunanti, u mingħajr ma tkun esposta għar-riskju li s-setgħa deċiżjonali tagħha tista’ tkun suġġetta għal ordnijiet jew struzzjonijiet esterni, b’mod partikolari mill-poter eżekuttiv, sabiex ma jkun hemm l-ebda dubju dwar il-fatt li d-deċiżjoni li jinħareġ il-mandat ta’ arrest Ewropew tkun ta’ dik l-awtorità u mhux, finalment, ta’ dak il-poter”.


36      Ibidem, punt 74: “l-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tkun tista’ tagħti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni l-assigurazzjoni li, fid-dawl tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru emittenti, hija qed taġixxi b’mod indipendenti fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħha inerenti fir-rigward tal-ħruġ ta’ mandat ta’ arrest Ewropew”.


37      Madankollu, ma neskludix li leġiżlazzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni tista’, f’ċerti każijiet, teħtieġ l-awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel. Fil-Kawża C‑746/18, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddetermina jekk dan huwiex il-każ fl-aċċess għal data dwar il-komunikazzjonijiet elettroniċi. Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Pitruzzella, tal-21 ta’ Jannar 2020, f’din il-kawża (EU:C:2020:18).


38      Minn perspettivi differenti, l-premessa 10, 12, 18, 19 u 39 jirreferu għad-drittijiet fundamentali. Fir-rigward tad-dispożittiv, huma jinvokaw espliċitament id-drittijiet fundamentali tal-Artikolu 1(4) “[id-Direttiva] m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett għad-drittijiet fundamentali ul-prinċipji legali kif sanċiti fl-Artikolu 6 tat-TUE, inklużi d-drittijiet ta’ difiża ta’ persuni suġġetti għal proċedimenti kriminali”; u l-Artikolu 14(2). Ara, iktar ’il quddiem, il-punti 83 u 84.


39      Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Ottubru 2010, dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU 2010, L 280, p. 1), Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU 2012, L 142, p. 1), u Direttiva 2013/48/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (ĠU 2013, L 294, p. 1).


40      Barra minn hekk, din hija restrizzjoni li hija partikolarment ikkwalifikata, għax, bit-telf tal-libertà, jiżdied iċ-ċaqliq forzat lejn Stat ieħor, li jneħħi lill-persuna miċ-ċirku li fih tgħix il-ħajja personali u soċjali tagħha, li jwassal għall-ħtieġa li tiġi affaċċjata difiża teknika f’territorju b’sistema ġuridika differenti.


41      Premessa tnax: l-awtorità emittenti għandha “[tiżgura] ir-rispett sħiħ għad-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea […]. Il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-drittijiet ta’ difiża fi proċedimenti kriminali, huma pilastru tad-drittijiet fundamentali rikonoxxuti fil-Karta fil-qasam tal-ġustizzja kriminali. Kwalunkwe limitazzjoni ta’ tali drittijiet minn miżura investigattiva ordnata skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandha tkun konformi b’mod sħiħ mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 52 tal-Karta fir-rigward tan-neċessità, il-proporzjonalità u l-għanijiet li għandha tfittex, partikolarment il-ħarsien tad-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn”.


42      Il-premessa 16: “Il-miżuri mhux koerċitivi jistgħu jkunu, pereżempju, miżuri tali li ma jiksrux id-dritt tal-privatezza jew id-dritt tal-proprjetà, skont kif tipprevedi l-liġi nazzjonali”. In-Nota Konġunta tal-Eurojust u tan-Network Ġudizzjarju Ewropew dwar l-applikazzjoni prattika tal-OIE, fil-punt 5.4, in fine, tagħha tipprovdi li “Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri m’għandhomx definizzjoni ta’ ‘miżuri mhux koerċittivi’ fil-leġislazzjoni tagħhom, iżda jqisu t-terminu pjuttost bħala kunċett komuni li huwa definit fil-lingwaġġ legali ta’ kuljum, li jinkorpora miżuri li ma jaffettwawx id-drittijiet fundamentali, u li spiss ma jeħtiġux ordni tal-qorti (ara wkoll il-Premessa 16).” (11168/19, http://eurojust.europa.eu/doclibrary/Eurojust-framework/Casework/Joint%20note%20of%20Eurojust%20and%20the%20EJN%20on%20the%20practical%20application%20of%20the%20European%20Investigation%20Order%20(June%202019)/2019-06-Joint_Note_EJ-EJN_practical_application_EIO_mt.pdf).


43      Imdaħħla fin-nota 41.


44      Il-premessa 19: “Il-ħolqien ta’ spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja fl-Unjoni huwa bbażat fuq fiduċja reċiproka u presunzjoni ta’ konformità, minn Stati Membri oħra, mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mad-drittijiet fundamentali”.


45      Il-Gvern Ġermaniż isostni (punti 61 u 62 tal-osservazzjonijiet tiegħu) li dan huwa l-kriterju tal-leġiżlazzjoni tiegħu. B’risposta għal domanda tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa ppreċiża li, f’din il-kawża, l-intervent tal-Prosekutur Pubbliku ta’ Hamburg ma kienx ippreċedut mid-deċiżjoni ta’ qorti, fid-dawl tan-natura tal-miżura mitluba.


46      “[…] jekk ikun hemm raġunijiet sostantivi biex wieħed jemmen li l-eżekuzzjoni ta’ miżura investigattiva indikata fl-OIE tkun tirriżulta fi ksur ta’ dritt fundamentali tal-persuna kkonċernata u li l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ser jinjora l-obbligi tiegħu dwar il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali rikonoxxuti fil-Karta, l-eżekuzzjoni tal-OIE għandha tiġi rifjutata”.


47      Imdaħħla fin-nota 38.


48      Dan it-terminu jinsab fit-titolu tal-Kapitolu III (“Proċeduri u salvagwardji għall-Istat ta’ eżekuzzjoni”) tad-Direttiva 2014/41.


49      “Ir-rimedji legali disponibbli kontra OIE għandhom ikunu tal-inqas ugwali għal dawk disponibbli fil-każ domestiku kontra l-miżura investigattiva kkonċernata. F’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-applikabbiltà ta’ dawk ir-rimedji legali, anke billi jgħarrfu lil kwalunkwe parti interessata fiż-żmien tajjeb bil-possibbiltajiet u l-modi biex tfittixhom […]”.


50      Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari li ta lok għas-sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2019, Gavanozov (C-324/17 EU:C:2019:892) kien jirrigwarda r-rimedji legali. Fil-punt 37 tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja llimitat ruħha li tikkonstata li ma huwiex neċessarju li l-formola mibgħuta tinkludi “deskrizzjoni tar-rimedji legali li jeżistu, jekk ikun il-każ, fl-Istat Membru emittenti, kontra l-ħruġ ta’ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea". Għalhekk hija ma indirizzatx il-kwistjoni dwar jekk " […] l-Artikolu 14 ta’ din id-Direttiva […] [jipprekludix] leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprovdi ebda rimedju li jippermetti li jiġu kkontestati r-raġunijiet sostantivi li jwasslu għall-ħruġ” ta’ OIE. Fil-konklużjonijiet tiegħu f’din il-kawża (EU:C:2019:312), l-Avukat Ġenerali Bot sostna li dan l-artikolu “fl-assenza ta’ kwalunkwe possibbiltà prevista mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħalma hija l-leġiżlazzjoni Bulgara, li jiġu kkontestati r-raġunijiet sostantivi ta’ miżura investigattiva msemmija f’ordni ta’ investigazzjoni Ewropea, huwa jipprekludi din il-leġiżlazzjoni u li awtorità ta’ dan l-Istat Membru toħroġ ordni ta’ investigazzjoni Ewropea”.


51      Ir-rwol ta’ qorti li tawtorizza l-miżura investigattiva ma huwiex ekwivalenti għal validazzjoni, fis-sens ta’ dak li huwa previst għall-awtoritajiet emittenti skont l-Artikolu 2(c)(ii) tad-Direttiva 2014/41.


52      Il-punt 4 tal-Protokoll jirrileva li r-riżoluzzjoni rapida tal-kawżi kriminali hija element prinċipali kemm għall-effikaċja kif ukoll għall-kwalità tas-sistema. Id-dewmien mhux dovut għandu jiġi evitat minħabba li jkollu impatt negattiv fuq il-kwalità tal-provi. Barra minn hekk, kull persuna akkużata għandha d-dritt li tinstema’ f’terminu raġonevoli.


53      Il-premessa 21 tad-Direttiva 2014/41.


54      In-Nota Konġunta tal-Eurojust u tan-Network Ġudizzjarju Ewropew dwar l-applikazzjoni prattika tal-Ordni ta’ Investigazzjoni Ewropea turi li, fl-isfond imqabbel, fil-parti l-kbira, l-Istati Membri jinnominaw lill-Prosekutur Pubbliku bħala awtorità emittenti.