Language of document :

Appell ippreżentat fis-16 ta’ Mejju 2019 minn Hamas mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (l-Ewwel Awla Estiża) fis-6 ta’ Marzu 2019 fil-Kawża T-289/15, Hamas vs Il-Kunsill

(Kawża C-386/19 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Hamas (rappreżentant : L. Glock, avukat)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tas-6 ta’ Marzu 2019, Hamas vs Il-Kunsill, T-289/15;

tagħti deċiżjoni definittiva fuq il-kwistjonijiet li huma s-suġġett tal-appell;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż kollha tal-istanzi quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellant jinvoka erba’ aggravji insostenn tal-appell tiegħu.

L-ewwel nett, billi ddeċidiet li l-fatti ċċitati fil-punt 15 tal-Anness A u fil-punt 17 tal-Anness B tal-espożizzjoni tal-motivi tal-atti ta’ Marzu 2015 huma invokati b’mod awtonomu mill-Kunsill, il-Qorti Ġenerali żnaturat l-annessi tal-proċess, issostitwiet il-motivi tagħha għal dawk tal-awtur tal-atti kkontestati, kisret l-obbligu li timmotiva d-deċiżjoni tagħha u ċaħdet lir-rikorrent f’dik il-kawża mill-possibbiltà li jipprepara d-difiża tiegħu.

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, billi aċċettat li deċiżjoni ta’ awtorità amministrattiva ttieħdet minn awtorità kompetenti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, minkejja li din qatt ma kienet is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju.

It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/93, l-Artikolu 296 TFUE, kif ukoll id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrent f’dik il-kawża, meta ddeċidiet li d-deċiżjoni Brittanika kienet deċiżjoni ta’ kundanna u li konsegwentement il-Kunsill kellu l-obbligu li jibbaża ruħu kemm jista’ jkun fuq l-evalwazzjoni tal-awtorità li adottatha.

Ir-raba’ nett, billi ddeċidiet li l-Hamas u l-Hamas IDQ kienu entità waħda, il-Qorti Ġenerali kisret ir-regoli fuq l-oneru tal-prova, laqgħet regolarizzazzjoni mill-Kunsill tal-motivi tiegħu matul l-istanza, ħadet inkunsiderazzjoni ta’ provi mingħajr ma vverifikat jekk kinux effettivi, kisret in-natura kontradittorja tad-dibattitu fuq il-fatti, żnaturat il-punti tal-proċess u kisret il-prinċipju tal-indipendenza tal-proċeduri.

____________