Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Lulju 2012 – ZZ et vs BEI

(Kawża F-73/12)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: ZZ u oħrajn (rappreżentant: L. Levi, avukat)

Konvenut: Bank Ewropew tal-Investiment

Suġġett

Minn naħa, l-annullament tad-deċiżjonijiet li jinsabu fil-payslips, li tiġi applikata d-deċiżjoni ġenerali tal-Bank Ewropew tal-Investiment li tistabbilixxi progressjoni fil-pagi limitata għal 2.8 % għall-persunal kollu u d-deċiżjoni li tiddefinixxi skeda ta’ mertu li twassal għal telf ta’ 1 % tas-salarju u, min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-konvenut għall-ħlas tad-differenza fir-remunerazzjoni flimkien mal-interessi moratorji u l-ħlas ta’ danni.

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjonijiet li għar-rikorrenti jiġu applikati d-deċiżjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI tat-13 ta’ Diċembru 2011 li tistabbilixxi progressjoni fil-pagi limitata għal 2.8 % u d-deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-BEI tal-14 ta’ Frar 2012 li tiddefinixxi skeda ta’ mertu li twassal għal telf ta’ 1 % tas-salarju, deċiżjonijiet li jinsabu fil-payslips ta’ April 2012 kif ukoll tannulla, bl-istess mod, id-deċiżjonijiet kollha li jinsabu fil-payslips ta’ wara;

tikkundanna lill-konvenut għall-ħlas tad-differenza bejn ir-remunerazzjoni li tirriżulta mid-deċiżjonijiet iċċitati iktar ’il fuq tal-Bord tad-Diretturi tal-BEI tat-13 ta’ Diċembru 2011 u tal-Kumitat ta’ Tmexxija tal-BEI tal-14 ta’ Frar 2012 u dik li tirriżulta mill-applikazzjoni tas-sistema preċedenti tas-salarji; din id-differenza fir-remunerazzjoni għandha tkun miżjuda bl-interessi moratorji dekorribbli mit-12 ta’ April 2012 u, wara, fit-12 ta’ kull xahar, sakemm isir il-ħlas kollu, bl-iffissar ta’ dawn l-interessi fil-livell tar-rata tal-BĊE miżjuda bi 3 punti perċentwali;

tikkundanna lill-konvenut għall-ħlas ta’ danni minħabba d-dannu subit bħala riżultat tat-telf ta’ poter ta’ akkwist, bi stima ta’ dan id-dannu magħmula ex aequo et bono, u fuq bażi provviżorja, fl-ammont ta’ 1.5% tas-salarju ta’ kull xahar ta’ kull rikorrent;

tikkundanna lill-BEI għall-ispejjeż.